Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa ta’ Santa Maria delle Grazie

VIŻTA LILL-PARROĊĊA TA’ SANTA MARIA DELLE GRAZIE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 16 ta’ Diċembru 1984

1. Mill-kelma ta’ Alla tal-liturġija tallum il-Ħadd tal-Avvent nisimgħu kant meraviljuż ta’ żewġ vuċijiet.

Mill-qrib, sa ċertu punt mill-qalb tal-Avvent, titkellem il-Verġni ta’ Nażżaret, il-magħżula biex tkun omm il-Messija.

Mill-bogħod iżda jidwi l-profeta Iżaija, sa ċertu punt l-“evanġelista” tal-patt il-qadim. Iż-żewġ vuċijiet jiltaqgħu u jarmonizzaw b’mod meraviljuż.

2. Hekk hu il-kliem ta’ Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej / u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-salvatur tiegħi, / għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu… / Ħwejjeġ kbar għamel fija is-Setgħani… / il-ħniena tiegħu tinfirex  f’kull żmien / fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1, 46-50).

U hekk hu l-kliem tal-profeta: “Nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej, / taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi, / għax hu libbisni is-salvazzjoni, / bil-mantar tal-ġustizzja għattieni… / bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha” ( 61, 10).

Dak li wera ruħu fil-kliem ta’ Iżaija isib f’dak ta’ Marija mhux biss eku mbiegħed, imma forma meraviljuża u sa ċertu punt, “rifinitura”.

Iżaija jfaħħar lil Alla għad-don tal-grazzja. U Marija tfaħħar lil Alla għad-don tal-grazzja: għad-don ta’ grazzja sublimi, l-ikbar li setà jirċievi esseri uman “Minn issa ;l quddiem kull nisel isejjaħli hienja… u qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq 1, 48-49).

3. It-tnejn li huma – il-profeta u l-Verġni ta’ Nażżaret – jestendu wkoll il-Magnifikat tagħhom lil Alla għad-don ta’ grazzja u ta’ ħniena, li juri ruħu fl-istorja ta’ Iżrael: u fl-istorja tan-nazzjonijiet u tal-popli.

Il-kliem ta’ Iżaija: “Bħalma l-art tnibbet / bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih, / hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja / u l-foħrija quddiem kollha kemm huma l-ġnus” ( 61, 11).

Il-kliem ta’ Marija: “Mela b’kull ġid lil min hu bilġuħ, / u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn. / Ħa ħsieb Iżrael, il-qaddej tiegħu, / għax ftakar fil-ħniena tiegħu” (Lq 1, 53-54).

4. F’dan il-kant ta’ żewġ vuċijiet tal-Verġni ta’ Nażżaret u ta’ Iżaija l-profeta il-liturġija ta’ dan il-Ħadd tippreżenta l-Avvent:

– l-ewwel, bħala opra feddejja ta’ Alla, li tiżviluppa permezz tal-istorja tal-poplu magħżul – u tilħaq il-quċċata tagħha fil-qalb tal-Verġni magħżula bħala Omm il-Messija – biex imbagħad testendi għall-umanità kollha; Alla jiġi għall-umanità permezz ta’ din l-opra feddejja;

– it-tieni, il-liturġija ta’ dan il-Ħadd tesprimi l-Avvent bħala atteġġjament intern tal-bniedem.

L-Avvent ifisser iftaħ beraħ għajnejn ir-ruħ fuq il-preżenza ta’ Alla fil-ħolqien; u iftaħ għajnejn ir-ruħ, fuq l-opra ta’ Alla fid-dinja, b’mod speċjali fil-qalb umana.

L-Avvent ifisser adorazzjoni ta’Alla mimlija gratitudni. Il-Magnificat tasl-Verġni Marija huwa l-innu l-iktar sabiħ tal-gratitudni: “Ħwejjeġ kbar għamel fija s-Setgħani”.

L-Avvent ifisser fl-aħħarnett il-ferħ spiritwali li jiġi mill-gratitudni; mill-ammirazzjoni għall-opri kbar ta’ Alla. Dan il-Ħadd tal-Avvent iġib fih sejħa speċjali propju għal tali ferħ spiritwali.

“Ifiraħ” dejjem fil-Mulej; nerġa ngħidilkom, ifirħu” kif jgħid San Pawl (Fil 4, 4).

5. Din l-istedina għall-ferħ hija strettament magħquda mas-sejħa għat-talb: “Ifirħu dejjem, itolbu bla heda” (1 Ts 5, 16-17).

It-talb biss jistà hagħmel li għajnejn ruħna jinfetħu għall-“ħwejjeġ kbar” li Alla jagħmel lilna.

It-talb biss jistà jkkonsolida fi rwieħna  dik l-adorazzjoni ta’ Alla mimlija gratitudni, li l-Verġni Immakulata u l-profeta Iżaija jesprimu fil-liturġija tallum.

It-talb biss jista jiftaħna sal-qiegħ nett għall-azzjoni misterjuża u, fl-istess ħin, reali tal-Ispirtu Santu Paraklitu, tal-Ispirtu tal-verità. Għalhekk San Pawl jgħajjat: “Ixxekklux l-Ispirtu” (1 Ts 5, 19).

Dan il-kliem huwa b’mod indirett sejħa għat-talb.

It-talb jiddisinja sa ċertu punt il-forma permanenti tal-Avvent fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Dan iva jagħmel li Alla jkun preżenti f’ħajjitna, u “jiġi” inċessantement.

6. Għeżież ħuti! Dan huwa l-messaġġ u l-aħbar li bih niġi fil-parroċċa tagħkom, fit-tielet Ħadd tasl-Avvent tas-sena tal-Mulej 1984, f’din il-parroċċa ddedikata lil Santa Marija tal-grazzji.

Dan it-titlu kien mogħti mill-ħniena popolari lil Knisja ċkejkna, li kien bena l-eremit devot kalabriż Albenzio de Rossi fl-1500. Il-knisja tagħkom wirtet tali titlu, li hu wieħed mill-isbaħ tal-Madonna. Biex juru l-gratitudni propja lill-Omm Alla għall-interċessjoni sperimentata. Il-poplu Ruman darbtejn talab, tul il-korsa tas-sekli, lir-Rgħajja tad-dijoċesi, biex jinkuruna l-meqjuma ikona tal-Verġni li kienet ikkostodita fil-knisja ċkejkna u li llum tinsab fil-knisja tagħkom.

Fil-mewġa ta’ din il-gratitudni sekolari lejn Marija Santissma, jien ukoll illum se ninkoruna x-xbiha sagra tagħha, biex niġbed l-attenzjoni tagħkom fuq l-għeruq spiritwali tal-komunità parrokkjali tagħkom. Kull parroċċa, bis-saħħa ta’ tali għeruq, għandha wiċċ speċifiku sewwa, li jirriżulta mill-istorja tagħha, u li hu don veru u propju ta’ Alla, x’jgħasses u xi wassal għall-frott. Intom tirtu d-devozzjoni Marjana ta’ Fra Albenzio u ta’ ħutu, li, b’ħajjithom umli u penitenti u l-karità eżemplari lejn il-foqra u l-pellegrini, tant irrendew ruħhom tajjeb mal-popolazzjoni Rumana, b’mod speċjali dik tar-raħal, fejn kellhom is-sedja tagħhom.

Huwa l-għarfien ta dawn l-oriġni, li jistgħu jippermettu lill-komunità parrokkjali tagħkom li ssib l-element tal-qawwa spiritwali tagħha, tal-koeżjoni interna tagħha u tar-radjazzjoni apostolika tagħha. Hekk hi ssir dejjem iktar komunità ta’ talb, ta’ ferħ spiritwali u ta’ gratitudni għall-“ħwejjeġ kbar” ta’ Alla.

Din tagħkom hija parroċċa ippopolata mhux ħażin; u ddersifikati mhux ħażin l-oqsma umani tagħha. Naf li multipli huma l-inizjattivi li jiffurmaw l-organizzazzjonijiet parrokkjali, uħud minnhom twaqqfu riċentament: dawn huma inizjattivi kollha tajbin, ukoll jekk, għal kull waħda, in-numru tal-membri jistà jkompli jikber. L-importanti hu li tkunu konvinti fil-fidi, f’komunjoni sħiħa mar-responsabli tal-pastorali u mal-komuità ekkleżjali dijoċeżana. Il-bqija, tagħmlu l-qawwa tal-Ispirtu Santu. U l-qawwa tal-Mulej, kif nafu, hija kbira.

7. Nixtieq issa, flimkien mal-Kardinal vigarju u l-Isqof tas-settur, insellem kordjalment lill-kappillan u lill-kollaboraturi tiegħu fis-saċerdozju, lir-reliġjużi nisa, li f’din il-parroċċa għandhom preżenza kospikwa, barra li bl-opri propji tagħhom, ukoll b’servizz dirett u speċifiku; insellem ukoll lill-membri differenti tal-komunità parrokkjali: il-kunsill pastorali, il-kunsill għall-affarijiet ekonomiċi, il-gruppi katekistiċi, il-grupp tal-Azzjoni Kattolika, tal-Caritas parrokkjali, tal-animazzjoni liturġika, tal-Apostolat tat-talb, il-ministri straordinarji tal-Ewkaristija, il-grupp tal-ministranti, il-korali parrokkjali; insellem liż-żgħażagħ, lit-tfal, lill-familji, lill-anzjani, b’mod partikolari insellem lill-batuti u lil dawk li b’xi mod qegħdin iġorru salib partikolarment tqil. It-tislima tiegħi tmur lil kulħadd, ukoll lil dawk li mhumiex hawn. Lil dawn tal-aħħar wasslulhom intom it-tislima tal-Papa.

Nesprimi il-gost ħaj tiegħi għall-sforz magħmul sabiex isir ir-restawr tal-knisja u tl-opri parrokkjali. Naf ukoll l-impenn ekonomiku iebes li kellkom tiffaċċjaw. Nixtieq infaħħar ix-xogħol ta’ dawk li wettqu fil-proġetti u l-ġenerożità ta’ dawk li taw l-għajnuniet materjali. Il-Mulej jirrikompensakom ilkoll.

Kif kontu kapaċi tirrestawraw il-knisja tal-ġebel, hekk l-Ispirtu tal-Mulej jgħinkom tirriformaw kontinwament lilkom infuskom, bħala ġebel ħaj tal-“bini spiritwali” imsejjes fuq il-“ġebla tax-xewka” li hi Kristu. Billi tikkorrispondu b’tali mod fl-impenn tas-saċerdoti tagħkom, tibnu knisja ħajja li, fuq l-eżempji tal-Madonna tal Grazzji, tadura lill-Missier “fl-ispirtu u l-verità”.

8. “Ġie raġel mibgħut minn Alla / u ismu kien Ġwanni. / Huwa ġie biex ikun xhud / biex jixhed għad-dawl, / sabiex kulħadd jemmen permezz tiegħu”.

Ejjew nilqgħu din ix-xhieda ta’ Avvent ta’ Ġwanni. Ejjew nilqgħu x-xhieda ta’ Iżaija, Ejjew nilqgħu x-xhieda tal-Verġni ta’  Nażżaret.

“Alla tal-paċi jqaddiskom . . . għall-miġja tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, Dak li jsejħilkom huwa fidil . . .!”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading