Il-Papa Ljun XIV għat-Talba ta’ nofsinhar f’Monaco

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIL-PRINĊIPAT TA’ MONACO
ĊELEBRAZZJONI TAT-TALBA TA’ NOFSINHAR
FLIMKIEN MAL-KOMUNITÀ KATTOLIKA
Omelija tal-Papa Ljun XIV
Katidral tal-Kunċizzjoni Immakulata
Is-Sibt, 28 ta’ Marzu, 2026

Għeżież ħuti,

Għandna avukat quddiem Alla: Ġesù Kristu, il-ġust (cfr 1 Ġw. 2:1-2).  B’dal kliem l-Appostlu Ġwanni jgħinna nifhmu l-misteru tas-salvazzjoni.  Fid-dgħufijiet tagħna, imtaqqlin bil-piż tad-dnub li jittimbra l-kundizzjoni umana tagħna, li bil-ħiliet tagħna m’aħniex kapaċi nħaddnu l-milja tal-ħajja u tal-hena, Alla jersaq lejna permezz ta’ Ibnu Ġesù Kristu.  L-Appostlu jgħidilna li Ġesù, bħala vittma tas-sagrifiċċju, ħa fuqu l-ħażen li hemm fl-umanità u fid-dinja, ġarru mieġħu flimkien magħna u għalina, u hu għeleb dal-ħażen, ittrasformah u hekk tana l-ħelsien għal dejjem.

Kristu hu ċ-ċentru ħaj ta’ kollox, ir-ruħ tal-fidi tagħna, u jien qed nindirizzakom b’dan f’moħħi.  Insellem minn qalbi lill-Altezza Tiegħu il-Prinċep Albert, lill-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof Dominique-Marie David u lis-saċerdoti u r-reliġjużi  li hawn preżenti.  Lilkom ilkoll ngħidilkom li hu ta’ ferħ għalija li ninsab hawn biex naqsam magħkom il-mixja ekkleżjali tagħkom.

Dwar il-qari li għadna kif smajna, nixtieq noffrilkom xi riflessjonijiet dwar Ġesù bħala “avukat” tagħna.

L-ewwel punt hu dwar id-don tal-komunjoni.  Kristu, il-ġust, hu u jinterċedi għall-umanità quddiem il-Missier, jirrikonċiljana mal-Missier u bejnietna.  Ġesù ma ġiex biex jaqta’ xi ħaqq li jikkundanna, iżda biex joffri lil kulħadd il-ħniena tiegħu li ssaffi, tfejjaq, tittrasforma u tagħmilna lkoll parti mill-familja waħda ta’ Alla.  Il-kumpassjoni u l-ħniena jagħmlu minnu “avukat” li jiddefendi lill-foqra u lill-midinbin, mhux biex japprova l-ħażen, imma biex jeħlishom mill-oppressjoni u l-jasar, u jagħmilhom ulied Alla u aħwa bejniethom.  Mhux il-każ li l-azzjonijiet ta’ Ġesù jillimitaw ruħhom biss għall-fejqan spiritwali u fiżiku.  Jinkludu wkoll dimensjoni soċjali u politika importanti, għax il-persuni mfejqa jerġgħu jintegraw ruħhom, bid-dinjità kollha tagħhom, fil-komunità umana u reliġjuża li minnha kienu esklużi, spiss minħabba l-mard u d-dnub.

Dil-komunjoni hi s-sinjal per eċċellenza tal-Knisja, imsejħa biex fid-dinja tkun rifless tal-imħabba t’Alla li ma jħares lejn wiċċ ħadd (cfr Atti 10:34).  Rigward dan nixteq ngħid li l-Knisja tagħkom, hawn fil-Prinċipat ta’ Monaco, tippossjedi għana kbir.  Għax hu post fejn kulħadd ikun milqugħ u jsib ospitalità, post immarkat bit-taħlita kulturali karatteristika tas-soċjetà tagħkom.  Minkejja li l-Prinċipat ta’ Monaco hu Stat żgħir, l-abitanti tiegħu, minbarra n-nies tal-post, ġejjin minn Franza, l-Italja u nies minn bosta nazzjonalitajiet oħra.  Hu Stat kożmopolitan ċkejken li fih id-diversitajiet tal-oriġini tal-abitanti huma assoċjati ma’ differenzi soċjo-ekonomiċi oħra.  Fil-Knisja, dil-varjetà qatt m’għandha tkun okkażjoni ta’ firda bejn klassijiet soċjali.  Għall-kuntrarju, kulħadd għandu jkun milqugħ bħala persuna u iben/bint Alla.  Aktar minn hekk, ilkoll nirċievu d-don tal-grazzja li sseddaq il-komunjoni, il-fraternità u l-imħabba tal-proxxmu.  Dan hu d-don li nirċievu mingħand Kristu, l-avukat tagħna quddiem il-Missier.  Għax ilkoll tgħammidna fiH u għalhekk, kif jistqarr San Pawl: “Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:28).

Fl-istess ħin jidher li hemm bżonn issir enfasi fuq it-tieni punt: ix-xandir tal-Evanġelju bħala difiża tal-persuna umana.  Ġesù jixtieq li kulħadd jilqa’ l-aħbar tajba tal-imħabba tal-Missier.  Aktar u aktar li bħala “avukat”, hu jitkellem speċjalment biex jiddefendi lil dawk meqjusin abbandunati minn Alla, minsijin u emarġinati.  Għalhekk hu sar il-leħen u l-wiċċ ta’ Alla ħanin li “jagħmel is-sewwa, u l-ħaqq mal-maħqurin kollha” (Salm 103:6).

Fil-fehma tiegħi il-Knisja hi msejħa biex tkun “avukata”, jiġifieri tkun difensur tal-persuna umana, ta’ kull raġel u mara.  Dan jinvolvi passaġġ kruċjali u profetiku ta’ dixxerniment  bl-għan li jippromwovi “l-iżvilupp integrali” tal-umanità, ir-rispett lejn id-dinjità u d-dinjità awtentika, kif ukoll, bħala għan aħħari tiegħu, il-misteru tal-komunjoni sħiħa ma’ Alla Trinità u bejnietna” (Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Quo vadis humanitas?, 22).

L-ewwel servizz li għandu jagħti x-xandir tal-Evanġelju hu li jitfa’ dawl fuq il-persuna umana u fuq is-soċjetà, sabiex, bid-dawl ta’ Kristu u tal-kelma tiegħu, jiskopru l-vera identità tagħhom, it-tifsir tal-ħajja umana, il-valur tar-relazzjonijiet u s-solidarjetà soċjali, l-għan aħħari tal-eżistenza tagħna u d-destinazzjoni finali tagħna.

Rigward dan nixtieq inħeġġiġkom biex tagħtu servizz appassjonat u ġeneruż għall-ħidma tal-evanġelizzazzjoni.  Xandru l-Evanġelju tal-ħajja, tat-tama u tal-imħabba.  Wasslu d-dawl tal-Evanġelju lil kulħadd ħalli jkun difiża u promozzjoni tal-ħajja ta’ kull raġel u mara mill-konċepiment sat-tmiem naturali.  Offru toroq ġodda kapaċi jwaqqfu l-mewġa ta’ sekulariżmu, li qiegħed f’riskju li jirriduċi l-umanità f’individwaliżmu u jqis li l-produzzjoni tal-ġid hu s-sies ewlieni tal-ħajja soċjali.

Kemm hu importanti li x-xandir tal-Evanġelju u l-prattika tal-fidi, li huma mwaħħdin mal-identità u mas-soċjetà tagħkom, jitħarsu mir-riskju li jirriduċu ruħhom għal sempliċi drawwa, anki jekk tajba.  Fidi ħajja dejjem hi profetika, bil-ħila li twieġeb mistoqsijiet u tipprovoka l-ħsieb.  Aħna qegħdin niddefendu lill-persuni umani kollha?  Qed inħarsu d-dinjità tal-persuna billi nipproteġu l-ħajja fl-istadji kollha tagħha?  Il-mudell ekonomiku u soċjali li għandna hu verament ġust u ttimbrat bis-solidarjetà?  Għandu etika ta’ responsabbiltà li tassisti u tmur ‘l hinn minn “sempliċi loġika ta’ skambju ta’ ekwivalenti, profitt, bħala għan fih innifsu” (Benedittu XIV, Enċ. Caritas in Veritate, 38), għall-bini ta’ soċjetà aktar ekwa?

Għeżież ħbieb, meta tiffissaw il-ħarsa tagħkom fuq Ġesù Kristu, l-avukat tagħna quddiem il-Missier, intom tiżviluppaw fidi bl-għeruq tagħha mħawlin f’relazzjoni personali miegħu, fidi li tagħti xhieda, bil-ħila li tittrasforma l-ħajja u ġġedded is-soċjetà.  Dil-fidi hemm bżonn tixxandar b’lingwaġġ ġdid u għodda ġodda, inkluż dawk diġitali.  Kulħadd għandu jiġi introdott għal din il-fidi u ffurmat kontinwament fiha bl-użu ta’ mezzi kreattivi.  Dan hu l-każ speċjalment għal dawk li qed jitgħallmu kif jiltaqgħu ma’ Alla, u nħeġġiġkom tagħtu attenzjoni partikolari lill-katekumeni u lil dawk li qed jerġgħu jiskopru l-fidi tagħhom.

Jalla l-qaddisa patruna tagħkom Santa Devota, verġni u martri, tispirakom bl-eżempju tagħha, u jalla l-Verġni Immakulata, Marija l-aktar Qaddisa, tinterċedi għalikom u tkun il-gwida tagħkom dejjem.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading