VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIL-PRINĊIPAT TA’ MONACO
LAQGĦA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U L-KATEKUMENI
INDIRIZZ TAL-PAPA LJUN XIV
Wesgħa ta’ quddiem il-knisja ta’ Santa Devota
Is-Sibt, 28 ta’ Marzu, 2026
Għeżież ħuti,
Għeżież żgħażagħ, għeżież ħbieb, hello!
Kuntent li ninsab hawn magħkom u nsellmilkom ilkoll minn qalbi. Nixtieq irrodd ħajr lill-Arċisqof għall-indirizz li għamilli.
Kif enfasizza hu, il-Knisja li ninsabu fiha hi dedikata lil Santa Devota, qaddisa patruna tal-Prinċipat ta’ Monaco. Kienet żgħażugħa kuraġġuża li għarfet tagħti xhieda tal-fidi tagħha quddiem persekuzzjoni vjolenti, sal-martirju. Il-ġisem tagħha nġieb hawnhekk providenzjalment minn Corsica, lejn dik li issa hi magħrufa bħala l-Kosta Monegaska. Ippruvaw jeqirdu ġisimha u jeliminaw kull tifkira tagħha, madankollu s-sagrifiċċju tagħha kien mogħni bil-messaġġ evanġeliku tal-paċi u l-imħabba li wasal aktar ‘il bogħod. Dan jgħinna nirriflettu dwar il-fatt li t-tajjeb hu aktar qawwi mill-ħażen minkejja li xikultant donnu jidher tellief fuq medda medja ta’ żmien. Aktar minn hekk, tfakkarna li x-xhieda tal-fidi hi żerriegħa li tista’ tinfirex u tagħti l-frott fi qlub imbegħda u postijiet ferm aktar bogħod mill-mistenni u mill-ħiliet.
F’dil-knisja, il-memorja tal-Martri Qaddisa Devota, ftit taż-żmien ilu nagħqdet magħha dik ta’ San Carlo Acutis, żgħażugħ ieħor b’imħabba kbira lejn Ġesù u fidil lejn il-ħbiberija tiegħu ma’ Ġesù sal-aħħar, minkejja li fi żminijiet u modi differenti: bil-karità, permezz tal-appostolat tiegħu fuq l-internet – li tiegħu aħna nqimuh bħala l-patrun – u, finalment permezz tal-marda tiegħu.
Għeżież żgħażagħ, dawn iż-żewġ qaddisin jinkoraġġuna u jixprunawna biex nimitawhom. Fil-fatt, kif diġà ntqal, illum ukoll il-fidi tiffaċċja sfidi u ostakli, madankollu xejn ma jirnexxilu jdallam is-sbuħija tagħha u l-verità. Dan narawh fin-numru li dejjem jiżdied ta’ rġiel u nisa ta’ kull età li jixtiequ jsiru jafu lill-Mulej u qed jitolbu li jitgħammdu..
Dan kollu intom għidtuh fit-testimonjanzi tagħkom. Benjamin, li nixtieq irrodlu ħajr għal dak li qasam magħna, saqsa kif jista’ ma jinġarrx bogħod minnu nnifsu, mill-oħrajn u minn Alla bid-distrazzjonijiet tad-dinja li qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel. Din hi mistoqsija importanti li tmiss aspett fundamentali tal-ħajja nisranija: il-vitalità tar-relazzjoni tagħna ma’ Kristu u, bħala konsegwenza, is-sens ta’ għaqda li tistabbilixxi fina nfusna u mal-oħrajn. Rigward dan, wieħed li kien jagħti formazzjoni liż-żgħażagħ darba qal illi “l-għerq tal-għaqda tal-ħajja jinsab fil-qalb, (…) hi kwistjoni tal-qalb, hi rigal minn Alla, li għandna nitolbuhulu bl-umiltà” (Carlo Maria Martini, Da Beltemme al cuore dell’uomo, Edizioni Terrra Santa, 2013).
L-era moderna u postmoderna għanewlna ħajjitna b’ħafna modi differenti, offrewlna opporunitajiet bla preċedent u possibbiltajiet f’oqsma bħalma huma l-kultura, il-mediċina, il-kura tas-saħħa, it-tekonoloġija u l-komunkazzjoni. Madankollu għalina dawn huma wkoll sfida kbira li ma nistgħux ninjorawha u li għandna niffaċċjaw b’moħħ ċar u fehma ċara. Kif qal Benjamin, qed ngħixu f’dinja li donnha dejjem mgħaġla, imxennqa għan-novità, ossessjonata bil-fluwidità bla rażan. Ħajja mmarkata bi ħtieġa kważi kompulsiva għat-tibdil bla heda kemm jekk fil-moda, fid-dehra, fir-relazzjonijiet, fl-ideat, u wkoll fid-dimensjonijiet tal-persuna li huma essenzjali għall-identità awtentika tagħha.
Iżda hija l-imħabba li tagħti stabbiltà lill-ħajja. Hi, l-ewwel u qabel kollox l-esperjenza fundamentali tal-imħabba t’Alla, li mbagħad testendi għall-esperjenza qaddisa u mdawla tal-imħabba reċiproka. Filwaqt li l-imħabba reċiproka min-naħa titlob ftuħ għat-tkabbir u għalhekk għat-tibdil, min-naħa l-oħra titlob fedeltà, kostanza u rieda li bniedem jagħmel sagrifiċċji fil-ħajja ta’ kuljum. Hekk biss l-inkwiet jinbidel f’paċi – aħna mxennqin għal-paċi! – u l-vojt intern li jixtieq jimla u li tkellem dwaru Andrea – jimtela mhux b’dak li hu materjali u fieragħ, mhux bl-approvazzjoni tal-eluf ta’ likes inkella ta’ relazzjoinijiet temporanji, artifiċjali u kultant vjolenti wkoll. Hemm bżonn innaddfu l-għatba tal-bibien ta’ qlubna minn dawn l-affarijiet sabiex l-arja sana li tagħti l-ħajja tal-grazzja, terġa’ tidħol biex tiffriska l-irkejjen tagħhom, u sabiex ir-riħ qawwi tal-Ispirtu s-Santu jerġa’ jonfoħ “il-qlugħ” tal-eżistenza tagħna u jidderiġina lejn il-ferħ veru.
Dan kollu, ħbieb għeżież, jesiġi t-talb, waqtiet ta’ silenzju u riflessjoni biex irraqqdu l-freneżija tal-azzjoni u l-kliem, tal-messaġġi, reels u chats, talb, silenzju u riflessjoni li jippermettulna nidħlu aktar fil-fond u ngawdu s-sbuħija li nkunu verament u ġenwinament flimkien. Rigward dan, San Carlo Acutis kien jiddeskrivi l-Ewkaristija bħala “l-awtostrada lejn is-Sema” u jżid li l-Adorazzjoni Ewkaristika hi x-xemx li tagħti l-lewn lir-ruħ.
Hawnhekk nistgħu nsibu wkoll tweġiba għall-mistoqsija ta’ Ethan dwar it-tħejjija għall-Magħmudija fil-Vġili tal-Għid. Il-Ġimgħa Mqaddsa għandna ngħixuha nikkuntemplaw il-misteri tal-Passjoni bi spirtu ta’ smigħ li ġej minn leħen l-Ispirtu u mis-smigħ ta’ dak li jkun qed jiġri fil-qalb, ħalli tkun opportunità biex nagħmlu eżami seren u profond ta’ ħajjitna, kemm l-imgħoddija u wkoll dik tal-preżent.
Jekk dan hu minnu għall-ħajja spiritwali u t-talb, hu daqstant minnu għat-taħriġ tal-karità. Ethan saqsa kif nistgħu nkunu xhieda tad-don tal-ħajja li nirċevu fi Kristu u Sophie saqsiet kif nistgħu nkunu xhieda tat-tama għal dawk li huma mtaqqlin bit-tbatija u qed jirriskjaw li jitilfu d-dawl u l-faraġ tal-fidi. Quddiem l-isfidi Ġesù jirrikmandalna “tinkwetawx ruħkom kif se titkellmu jew x’se tgħidu (…) għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom” (Mt 10, 19-20). Kien qed jirreferi għall-persekuzzjonijiet li jiġġarbu minħabba l-Evanġelju, imma nistgħu napplikaw dal-kliem għal kull ċirkostanza li fiha l-karità tesiġi li niffaċċjaw prova iebsa kemm personalment kif ukoll vis-a-vis l-oħrajn. Mhux possibbli nimprovizzaw kliem u azzjonijiet ta’ xhieda u tama. Mhumiex frott il-ħiliet tagħna, imma jinbtu minn relazzjoni profonda ma’ Alla, għax fiH insibu l-ewwel tweġibiet fundamentali għall-ħajja. Jekk aħna miftuħin u lesti nikkkorrispondu mal-grazzja t’Alla, biex dir-relazzjoni ta’ mħabba nibdluha f’rigal kondiviz, nistgħu nibqgħu ċerti li kliem preċiż kif ukoll il-qawwa meħtieġa biex naġixxu jaslulna fil-ħin propizju.
Il-famuża frażi sabiħa ta’ Santu Wistin – li ximindaqqiet ma nifhmuhiex sew – “Ħobb u tista’ tagħmel li trid (Omilija Sebgħa fuq l-Ewwel Ittra ta’ Ġwanni, 8)” – nistgħu nintepretawha wkoll f’dan id-dawl. Fi kliem ieħor, l-imħabba hi rigal b’xejn lil Alla u lill-oħrajn; ibqa’ qrib u ddawwarx wiċċek anki meta ma tkunx tista’ ssolvi kull problema jew kull diffikultà. Ibqa’ qrib bl-imħabba u l-fidi. Monaco hi art sabiħa, imma s-sbuħija vera tagħha tiġi minnkom, meta intom jirnexxilkom tħarsu f’għajnejn min qed isofri jew li jħossu inviżibbli minkejja s-sirġa tad-dwal tal-belt.
Santa Devota sabet il-qawwa li tagħti ħajjitha kompletament b’dal-mod, u b’dal-mod San Carlo Acutis terraq it-toroq tal-qdusija u ħalla warajh traċċa ta’ dawl anki fid-dinja tal-web.
Għeżież żgħażagħ, tibżgħux tagħtu kollox – ħinkom, l-enerġiji tagħkom – lil Alla u lil ħutkom, tibżgħux tagħtu lilkom infuskom kompletament għall-Mulej u għall-oħrajn. Hekk biss issibu l-ferħ li ma jintemmx u tifsir tal-ħajja aktar profond. Id-dinja teħtieġ ix-xhieda tagħkom biex tegħleb l-iżbalji ta’ żmienna, tiffaċċja l-isfidi u, fuq kollox, tiskopri mill-ġdid it-togħma ħelwa tal-imħabba t’Alla u tal-proxxmu.
Lilkom, katekumeni żgħażagħ li qed titħejjew għall-Magħmudija, u lilkom li diġà rċevejtu dan id-don ta’ grazzja, intikom l-isbaħ xewqat tiegħi. Jalla tgħixu l-milja ta’ ħajjitkom b’mod awtentiku fi Kristu, u jalla tkunu bennejja tal-paċi, tat-tama, tal-ġustizzja u l-karità għall-ġid tagħkom ilkoll. Intom il-wiċċ żgħażugħ ta’ dil-Knisja u ta’ dan-Nazzjon. Monaco hu pajjiż żgħir imma jista’ jkun post kbir ta’ solidarjetà u xempju tal-paċi. Waħħdu l-Evanġelju mal-għażliet li tagħmlu fil-post tax-xogħol u fl-impenji soċjali u politiċi tagħkom biex tagħtu leħen lil min m’għandux u hekk tifirxu kultura ta’ kura. Qisu kollox bħala rigal minn Alla u għejxu kollox bħala missjoni li ssejħilkom biex tkunu ħbieb fi Kristu u kumpanni fidili għal xulxin fil-vjaġġ.
Nafdakom fl-interċessjoni ta’ Marija Ommna, Santa Devota u San Carlo Acutis u minn qalbi ntikom il-barka tiegħi.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber