Ġwanni Pawlu Ii fit-Te Deum tal-aħħar tas-Sena

ĊELEBRAZZJONI TAT-TE DEUM TA’ RINGRAZZJAMENT TA’ TMIEM IS-SENA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
It-Tnejn, 31 ta’ Diċembru 1984

1. “Fil-bidu kien il-Verb . . . / kollox bih sar, / u xejn ma sar mingħajru / minn dak kollu li jeżisti” (Gv 1, 2-3).

Illum, l-aħħar jum tas-sena, niġu fil-Knisja tal-Ġesù biex nikkonċentraw mill-ġdid għal darb’oħra fuq dak il-kliem meraviljuż tal-liturġija tat-twelid divin, fuq il-kliem tal-Prologu tal-Vanġelu ta’ Ġwanni.

Propju llum, meta tintemm is-sena, meta se jasal għal tmiemu ċertu stadju taż-żmien uman, din ix-xhieda tal-“bidu” tkellimna b’mod partikolari. U ma titkellimx biss dwar “il-bidu” li jasal għal “tmiemu” – bħal din is-sena li għaddiet bejn l-1° ta’ Jannar u il-31 ta’ Diċembru 1984 – imma  dwar il-“bidu” (principio) li huwa bla bidu u ma jafx tmiem. Dan il-prinċipju huwa f’Alla. Huwa stess – bla bidu – huwa “alfa u omega”, “prinċipju u tmiem” ta’ kollox.

Fl-eternità tiegħu inkiteb kull żmien maħluq. Jinkiteb mela iż-żmien uman tagħna, u għalhekk ukoll is-sena 1984 li waslet biex tintemm u li hija metru ta’ żmien uman fid-dimensjoni universali tal-passaġġ terren.

Alla huwa eternità. F’din l-eternità  “il-Verb kien ma’ Alla u l-Verb hu Alla”. Huwa l-uniku Alla tal-komunjoni bla qies tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu.

2. Il-liturġija tal-ottava tal-Milied tal-Mulej tippermettilna li nirreferu ż-żmien uman  tagħna lill-eternità divina. Tippermettilna li nerġgħu niskopru fil-Verb dak kollu li jinkludi dan iż-żmien, għaliex: “Kollox sar bih, u mingħajru ma sar xejn minn dak kollu li jeżisti. Fih kienet il-ħajja . . .”.

Waqt li nisimgħu l-Vanġelu, ħsiebna jidħol fid-dimensjoni “kożmika”; “kollox” ifisser l-univers kollu. Iż-żmien tagħna jgħaddi flimkien maż-żmien tal-univers. Il-kożmoloġi u l-fiżiċi jimmeditaw fuq l-iżvilupp tiegħu u jistaqsu: f’liema direzzjoni sejra din id-dinja viżibli, li l-limiti tagħha – fiż-żmien u fl-ispazjiu – jfittxu li jilħqu bl-għajnuna tat-teleskopji l-iktar moderni?

U l-evanġelista jgħid: “Kollox sar bih”: “bih” tfisser bil-“Verb”, tal-istess sustanza tal-Missier u tal-Ispirtu Santu. U allura kollox kien fih, qabel ma sar id-dinja viżibli tagħna, l-univers tagħna.

3. Waqt li nisimgħu l-Vanġelu, ħsiebna jidħol fl-istess ħin – u b’mod speċjali – fid-dimensjon “antropoloġika”. Il-bniedem huwa ċentru tal-univers viżibli, huwa kuruna tal- tal-ħolqien . . . Il-Verb etern huwa rifless b’mod speċjali fil-bniedem, Propju l-Verb, bħala dawl etern, “idawwal lil kull bniedem li jiġi fid-dinja”. Propju l-Verb – Iben tal-istess sustanza tal-Missier – fil-milja taż-żminijiet “ġie fost niesu”; “sar bniedem u ġie jgħammar f’nofsna”.

Dan il-“Kairos” divin għadu hemm. Għadu hemm iż-żmien tal-Verb inkarnat, għadu hemm fl-umanità permezz tal-Knisja.

Aħna il-Knisja. Kih iinhu hu preżenti, permezz tagħna, fil-familja kbira umana Kristu, Verb inkarnat? Aħna naraw “il-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Iben waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità”? Aħna nieħdu mill-milja tiegħu “grazzja fuq grazzja”? (skont il-kliem tal-Vanġelu). Infatti il-Verb, li hu Iben etern, “tana l-qawwa li nistgħu insiru wlied Alla” (Ġw 1, 12).

4. Dawn huma d-domandi li l-Knisja dejjem tagħmel. Dawn huma  d-domandi li tagħmel b’mod partikolari f’din iċ-ċirkustanza, għaliex illum huwa wkoll il-jum propizju għal “eżami tal-kuxjenza”, il-jum tad-domandi l-iktar fundamentali. Infatti ninsabu, biż-żmien tagħna li għaddej, quddiem l-eternità divina. Ninsabu quddiem il-Verb li sar bniedem.

Il-Knisja tagħmel l-istess domandi wkoll lill-umanità u lid-dinja, għaliex il-Knisja tal-Verb inkarnat hija fl-istess ħin il-Knisja tal-istorja u allura hija l-Knisja tas-sena 1984.

Ukoll il-Knisja, li hija  f’Ruma, il-Knisja tal-Appostli Pietru u Pawlu, tagħmel l-istess domandi u tagħmilhom lill-komunità ta’ din il-belt partikolari.

5. Matul is-sena li waslet biex tispiċċa, ġrajja ta’ mportanza partikolari kienet l-għeluq tal-Ġublew tar-redenzjoni nhar Ħadd il-Għid. Għal din il-ġrajja straordinarja Ruma nfetħet għall-pellegrini, ukoll jekk fl-istess ħin il-Ġublew żvolġa ruħu fid-dijoċesijiet differenti tan-nazzjonijiet kollha. Folol kbar iffullaw kuljum fil-bażilika ta’ San Pietru u fil-bażiliki l-oħra ndikati għall-akkwist tal-indulġenza. Ruma ipparteċipat b’mod qawwi f’dawn il-manifestazzjonijiet ta’ fidi u ta’ devozzjoni. Ruma għexet b’impenn partikolari speċjalment żewġ waqtiet qawwija tas-Sena Mqaddsa: il-Ġublew tal-familji, li seħħ il-Ħadd 25 ta’ Marzu, u l-Ġublew taż-żgħażagħ, mitmum f’Ħadd il-Palm. Il-Ġublew tal-familji  inserixxa ruħu fil-program pastorali dijoċeżan tal-qdusija tal-familja, li tokkupa b’mod kostanti kull parroċċa bil-katekeżi, il-formazzjoni taż-żgħażagħ, it-tħejjija għaż-żwieġ.

Il-Ġublew internazzjonali taż-żgħażagħ kien imħejji mill-Ġublew taż-żgħażagħ ta’ Ruma fil-Katakombi ta’ San Kallistu l-Erbgħa tal-Irmied u mbagħad kien migħux b’mod qawwi fill-parroċċi u mill-familji, li taw ospitalità liż-żgħażagħ li ġew mid-dinja kollha. Ruma kienet spettatriċi mqanqla tal-folol żgħażagħ interminabli, li qasmuha f’dawk il-jiem, billi taw spettaklu singulari ta’ talb, ta’ ferħ u ta’ entużjażmu.

6. Mas-Sena Ġubilari tar-redenzjoni huwa marbut b’mod strett l-att ta’ affidament lill-Qalb immakulata ta’ Marija, li wettaqt f’għaqda mal-isqfijiet kollha tad-dinja.

Kont diġa għamilt tali att ta’ affidament u ta’ konsagrazzjoni, billi ngħaqadt maż-żewġ atti mwettqa minn Piju XII fl-1942 u fl-1952, fit-13 ta’ Mejju 1982 waqt il-pellegrinaġġ tiegħi f’Fatima, Fil-25 ta’ Marzu ta’ din is-sena, l-istess att ta affidament u ta’ konsagrazzjoni kellu karattru kolleġġjali, għaliex imwettaq fl-istess ħin mill-isqfijiet kollha tal-Knisja: twettaq f’Ruma u fl-istess ħin fid-dinja kollha  .

Dan l-att ta’ konsagrazzjoni kien avviċianamen tad-dinja, permezz ta’ Omm Kristu u Ommna, lejn is-sors tal-ħajja li rriżulta fil-Golgota: kien twassil lura tad-dinja lejn is-sors innifsu tar-redenzjoni, u, fl-istess ħin,  talba ta’ għajnuna lill-Madonna biex toffri lill-bnedmin u lill-popli lil dak li huwa infinitament qaddis  (cf. Ioannis Pauli PP. II, Homilia in area Templi Sanctuarii Fatimensis habita, 8, die 13 maii 1982: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/2 [1982] 1573).

Quddiem l-istatwa meqjuma tal-Madonna ta’ Fatima, miġjuba Ruma għaċ-ċirkustanza, ridt noffri it-tamiet u t-taqtigħ il-qalb tal-Knisja u tad-dinja fil-ġlieda kontra l-ħażen u fit-tħejjija għat-tieni millennju.

Issa hemm bżonn li kull persuna tisforza li tgħix fedelment dan l-att ta’ affidament lil Marija.

7. Kontemporanjament ma’ dawn il-ġrajjiet straordinarji, il-Knisja ta’ Ruma kompliet tiżvolġi il-missjoni tagħha ta’ kuljum permezz tax-xogħol kumpless u artikolat tat-320 parroċċa, maqsuma fil-ħamsa u tletin prefettura tal-ħames setturi. Din is-sena kelli l-possibiltà li nwettaq il-vista pastorali fi ħdax-il parroċċa, u preċiżament fil-parroċċi ta’ San Ġwann Battista al Collatino, Santa Rita a Torbellamonica, ta’ San Marco in Agro Laurentino, ta’ Sant’Ippolito a Villa Massimo, ta’ Santa Maria in Portico in Campitelli, ta’ Santa Maria ausiliatrice al Tuscolano, tal-Gran Madre di Dio, ta’ Santa Maria del Popolo, ta’ Sant’Anna a Casal Morena, tar-Regina degli Apostoli  f’Montagnola u ta’ Santa Maria delle Grazie, al Trionfale. Inħoss li kull waħda minn dawn il-visti hija grajja ta’ mportanza partikolari, li jippermettuli li nwettaq dak li jgħid Santu Wistin: “Għalikom jiena isqof, u magħkom jiena nisrani” (S. Augustini, Sermo 340, 1: PL 38, 1483). Infatti, bħala Isqof tal-belt ta’ Ruma, stajt navviċina tant fidili, tal-kategoriji kollha, inwassal it-tagħlim tiegħi, it-talb tiegħi, l-inkuraġġiment tiegħi għal tant attivitajiet pastorali, partikolarment fejn tidħol il-katekeżi u l-liturġija; nara l-bżonn u nisma direttament fidili, assoċjazzjonijiet u gruppi. U bħala nisrani stajt ngħix magħkom fidili l-istess fidi kattolika. Nixtieq niżżi ħajr minn qalbi lill-Kardinal vigarju, l-isqfijiet awżiljarji u lis-saċerdoti għad-dedikazzjoni li biha jagħmlu li jistgħu għat-tkabbir tal-fidi u biex jirrendu d-dijoċesi ta’ Ruma Knisja ħajja. Niżżi ħajr ukoll lilkom u lill-fidili kollha għat-tħejjija għall-visti tiegħi tal-Ħdud u għall-akkoljenza  kordjali, u nawgura frott  abbundanti ta’ ħajja nisranija qawwija.

Matul is-sena li għaddiet stajt ukoll inmur f’diversi nħawi oħra ta’ Ruma: f’xi kulleġġi u monasteri, fil-Polikliniku Ġemelli, fil-Bażilika ta’ Santa Ċeċilja u ultimament fl-isptar ta’ San Pietru, biex inżomm ħaj l-irbit bejn id-diversi setturi tal-belt u l-isqof tagħha.

Inħoss id-dmir li nindirizza kelma ta’ ringrazzjament għall-opra mwettqa fid-dijoċesi ta’ Ruma mir-reliġjużi rġiel u nisa. B’mod partikolari nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-impenn li huma daħħlu fil-program papali dijoċeżan ta’ tiġdid fid-dimensjoni evanġelika, billi sfurzaw li jkunu preżenti fl-ambjenti kollha, speċjalment fejn hemm il-foqra, ir-refuġjati u l-emigranti.

8. Riċentement, fl-iskejjel saru l-lezzjonijiet għall-Kunsilli ta’ istitut, kemm tal-ġenituri kif ukoll tal-istudenti. F’Ruma kienet sinifikattiva f’dan ir-rigward l-armonija tal-assoċjazzjonijiet, movimenti u organiżmi ta’ ispirazzjoni kattolika kollha. Waqt li nieħu pjaċir għal dan l-impenn armonjuż. Irrid għal darb’oħra nfakkar lill-familji u lill- istituzzjonijiet id-dmir li jagħtu attenzjoni speċjali lill-iskola.

L-edukazzjoni nisranija taż-żgħażagħ infatti hija garanzija għall-futur. Minn hawn ukoll l-importanza li fl-iskolla jkollha t-tagħlim reliġjuż. Il-ftehim mal-Istat Taljan  jinkludi l-possibiltà tal-użufrott tat-tagħlim tar-reliġjon kattolika  fl-ambitu skolastiku: jien nafda li l-familji u ż-żgħażagħ infushom jimpenjaw ruħhom  biex jipprofittaw minn dan id-dritt, billi jagħtu lill-valuri nsara l-apprezzament li jixirqilhom u billi jgħixu l-fidi tagħhom b’konsistenza.

Il-Knisja quddiem din id-dinja attwali li ġġib l-isem Ruma – il-Belt Eterna – twettaq il-ministeru tagħha billi tirrendi xhieda lil Kristu, Bin Alla, u billi fi Kristu tagħti x-xhieda tal-ħajja eterna, li għaliha huwa msejjaħ kull bniedem. F’din il-prospettiva l-Knisja twettaq is-servizz li xxandar u tiddefendi xi valuri, li huma fundamentali kemm għall-bniedem kif ukoll għas-soċjetà.

Illum irridu niżżu ħajr għal dan kollu. Nixtieq inkanta t-“Te Deum”, billi nitlob fl-istess ħin maħfra għall-vjolazzjonijiet tal-morali u d-difetti tagħna.. “Salvum fac populum tuum, Domine”.

9. Dan kollu nirriferu lill-Verb li “sar bniedem u ġie jgħammar fostna”.

Fih naraw il-bidu u t-tmiem ta’ kull ġid, li permezz tiegħu tifforma ruħha fl-erwieħ tal-bnedmin, fil-komunitajiet u fis-soċjetajiet l-istorja tas-salvazzjoni.

Fih u bih u miegħu inmorru għal-laqgħa ma’ Alla, għal-laqgħa “tal Mulej li ġej” . . . Huwa “se jiġġudika d-dinja bil-ġustizzja u bis-sewwa tiegħu lill-ġnus kollha” (Sal 96, 13).

Fil-qalb ta’ Ġesù Kristu ejjew niktbu din is-sena li se tintemm: “Huwa jagħmel minna sagrifiċċju perenni li jogħġob lill-Missier”. Il-bidu infatti jsejjaħ lit-tmiem, u t-tmiem isejjaħ lill-bidu.  Tali huwa r-ritmu tal-eżistenza tagħna flimkien mal-kożmu kollu.

Il-Verb li hu ma’ Alla iwassal dan ir-ritmu fid-dimensjoni ħanina tal-eternità. Infatti Alla huwa eternità, “Alla huwa mħabba”; “Min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla jgħammar fih” (1 Ġw 4, 16).

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading