QUDDIESA TA’ NOFS IL-LEJL FIL-BAZILIKA TA’ SAN PIETRU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
It-Tlieta, 25 ta’ Diċembru 1984
1. “Dehret il-grazzja . . .”.
Lilkom ilkoll, miġburin f’din il-bażilika, l-Isqof ta’ Ruma, qaddej tal-qaddejja ta’ Alla, jindirizza it-tislima kordjali tiegħu. Huwa jsellem ukoll lil dawk kollha li f’dan innofsil-lejl jinsabu miġbura f’tant postijiet tad-dinja.
Ilkoll kemm aħna jiġborna il-lejl ta’ Betlem. Kull sena l-istess lejl. Dan isejħilna permezz tas-sekli u l-ġenerazzjonijiet bl-istess ansjeta ta’ tama miktuba f’“qalb il-bniedem”, fid-destin etern tiegħu.
“Apparuit gratia . . . / Apparuit gratia Dei . . . / Apparuit gratia Dei Salvatoris nostri”.
Dan il-lejl huwa qaddis għalina.
2. Xinhi il-grazzja?
Ejjew nistaqsu dan lil dan il-lejl, lil-lejl ta’ Betlem.
Dan huwa wara kollox lejl bħal tant iljieli oħrajn, li fir-ritmu immutabli tagħhom jalternaw fuq il-globu tad-dinja.
Dan il-lejl fid-dehra huwa lejl bħal tant oħrajn. Imma huwa l-lejl li fih fir-rokna ċkejkna tad-dinja, fl-inħawi ta’ Betlem, fin-nofsinhar ta’ Ġerusalem, id-dlamijiet tal-lejl inbidlu f’dawl.
F’dan id-dawl twettaq id-divin “mysterium tremendum et fascinosum”: il-glorja ta’ Alla dawlet għal kollox lir-rgħajja li f’dan il-post “kienu qegħdin jgħassu” l-merħliet tagħhom, hekk li “inħakmu minn biżà kbir . . .”.
Id-dawl isir leħen:
“La tibżgħux . . . / Illum fil-belt ta’ David tweldilkom salvatur . . . inħabbrilkom ferħ kbir” (Lq 2, 10.11).
“Apparuit gratia . . . / Puer natus est nobis”: / twieled tifel.
d-dawl u l-leħen jindikaw il-post u s-sinifikat tat-twelid tiegħu.
3. Huwa twieled tassew. Twieled fl-istalla ddestinata għall-annimali: għaliex ma kien hemmx post għalih f’ebda dar umana.
Twieled fiċ-ċensiment tal-popolazzjoni ta’ Iżrael, meta Ċesare Awgustu kien il-mexxej tal-Imperu Ruman u Kwirinu kien gvernatur tas-Sirja.
Dak li twieled kien min-nisel ta’ David, u għalhekk, fil-waqt tal-miġja tiegħu fid-dinja, inzerta li kien qiegħed Betlem, li kienet il-“belt ta’ David”.
Twieled mill-Verġni. Isimha kien Myriam, jiġifieri Marija. Kienet l-għarusa ta’ Ġużeppi, mill-familja ta’ David, u t-tnejn li huma kienu ġejjin minn Nażżaret.
Min-nofs id-dawl kbir li dawwarhom, ir-rgħajja semgħu dan il-kliem: “Se ssibu tarbija mgewżra fil-ħrieqi, u mqegħda f’maxtura” (Lq 2, 12).
U effettivament hekk kien.
“Apparuit gratia” . . .
4. Grazzja. Xinhi l-grazzja?
Igħid il-profeta: “Puer natus est nobis, Filius datus est nobis”.
Twieled tifel, Iben ingħatalna.
F’dan it-tifel, imwieled mill-Verġni, ingħatalna l-iben.
L-Omm hija Verġni.
Fid-dinja hu m’għandux missier.
Twieled eternament. U eternament tnissel: Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru; imnissel mhux magħmul: mill-istess sustanza tal-Missier.
F’dan il-lejl huwa ingħatalna:
Mogħti permezz ta’ twelid terren mill-Verġni, permezz tat-twelid fil-lejl ta’ Betlem, permezz ta’ twelid fil-faqar.
Ingħatalna.
Il-grazzja hija appuntu don. Hija id-“donazzjoni” ta’ Alla lill-krejatura, lill-bniedem: id-donazzjoni ta’ dak li hu divin lil dak li uman.
Fdan il-lejl, il-Grazzja saret ovvja: “apparuit”. Hija wriet lilha nfisha fid-dimensjoni tagħha definittiva. Alla “jirregala lilu nnifsu” fl-Iben” fl-Iben etern li huwa tal-istess sustanza tal-Missier.
Jirregala lilu nnifsu bl-opra tal-Ispirtu Santu, li l-Verġni ta’ Nażżaret irċeviet fl-annunzjazzjoni.
“Apparuit gratia”.
Alla jirregala lilu nnifsu grazzi għall-imħabba infinita tiegħu:
“Alla infatti tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni” (Ġw 3, 16).
Alla jirregala lilu nnifsu mhux biss b’mod inviżibli, fl-intimu tal-qlub umani. Jirregala lilu nnifsu wkoll b’mod ovvju: “jirrivela tassew il-misteru etern ta’ mħabbtu fid-dlamijiet ta’ dan il-lejl ta’ Betlem.
5. “Apparuit gratia salvatoris” . . .
Fil-lejl ta’ Betlem Alla jiġi għall-bniedem bil-program tal-ħajja l-ġdida:
“trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja, biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tieba f’din id-dinja”, jiktab San Pawl (Tt 2, 12).
Dan huwa ugwalment il-program tat-tama feddejja, għaliex l-iben li ngħatalna f’dan il-lejl ta’ Betlem, bħala tarbija mqegħda f’maxtura, se “jagħti lilu nnifsu għalina “biex jifdina minn kull inikwità u jiffurmana f’poplu pur li jappartieni lilu, żelanti fl-opri tajbin” (Tt 2, 14): il-poplu ġdid ta’Alla.
Il-manifestazzjoni tal-glorja ta’ Alla nnifsu
6. “Apparuit gratia” . . . Dan kollu sar ovvju f’dan il-lejl.
U fl-istess ħin il-lejl ta’ Betlem jaħbi dan kollu bl-oskurità misterjuża tiegħu.
Marija u Ġużeppi biss, u flimkien magħhom xi rgħajja, sabu ruħhom fil-profond tad-dawl li ppenetra dan il-lejl.
7. Hekk kien dakinhar . . .
Issa kważi elfejn sena jifirduna minn “dakinhar” U hekk hu li djjem niġu, dejjem ninġabru f’nofsillejl. Ejjew nerġgħu mill-bogħod insejħu dan il-lejl wieħed u uniku fl-istorja tal-bniedem.
Ejjew nappartienu lill-ġenerazzjoni li apertament spustat l-aċċenti ta’ Alla għad-dinja, mill-eternità għat-temporalità . . .
“Il-poplu li jimxi fid-dlam . . . abitanti f’art ta’ dlamijiet”.
Xi wħud jaħsbu: M’aħniex jewwilla diġa f’epoka post-kristjana?
Xi wħud għamlu mill-ateiżmu program tal-progress tal-bniedem.
Imma dan il-“progress” affermat ġab miegħu ukoll theddida permanenti nuklejari, u forom ta’ sfruttament tal-bniedem u ta’ telf tal-valuri li jagħtu sens lill-ħajja, mingħajr ma neliminaw il-pjaga tal-ġuħ li b’mod drammatiku taffettwa ċerti reġġjuni tad-dinja.
“I- poplu li jimxi fid-dlamijiet”; dlamijiet ta’ kull epoka.
U bdanakollu kull sena jerġà jiġi dan il-lejl.
L-istess lejl ta’ Betlem f’kull post tad-dinja. U aħna nerġgħu ninġabru. Ninsabu ħdejn il-Verb inkarnat, bħal Marija u Ġużeppi b’qalb miftuħa biex tilqa il-messaġġ ta’ tama li l-Milied iġib ukoll illum lill-umanità.
“Apparuit gratia” . . .
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb