Il-Viżta Pastorali tal-Isqof Anton Teuma fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Bejn Otubru 2024 u Mejju 2025

Il-Viżta Pastorali li se jagħmel l-Isqof Anton Teuma bejn Ottubru 2024 u Mejju 2025 hija l- ewwel waħda minn kemm ilu Isqof ta’ Għawdex, u t-32 waħda minn kemm ilha mwaqqfa d- Djoċesi (1864).

It-tema magħżula għall-Viżta hi “U daħal joqgħod magħhom” (Lq 24:29), silta oħra mill- ġrajja tal-laqgħa ta’ Ġesù mad-dixxipli ta’ Għemmaws wara l-Qawmien mill-imwiet, li minnha hu meħud il-motto tal-Isqof u fuqha nbnew ukoll it-temi tal-Pjanijiet Pastorali Djoċesani fl-aħħar snin. Billi l-Viżta se tikkonċidi wkoll mal-Ġublew Ordinarju ċċeleberat universalment fl-2025, bit-tema Pellegrini tat-tama, hija wkoll okkażjoni biex titwassal din l- aħbar ta’ tama lill-familji Nsara Għawdxin.

Il-Viżta hija żjara li l-Isqof Djoċesan jagħmel lill-parroċċi u l-komunitajiet Kattoliċi fit- territorju djoċesan, bl-għan li jistħarreġ il-qagħda tagħhom u jwettaqhom fil-ħajja tal-fidi u l- ħidma tagħhom ta’ evanġelizzazzjoni.

Għal dan il-għan ukoll, fix-xhur tas-sajf intbagħat kwestjonarju lill-kappillani, sabiex it- tagħrif miġbur ikun ta’ għajnuna għall-Isqof u l-Kummissjoni li se takkumpanjah fiż-żjajjar fil-parroċċi.

Wara li l-Ħadd 22 ta’ Settembru l-Viżta tiġi mħabbra uffiċjalment b’Ittra Pastorali tal-Isqof, il-Ħadd ta’ wara, 29, fis-6.00pm, fil-Katidral tal-Assunta, tiġi miftuħa uffiċjalment waqt Quddiesa Solenni mmexxija mill-Isqof.

Iż-żjajjar fil-15-il parroċċa tad-Djoċesi ta’ Għawdex u f’xi rettorji se jsiru, waħda kull ġimgħa, bejn is-6 ta’ Ottubru u l-24 ta’ Mejju, b’waqfiet għaż-żminijiet liturġiċi qawwija tal- Avvent, il-Milied, ir-Randan u l-Għid.

Qabel kull żjara f’parroċċa, bħala stedina se titqassam bieb bieb kopja tal-Vanġelu ta’ San Luqa (Bibbja Saydon), kif ukoll isir talb fil-komunitajiet għall-frott spiritwali tagħha. Bi tħejjija iktar prossima, fil-jiem immedjati ta’ qabel tiġi ċċelebrata Velja u lejl ta’ adorazzjoni Ewkaristika fil-Knisja parrokkjali.

F’kull parroċċa, il-Viżta tiftaħ b’Quddiesa l-Ħadd filgħodu u tagħlaq b’oħra s-Sibt ta’ wara filgħaxija. Matul dik il-ġimgħa, barra ċelebrazzjonijiet oħra ta’ quddies, ikun hemm laqgħat tal-Isqof u d-delegati tiegħu mal-Presbiterju Parrokkjali, l-Istituti Reliġjużi preżenti f’dik il- komunità, kif ukoll mal-organi prinċipali bħalma huma l-Kunsill Pastorali Parrokkjali, il- Kunsill Ekonomiku, il-Grupp Liturġiku, il-Grupp tad-Djakonija, u l-Kumitati l-oħra rispettivi, kif ukoll ma’ realtajiet pastorali involuti fil-missjoni tal-Knisja u fl-appostolat,

fosthom l-animaturi liturġiċi u dawk tal-gruppi, il-katekisti, kif ukoll voluntiera oħra fi ħdan il-parroċċi.

L-Isqof isib il-ħin ukoll jiltaqa’ mad-diversi membri tal-parroċċa waqt il-laqgħat tagħhom, kif ukoll jagħmel żjajjar lill-morda u l-anzjani, waqt li jkun hemm ħin disponibbli għal kollokji personali.

Il-Viżta, kif hu mitlub mil-Liġi tal-Knisja, tinvolvi wkoll l-eżaminazzjoni tal-Arkivju Parrokkjali, il-proprjetajiet, l-opri tal-arti, l-oġġetti sagri u oħrajn li jappartienu lill-Parroċċa, kif ukoll is-superviżjoni tar-reġistri, il-kotba liturġiċi u l-kontijiet finanzjarji.

Wara l-Viżta, li tiġi ddokumentata b’Rapport dettaljat, issir evalwazzjoni kemm mal- Kappillan, il-Presbiterju u l-Kunsill Parrokkjali, imma wkoll mill-kummissjoni li tkun wettqitha, li l-frott tagħha jiġi kkomunikat lil kull parroċċa f’ittra mibgħuta mill-Isqof.

B’dan kollu, “il-Viżta Pastorali tidher bħala dak li tabilħaqq hi: sinjal tal-preżenza tal-Mulej li jżur fis-sliem lill-poplu tiegħu” (Ġwanni Pawlu II, Pastores gregis, 46).


EN

PASTORAL VISIT OF BISHOP ANTON TEUMA IN THE DIOCESE OF GOZO (OCTOBER 2024 – MAY 2025)

The Pastoral Visit which Bishop Anton Teuma will be conducting between October 2024 and May 2025 will be his first one since he was consecrated Bishop of Gozo, and the 32nd since the Diocese of Gozo was established in 1864, 160 years ago.

The chosen theme for the Visit is: “So he went in to stay with them” (Lk 24:29), a citation from the event of the meeting of Risen Lord Jesus with the disciples of Emmaus. It is from this event that Bishop Teuma drew inspiration for his episcopal motto and for the Pastoral Plans of the recent years for the Diocese of Gozo. Since the Visit will be coinciding with the Ordinary Jubilee celebrated universally in 2025, carrying the theme Pilgrims of Hope, this will be an occasion for the proclamation of Christian Hope for all Catholic families in Gozo.

The Visit will be presided by the Bishop who will visit parishes and Catholic communities in the diocesan territory, with the aim of studying their condition and to strengthen their life of faith and their work of evangelisation.

For this purpose, during the summer months a questionnaire was handed out to parish priests, so that any gathered material is passed on to the Bishop and the Commission accompanying him during his visits to the parishes.

The Visit will be formally announced on Sunday 22 September through the Bishop’s Pastoral Letter. The next Sunday, 29 September, at 6.00pm, at the Cathedral Church in Victoria, the Pastoral Visit will be officially inaugurated during a Solemn Mass presided by the Bishop.

The visits in the 15 parishes of the Diocese of Gozo and the rectories will take place, one every week, between 6 October and 24 May, excluding the liturgical seasons of Advent, Christmastide, Lent and Eastertide.

Prior to every visit in a parish, a copy of the Gospel according to Luke (Bibbja Saydon) will be handed out door to door as an invitation. The faithful will also be encouraged to offer prayers for the spiritual advancement of the Pastoral Visit. Then, the immediate days preceding the Visit will be characterised by a vigil and night of Eucharistic Adoration in the respective parish churches.

In every parish, the Visit will be inaugurated by a Mass on Sunday morning and will conclude with another Mass on the successive Saturday evening. During the week, besides the celebration of masses, there will be meetings by the Bishop and his Delegates with the Parish Clergy, the Religious Institutes in the community, and the main entities such as the Parish Pastoral Council, the Economic Council, the Liturgical Group, the Diaconia Group, and the other respective committees, together with other pastoral realities involved in the mission of the Church and Catholic apostolate. Among these there are the liturgical animators and those of the groups, the catechists and other volunteers in the parish.

The Bishop will also find time to meet various members of the parish and conduct visits to the sick and the elderly. There will also be time for personal talks and meetings.

The Visit, as procured by Canon Law, involves also an examination of the Parish Archives, the properties, the sacred objects and other works of art pertaining to the parish, together with the supervision of registers, liturgical books and financial accounts.

After the Visit, which will be documented in a detailed Report, an evaluation with the Parish Priest, Parish Clergy and Parish Council will take place. The Commission overseeing it will also participate and feedback will be communicated to each parish in a letter by the Bishop.

“When it is carried out in this way, the Pastoral Visit appears for what is truly is: a sign of the presence of the Lord who visits his people in peace” (John Paul II, Pastores gregis, 46).


Il-Viżta Pastorali: L-isfond storiku u pastorali

Obbligu ta’ kull ħames snin

Il-Kanoni 396§1 tal-Liġi Kanonika tal-Knisja jobbliga lill-Ordinarju, jiġifieri l-Isqof Djoċesan, li “kull sena jżur id-djoċesi kollha jew parti minnha, biex hekk ikun żar id-djoċesi sħiħa tiegħu tal-inqas kull ħames snin, jew personalment jew, jekk ikollu impediment leġittimu, permezz ta’ isqof koadjutur, awżiljarju, vigarju ġenerali, vigarju episkopali, jew xi presbiteru ieħor”. Il-Liġi Kanonika tkompli tispeċifika li viżta episkopali ordinarja għandha bħala suġġetti tagħha persuni, istituzzjonijiet Kattoliċi, kif ukoll oġġetti u mkejjen sagri li jagħmlu parti mit-territorju tad-djoċesi, u l-Isqof għandu jwettaq il-Viżta Pastorali bl-attenzjoni li jixirqilha (ara Kan. 397§1; 398).

Definizzjoni iktar sempliċi u ċara ta’ Viżta Pastorali hi li din hi “żjara uffiċjali li, minn żmien għal żmien, l-Isqof hu obbligat li jagħmel lill-parroċċi u l-knejjes kollha tad-djoċesi tiegħu. Matul il-Viżta l-Isqof jeżamina l-persuni kollha li għandhom x’jaqsmu mal-knisja, il-postijiet sagri kollha, u anki l-oġġetti f’dawn l-imkejjen; b’hekk hu seta’ jeżamina l-fidi u d-dixxiplina ta’ dawk li kienu jaqgħu taħtu, jikkoreġi l-iżbalji, u jordna r-rimedji meħtieġa” (Bezzina, L-istorja tal-Knisja f’Malta, p. 333).

Esiġenza pastorali

Imma lil hinn mill-obbligu ġuridiku, Viżta Pastorali hi esiġenza għal kull Isqof li għandu għal qalbu d-djoċesi tiegħu. It-tifsira vera toħroġ mill-istess żewġ termini: Viżta u Pastorali.

Fil-lingwaġġ popolari l-kelma viżta spiss hi assoċjata ma’ żjara ta’ pazjent għand tabib jew speċjalista. Hi drawwa tajba li wieħed jagħmel din it-tip ta’ viżta b’mod regolari għand it-tabib tiegħu biex jaġġorna ruħu dwar l-istat ta’ saħħtu u jfittex kura fejn hemm bżonn.

Il-kelma pastorali, min-naħa l-oħra, ġejja mit-terminu Latin pastor, li jfisser ragħaj. L-Isqof hu r-Ragħaj Spiritwali tad-Djoċesi tiegħu, u fil-Knisja lokali hu l-Vigarju ta’ Kristu nnifsu, ir-Ragħaj il-Kbir tagħna. Hu għalhekk li permezz tal-ordinazzjoni episkopali, l-Isqof hu mogħni bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex jista’ jwettaq il-ministeru tat-tmexxija tal-Knisja lokali fdata f’idejh, f’għaqda mal-Papa u l-Kulleġġ tal-Isqfijiet, li huma s-Suċċessuri tal-Appostli. Aktarx li x-xbieha tar-Ragħaj u l-merħla (ara Ġw 10) hi l-isbaħ waħda – u l-aktar għanja teoloġikament – biex biha nispjegaw il-mod li bih l-Isqof hu msejjaħ biex jamministra l-Knisja lokali. Hu mhux biss għandu s-sejħa li jmexxi u jiggverna, imma jrid ifittex li jgħallem, jiggwida, iwieżen, jagħder u jħenn, iqaddes u jqawwi fil-fidi. B’dan il-mod hu jsir dejjej iżjed qaddej tal-komunità ekkleżjali, f’xebh ma’ Kristu li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu: “Jiena r-Ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili” (Ġw 10:14s).

Din it-tifsira ħafifa ta’ dawn iż-żewġ kelmiet – Viżta u Pastorali – tgħinna iżjed nifhmu fi kliem sempliċi x’inhi Viżta Pastorali. Hi ż-żjara li l-Isqof jagħmel lill-komunitajiet fi ħdan il-Knisja lokali, biex, bħar-Ragħaj it-Tajjeb, iwettaqhom fil-fidi. Għalkemm il-fidili Nsara tad-djoċesi huma dejjem spiritwalment f’komunjoni ma’ l-Isqof tagħhom, il-Viżta tagħti l-opportunità fiżika lill-Isqof biex ikun iżjed qrib tagħhom, u jista’ wkoll jifli mill-qrib il-qagħda ta’ kull parroċċa u komunità ekkleżjali fid-djoċesi tiegħu. Dan, naturalment, ifisser ukoll li fejn hemm il-ġrieħi, xogħol l-Isqof hu li jfittex kif idewwihom.

F’dan il-kuntest, ta’ min jikkwota dak li jgħid iċ-Ċerimonjal tal-Isqfijiet dwar il-Viżta Pastorali: “L-Isqof, hu u jwettaq id-dmir li jżur il-parroċċi u l-komunitajiet tad-djo   ċesi tiegħu, m’għandux jagħti l-impressjoni li qed iwettaq dover purament amministrattiv, imma għandu jagħmel mod ċar li l-fidili tiegħu jagħrfu fih ħabbâr tal-Vanġelu, mgħallem, ragħaj u saċerdot il-kbir tal-merħla tiegħu… biex jista’ jagħraf aħjar, jippromovi, iħeġġeġ u jgħaqqad flimkien l-appostolat tas-saċerdoti u tal-lajċi flimkien mal-ħidmiet tal-karità, kif ukoll imexxi ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi” (Kap 2, 1177-1178), għax fil-Liturġija Mqaddsa tesprimi ruħha bl-ogħla mod u tinġabar f’att ta’ qima lil Alla l-fidi espressa fil-karità.

Għalkemm f’realtà ekkleżjali żgħira bħalma hija dik ta’ Għawdex l-Isqof spiss ikollu okkażjonijiet fis-sena li fihom iżur il-parroċċi u l-knejjes, il-Viżta Pastorali hi perjodu stabbilit mil-Liġi tal-Knisja fejn b’mod sistematiku jsiru żjarat lil kull komunità parrokkjali u oqsma oħra tal-ħajja ekkleżjali lokali.

Hu wkoll dmir tal-Isqof, megħjun minn dawk li hu jaħtar biex jakkumpanjawh tul dawn iż-żjajjar, li fil-Viżta jieħu nota tal-qagħda fiżika kif ukoll spiritwali tal-knejjes u l-komunitajiet li hu jżur. Hu jeżamina wkoll is-sitwazzjoni ta’ kull parroċċa biex jiżgura li għandha l-istrutturi u l-mezzi kollha meħtieġa u pprovduti mil-Liġi tal-Knisja u minn ordinamenti oħra lokali biex tista’ tingħata l-kura tal-erwieħ. Il-proċess jinkludi wkoll dokumentazzjoni dettaljata taż-żjajjar, jew Rapport, miktub mis-Segretarju jew Kanċillier tal-Viżta, li jibqa’ arkivjat fil-Kurja Veskovili.

Hu għalhekk li kull Viżta Pastorali trid tieħu ż-żmien tagħha u spiss iż-żjajjar fil-parroċċi jieħdu ġimgħat sħaħ. L-Isqof, imsejjaħ Viżitatur għall-fini tal-Viżta, u akkumpanjat mill-Konviżitaturi maħtura minnu għall-istess skop, irid il-ħin biex jiltaqa’ mal-membri tal-parroċċa: mill-Kappillan sal-Presbiterju Parrokkjali, mill-Kunsill Pastorali Parrokkjali sal-gruppi u l-għaqdiet li jinkludu fihom id-diversi kategoriji tal-komunità parrokkjali, mir-reliġjużi u l-lajċi impenjati fl-appostolat sa l-Insara komuni tat-triq li forsi ftit li xejn huma attivi fil-ħajja tal-Knisja. Forsi jiswa wkoll li l-Isqof innifsu joqgħod għal xi żmien fil-parroċċa. Hekk biss jista’ jkollu stampa sħiħa ta’ realtà pastorali partikulari.

Sfond storiku

Il-Konċilju ta’ Trento (1545-1563), li tlaqqa’ f’din il-belt ċkejkna fit-tramuntana tal-Italja, ikkonsolida moviment kbir ta’ riforma li kien ilu għaddej is-snin fi ħdan il-Knisja Kattolika. F’Novembru 1563, il-Padri Konċiljari, bħala riżultat tal-erbgħa u għoxrin sessjoni tal-Konċilju, ħarġu għadd ta’ dokumenti importanti appuntu msejħa De Reformatione, li fost l-oħrajn taw dispożizzjonijiet ċari lill-Isqfijiet biex jagħmlu Viżti Pastorali b’mod regolari ħalli jeżaminaw il-fidi u d-dixxiplina ta’ dawk li kienu jaqgħu taħthom, kif ukoll jikkoreġu l-abbużi u jordnaw ir-rimedji meħtieġa: “Patrijarki, primati, metropoliti, u isqfijiet m’għandhomx jonqsu milli jżuru d-djoċesijiet tagħhom personalment jew, jekk ikollhom impediment leċitu, permezz tal-vigarju ġenerali jew il-viżitatur tagħhom… L-għan prinċipali tal-viżti kollha għandu jkun li jwasslu lin-nies għal duttrina tajba u ortodossa billi jxejnu l-ereżiji, iżommu l-morali tajba, u jikkoreġu dak li hu ħażin; bit-twissijiet u l-eżortazzjonijiet imexxu n-nies lejn ir-reliġjon, il-paċi, u s-safa, u jintroduċu dak kollu li l-viżitaturi jaraw xieraq għall-benefiċċju tal-fidili, skond kif jippermettu ż-żmien, il-post u l-opportunità” (De Reformatione, Kap. III).

Imma l-Viżti Pastorali huma l-frott ta’ tradizzjoni antika ħafna li tmur lura lejn is-snin bikrin tal-ħajja tal-Knisja, meta l-Appostli nfushom kienu jżuru l-Knejjes lokali. Lil Pawlu spiss narawh jirritorna fil-komunitajiet evanġelizzati minnu biex isaħħaħ lill-Insara fil-fidi u, fejn ikun hemm bżonn, iċanfarhom (ara 1 Tim 1:3,4,18; 2 Tim 2:23; 3:1-12; Tit 1:5-9; 2:1-3). Anki Missirijiet il-Knisja kienu jagħmlu dawn iż-żjajjar, dejjem bl-għan li l-Isqof ikun qrib il-merħla tiegħu.

Il-Maġisteru tal-Knisja Kattolika matul is-snin kompla jenfasizza l-importanza ta’ dawn il-Viżti. Il-Konċilju Vatikan II (1962-1965) ifakkar fl-importanza tagħhom fid-digriet dwar l-uffiċċju tal-isqfijiet, Christus Dominus (ara 23§2), għax “Ġesù Kristu, ir-Ragħaj etern, bena l-Knisja mqaddsa tiegħu u bagħat lill-Appostli l-istess kif hu kien mibgħut mill-Missier (ara Ġw 20:21), u ried li s-suċċessuri tagħhom, jiġifieri l-Isqfijiet, ikunu sa l-aħħar taż-żminijiet rgħajja tal-Knisja tiegħu” (Lumen Gentium, 18). Għalhekk “il-Viżta Pastorali hi wieħed mill-modi, ikkonfermati minn sekli sħaħ ta’ esperjenza, li permezz tagħhom l-Isqof iżomm kuntatt personali mal-kleru u mal-membri l-oħra tal-Poplu ta’ Alla. Hi okkażjoni biex [l-Isqof] iġedded l-enerġiji ta’ dawk involuti fl-evanġelizzazzjoni, ifaħħarhom, iqawwilhom qalbhom u jwettaqhom. Hi wkoll opportunità biex jistieden lill-fidili għal tiġdid fil-ħajja Nisranija u għal attività appostolika iżjed intensa” (Apostolorum Successores, 220).

Hawn fl-aħħar nett ta’ min jikkwota dak li jgħid il-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II fl-eżortazzjoni post-sinodali tiegħu Pastores Gregis: “Il-Viżti Pastorali… huma żmien awtentiku ta’ grazzja u mument speċjali, anzi uniku, ta’ laqgħa u djalogu bejn l-Isqof u l-fidili. L-Isqof Bartolomeu dos Mártires… fl-opra klassika tiegħu Stimulus Pastorum, xogħol li kien miżmum fl-għoli minn San Karlu Borromeo, il-Viżta Pastorali jsejħilha quasi anima episcopalis regiminis u jispjegaha effettivament bħala estensjoni tal-preżenza spiritwali tal-Isqof fost il-poplu tiegħu” (46). Il-Papa jżid jgħid li l-Viżta Pastorali hi “sinjal tal-preżenza tal-Mulej li jżur lill-poplu tiegħu fis-sliem” (ibid).

Il-Viżti Pastorali f’Għawdex

Il-Beatu Papa Piju IX, bil-bulla Singulari Amore tas-16 ta’ Settembru 1864, qata’ xewqa qadima tal-Għawdxin u waqqaf id-Djoċesi ta’ Għawdex u Kemmuna. Hekk, mija u ħamsin sena ilu, il-gżira tagħna ma baqgħetx tiddependi minn dik ta’ Malta f’dik li hi tmexxija ekkleżjastika, u seta’ jkollha l-Katidral u l-Isqof tagħha, biex hekk il-poplu Nisrani f’Għawdex seta’ jinqeda aħjar f’dik li kura pastorali u spiritwali.

Imma diġà sa minn sew qabel din id-data, il-Viżti Pastorali f’Għawdex kienu jsiru mill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex li kienu jmexxu l-Knisja fiż-żewġ gżejjer, dak iż-żmien djoċesi waħda. Il-fatt li minn wara r-riformi ta’ Trento, l-Isqof kellu r-residenza tiegħu fid-djoċesi tiegħu u kien jagħmel b’mod regolari l-Viżti Pastorali, għen ħafna biex titjieb il-qagħda spiritwali tal-poplu tagħna. Qabel l-1864, billi l-Isqfijiet la kienu Għawdxin (ħlief wieħed) u wisq anqas residenti Għawdex, il-Viżti spiss kienu l-uniċi opportunitajiet ta’ kuntatt fit-tul bejn l-Isqof u l-poplu Għawdxi. Tant hu hekk li spiss l-Għawdxin kienu jaħtfu l-okkażjoni tal-waqfa tal-Isqof fil-gżira biex jistednuh jiddedika xi knisja, imexxi xi ċerimonja tal-Griżma tal-Isqof jew Preċett, jew imexxi xi funzjoni importanti (ara Bezzina, Religion and Politics in a Crown Colony, pp. 150-151). Biex inġib eżempju wieħed, waqt li l-Isqof ta’ Malta u Għawdex Fra Alpheran de Bussan kien qed jagħmel ir-raba’ Viżta Pastorali tiegħu f’Għawdex fl-1755, f’temp ta’ inqas minn xahar hu ddedika l-knejjes parrokkjali ta’ San Ġorġ, l-Għarb u Ta’ Sannat, kif ukoll il-knisja tal-Madonna tal-Grazzja tal-Kapuċċini fir-Rabat.

Għalkemm f’Malta fis-seklu ħmistax diġà nsibu xi Viżti Pastorali fil-forma primittiva tagħhom, dawn ma kinux hekk fis-sens strett tal-kelma. Kien l-Isqof Domenico Cubelles li għamel l-ewwel Viżta Pastorali f’Malta fl-1445, imma b’xorti ħażina r-Rapport intilef. Imbagħad, b’riżultat tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet tar-Riforma ta’ Trento, fl-1570 inbdiet Viżta Pastorali oħra, u dan baqa’ jsir b’mod regolari mill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex fis-sekli sbatax u tmintax sa żmienna.

Fl-1575 saret ukoll Viżta Appostolika f’Malta u Għawdex minn Mons. Pietro Dusina, li għandha importanza kbira fl-iżvilupp tal-istorja tal-Knisja fil-gżejjer tagħna. Imma ta’ min iżomm f’moħħu li dan ma kinitx Viżta Pastorali imma Appostolika, jiġifieri l-Viżitatur kien mibgħut speċjali tal-Papa biex jeżamina l-qagħda ekkleżjastika fil-gżejjer u jwassal rapport dettaljat Ruma. Anki ż-żjarat pastorali li jagħmel l-Isqof ta’ Ruma ’l barra mid-Djoċesi tiegħu jew mill-Italja jissejħu Vjaġġi Appostoliċi.

L-ewwel Viżta Pastorali wara t-twaqqif tad-Djoċesi Għawdxija saret mill-ewwel Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mikiel Franġisk Buttigieg, u nfetħet fl-1 ta’ Novembru 1865. Hu ħabbar dan f’Ittra Pastorali tal-20 ta’ Ottubru 1865, fejn stqarr li sa mill-bidu tal-ministeru episkopali tiegħu ħass id-dmir fdat lilu li jieħu ħsieb tal-merħla Għawdxija, iħabbrilha l-Kelma, iwettaqha fil-fidi u jsaħħaħha fil-virtujiet, biex iżomm ħajja l-grazzja li rċieva bit-tqegħid tal-idejn għat-tqaddis tal-erwieħ. B’dawn il-ħsibijiet f’moħħu, stqarr l-Isqof, “ma nistgħux intawlu iżjed ma nibdew il-Viżta Pastorali, maħsuba b’tant premura għar-Rgħajja tal-Knejjes mill-Konċilji Ġenerali, l-aħħar wieħed dak ta’ Trento… Għalhekk qtajnieha li, minkejja l-età avvanzata tagħna, nibdew induru l-imkejjen tad-Djoċesi fl-ewwel jum tax-xahar id-dieħel ta’ Novembru, jum iddedikat lill-Qaddisin kollha, ibda mill-Katidral tagħna. Aħna mimlija fiduċja li din il-Viżta Pastorali sejra favorevolment tilħaq l-għan doppju tagħha… it-tisħiħ tal-fidi u r-riforma tad-drawwiet”. Buttigieg kellu 72 sena meta fetaħ din l-ewwel Viżta Pastorali fid-Djoċesi ġdida ta’ Għawdex.

Il-Viżti Pastorali kollha li saru fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Il-lista li ġejja (mibnija minn Mons. Dr Joseph Bezzina) turi d-data tal-ftuħ uffiċjali fil-Katidral ta’ kull Viżta Pastorali li saret kemm Għawdex ilu Djoċesi għalih, jiġifieri f’dawn l-aħħar mija u ħamsin sena.

 IsqofFtuħ tal-Viżta
01Mikiel Franġisk Buttigieg1 ta’ Novembru 1865
02Anton Grech Delicata [I]10 ta’ Awwissu 1869
03Anton Grech Delicata [II]8 ta’ Diċembru 1873
04Pietru Pace [I]21 ta’ Marzu 1878
05Pietru Pace [II]7 ta’ Ottubru 1883
06Ġwann Marija Camilleri [I]6 ta’ Ottubru 1889
07Ġwann Marija Camilleri [II]16 ta’ Ottubru 1892
08Ġwann Marija Camilleri [III]13 ta’ Ottubru 1895
09Ġwann Marija Camilleri [IV]9 ta’ Ottubru 1898
10Ġwann Marija Camilleri [V]6 ta’ Ottubru 1900
11Ġwann Marija Camilleri [VI]16 ta’ Ottubru 1904
12Ġwann Marija Camilleri [VII]20 ta’ Ottubru 1907
13Ġwann Marija Camilleri [VIII]16 ta’ Ottubru 1910
14Ġwann Marija Camilleri [IX]18 ta’ Ottubru 1914
15Ġwann Marija Camilleri [X]17 ta’ Ottubru 1920
16Mikiel Gonzi [I]18 ta’ Jannar 1925
17Mikiel Gonzi [II]19 ta’ Jannar 1930
18Mikiel Gonzi [III]20 ta’ Ottubru 1935
19Mikiel Gonzi [IV]21 ta’ Jannar 1940
20Ġużeppi Pace [I]24 ta’ Frar 1946
21Ġużeppi Pace [II]1 ta’ April 1951
22Ġużeppi Pace [III]1 ta’ Novembru 1955
23Ġużeppi Pace [IV]9 ta’ April 1961
24Ġużeppi Pace [V] / Nikol Ġużeppi Cauchi [I]2 ta’ Ottubru 1966
25Nikol Ġużeppi Cauchi [II]25 ta’ Jannar 1976
26Nikol Ġużeppi Cauchi [III]25 ta’ Jannar 1981
27Nikol Ġużeppi Cauchi [IV]23 ta’ Marzu 1986
28Nikol Ġużeppi Cauchi [V]2 ta’ Diċembru 1990
29Nikol Ġużeppi Cauchi [VI]25 ta’ Frar 1996
30Nikol Ġużeppi Cauchi [VII]4 ta’ Marzu 2001
31Mario Grech11 ta’ Ottubru 2013

S’issa saru b’kollox tletin Viżta Pastorali minn seba’ isqfijiet differenti, u dettall interessanti hu li parti kbira tagħhom infetħu fix-xahar ta’ Ottubru. Kien l-Isqof Agostinjan Giovanni Maria Camilleri l-iktar li għamel Viżti Pastorali (għaxra) tul ħamsa u tletin sena ta’ episkopat, u kien ukoll dan l-Isqof li fl-1903 sejjaħ l-Ewwel Sinodu Djoċesan ta’ Għawdex. Is-Sinodu, li hu laqgħa tal-Isqof, is-saċerdoti u l-lajċi flimkien biex jiddiskutu bosta temi marbuta mal-ħajja tad-Djoċesi, hu għodda pastorali siewja ħafna fit-tmexxija tal-Knisja lokali.

F’Ottubru 1966, l-Isqof Giuseppe Pace beda Viżta Pastorali li mbagħad tkompliet mill-Isqof Nikol Ġużeppi Cauchi, li nħatar Amministratur Appostoliku għal Għawdex u ġie kkonsagrat Isqof fid-9 ta’ April 1967; fis-16 tal-istess xahar Mons. Cauchi kompla l-Viżta Pastorali li beda l-predeċessur tiegħu. L-Isqof Cauchi sejjaħ ukoll it-Tieni Sinodu Djoċesan fl-1992, kif ukoll kemm-il Missjoni Djoċesana u Kungress Pastorali Djoċesan fuq temi differenti. Fiċ-Ċirkulari li biha ħabbar is-seba’ u l-aħħar Viżta tiegħu, hu qal li “għalkemm il-Viżta Pastorali hija drawwa antika fil-Knisja ta’ Kristu kemm fil-Lvant u kif ukoll fil-Punent, għadha utli u meħtieġa anki għaż-żminijiet tal-lum” (Ċirkulari 400/2001).

Ir-Rapporti tal-Viżti Pastorali, kemm dawk li saru f’Għawdex qabel twaqqaf Djoċesi għalih u kemm ta’ dawn l-aħħar tletin waħda – uħud miżuma fl-Arkivju Arċiveskovili ta’ Malta u f’dak tal-Katidral tal-Imdina (1687-1864), u oħrajn f’dak tal-Kurja Veskovili ta’ Għawdex – huma għejun ta’ valur imprezzabbli, għax jagħtuna stampa ċara – spiss l-unika waħda – tal-qagħda pastorali imma wkoll fiżika tal-parroċċi ta’ Għawdex fis-sekli li għaddew. Fuqhom saru u għad ikomplu jsiru għadd ta’ studji! Fl-antik iżjed mil-lum, l-Isqof li jkun jagħmel il-Viżta kien jordna li jinġabar inventarju tal-oġġetti kollha li kien ikun hemm fl-knisja parrokkjali, fis-sagristija u fil-bini kollu li kien propjetà tal-parroċċa. Mhux darba u tnejn li ordna xi tiswija jew saħansitra pprofana xi kappella minħabba l-istat ħażin li kienet qed tinżamm fih. Hu kien jingħata lista tal-kleru tal-parroċċa u jinterroga lis-saċerdoti, jeżamina r-reġistri u l-kotba l-oħra tal-parroċċa, jara l-benefiċċji u legati, u jifli l-iStatus Animarum, jiġifieri lista bit-tagħrif dwar il-familji li jagħmlu parti mit-territorju ta’ kull parroċċa. Minn dawn ir-Rapporti, għalhekk, nisiltu tagħrif mitqlu deheb kemm dwar l-istat materjali tal-knejjes tagħna fl-antik, u kemm dwar il-qagħda soċjali u reliġjuża tal-poplu Għawdxi.

L-implikazzjonijiet ta’ Viżta Pastorali fid-dinja tal-lum

Ir-realtà djoċesana Għawdxja diġà tippermetti lill-Isqof li fuq bażi ordinarja jibni relazzjoni pjuttost stretta u personali mas-saċerdoti u l-komunitajiet parrokkjali, imma hi sewwa sew il-Viżta Pastorali li tintensifika u tagħmel iżjed viżibbli din ir-rabta qawwija tar-Ragħaj mal-merħla tiegħu, fejn l-Isqof jidher tabilħaqq bħala l-għerq u l-pedament tal-għaqda fil-Knisja djoċesana (ara Lumen Gentium, 23). Hu għalhekk li l-Viżta Pastorali hi okkażjoni għar-Ragħaj biex jifhem fejn tħabbat il-qalb tal-poplu, u jkun lest biex jisma’, ifarraġ u jdewwi. Barra li tkompli taqdi l-missjoni ta’ omm u għalliema fdat lilha mill-Mulej, il-Knisja l-lum tixtieq tisma’ u titgħallem hi wkoll minn dak li għandha x’tgħidilha s-soċjetà.

It-Tieni Sinodu Djoċesan ta’ Għawdex jissuġġerixxi li għall-Viżta, “il-kappillani jieħdu ħsieb sabiex jiltaqgħu ma’ l-Isqof dawk is-saċerdoti u lajċi involuti fil-ħidmiet pastorali tal-parroċċa” (20d), naturalment fi stil iżjed ‘pastorali’ milli legalistiku kif kien fl-antik! Permezz tal-laqgħat ma’ l-Arċiprieti, il-Presbiterji Parrokkjali, il-Kunsill Parrokkjali u l-kumitati l-oħra tal-parroċċa, il-lajċi impenjati f’kull struttura tal-parroċċa, fl-għaqdiet u fil-movimenti, id-diversi kategoriji u etajiet, imma wkoll billi jħabbat fuq il-bibien tal-periferija lil hemm mis-sagristiji tal-knejjes u ċ-ċentri parrokkjali – bħalma huma l-ambjenti tal-iskejjel, tax-xogħol u tad-divertiment, imma wkoll l-isptarijiet u d-djar tal-familji – l-Isqof irid isir il-preżenza ta’ Kristu r-Ragħaj il-Kbir fost il-poplu tiegħu.

Il-Viżta hekk issir okkażjoni ta’ verifika fil-fidi u tweġiba għall-esiġenzi pastorali li dejjem qed jippressaw iżjed lill-Knisja l-lum. Dan fl-aħħar mill-aħħar għandu jwassal għal tiġdid fil-ħajja tal-Knisja u r-realtajiet tagħha, fejn l-Isqof bħala r-Ras tal-Knisja lokali jippromovi iżjed il-komunjoni ekkleżjali u s-sehem tal-lajċi fil-ħajja tal-Knisja kif tant mixtieq mill-Konċilju Vatikan II. Waqt li biex dan iseħħ permezz tal-Viżta huma meħtieġa forom differenti ta’ tħejjija fuq bażi parrokkjali, il-Viżta għandha tiġi akkumpanjata bit-talb tal-fidili kollha.

tagħrif imħejji minn Francesco Pio Attard

Bibljografija

Attard Francesco Pio, The Development of St George’s Parish from the Pastoral Visitations (1575-1644). A comparative commentary and analysis, Teżi tal-BA(Hons) fit-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, mhux ippubblikata, Malta 2011.

Atti tal-Kurja Djoċesana ta’ Għawdex, April 2001 (221).

Bezzina Joseph, L-Istorja tal-Knisja f’Malta, Malta 2002.

Bezzina Joseph, Religion and Politics in a Crown Colony. The Gozo-Malta Story 1798-1864, Malta 1985.

Bezzina Joseph, The Bishop’s Archives – Gozo. A descriptive hand-list (=Gaulitana 12), Malta 1992.

Buttigieg Michele Francesco, Ittra Pastorali Dal momento che per divina disposizione…, Gozo, 20 Ottobre 1865, f’Arkivju Nazzjonali Għawdex, CP/02/02.

Coriden James A.–Green Thomas J.–Heintschel Donald E., The Code of Canon Law. A text and commentary, London 1996.

Djoċesi ta’ Għawdex, It-Tieni Sinodu t’Għawdex, Malta 1993.

Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Pastores Gregis, 16 ta’ Ottubru 2003.

Grech Mario, Ittra Pastorali Il-Viżta Pastorali: Niltaqgħu mal-Imħabba ta’ Alla, 4 ta’ Ottubru 2013.

Il-Ħajja f’Għawdex, Novembru-Diċembru 1967 (41[594]).

Konċilju Vatikan II, Digriet dwar l-Uffiċċju tal-Isqfijiet Christus Dominus, 28 ta’ Ottubru 1965, f’Id-Dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Malta 2003

Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 21 ta’ Novembru 1964, f’Id-Dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Malta 2003.

Kongregazzjoni tal-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Ċerimonjal tal-Isqfijiet, 14 ta’ Settembru 1984.

Kongregazzjoni tal-Isqfijiet, Direttorju għall-Ministeru Pastorali tal-Isqfijiet Apostolorum Successores, 22 ta’ Frar 2004.

Waterworth J. (Ed.), The Council of Trent. The canons and decrees of the sacred and œcumenical Council of Trent, translated by J. Waterworth, London 1848.


X’jgħidu d-Dokumenti tal-Knisja dwar il-Viżta Pastorali

Il-Kodiċi tal-Liġi Kanonika (1983)

Kan. 396 §1. Isqof hu obbligat iżur ta’ kull sena d-djoċesi kollha jew parti minnha, biex tal-inqas kull ħames snin ikun żar id-djoċesi sħiħa personalment jew, jekk ikollu xi impediment leġittimu, permezz ta’ isqof koadjutur, awżiljarju, vigarju ġenerali, vigarju episkopali, jew presbiteru ieħor.

§2. Isqof jista’ jagħżel il-kjeriċi li jrid biex jakkumpanjawh jew ikunu assistenti tiegħu waqt viżta; kull privileġġ jew drawwa kuntrarja mhix permessa.

Kan. 397 §1. Persuni, istituzzjonijiet Kattoliċi, u oġġetti u mkejjen sagri, li jinsabu fit-territorju tad-djoċesi, huma suġġetti għal viżta episkopali ordinarja.

§2. Isqof jista’ jżur membri ta’ istituti reliġjużi ta’ dritt pontifiċju u d-djar tagħhom biss f’każi espressi mil-liġi.

Kan. 398. Isqof għandu jħabrek biex iwettaq il-viżta pastorali b’kura kbira. Għandu jara li ma jkun ta’ piż jew diffikultà għal ħadd b’xi spejjeż mhux neċessarji.

Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Postsinodali Pastores gregis, 16 ta’ Ottubru 2003

46. Hu preċiżament f’din il-perspettiva [ta’ stil pastorali ta’ tmexxija u komunjoni djoċesana] li wieħed għandu jara l-importanza tal-Viżti Pastorali. Dawn huma żmien awtentiku ta’ grazzja u mument speċjali, tabilħaqq uniku, ta’ laqgħa u djalogu bejn l-Isqof u l-fidili. L-Isqof Bartolomeu dos Mártires, li jiena bbeatifikajt xi jiem wara l-għeluq tas-Sinodu [bit-tema “L-Isqof, Qaddej tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu għat-Tama tad-Dinja”], fl-opra klassika tiegħu Stimulus pastorum, xogħol li nżamm bi stima kbira minn San Karlu Borromeo, jiddefinixxi l-Viżta Pastorali bħala quasi anima episcopalis regiminis [daqslikieku r-ruħ tat-tmexxija episkopali] u jfissirha b’mod tajjeb bħala estensjoni tal-preżenza spiritwali tal-Isqof qalb il-poplu tiegħu.

Meta jagħmel Viżta Pastorali lill-parroċċa, l-Isqof għandu jiddelega lil oħrajn l-istudju ta’ kwistjonijiet amministrattivi u jagħti l-ewwel post lil-laqgħat personali, ibda mill-kappillan u s-saċerdoti l-oħra. Dan hu ż-żmien meta hu jkun l-eqreb lejn il-poplu tiegħu fit-twettiq tal-ministeru tal-Kelma, tat-tqaddis u tat-treġija pastorali, meta jiltaqa’ l-aktar b’mod dirett ma’ dak li jħassibhom u dak li jgħożżu, dak li jferraħhom u dak li jittamahom, u jkun jista’ jwassal lil kulħadd stedina għat-tama. Hawn fuq kollox l-Isqof jidħol f’kuntatt dirett mal-foqra, l-anzjani u l-morda. Meta ssir b’dan il-mod, il-Viżta Pastorali tidher bħala dak li tabilħaqq hi: sinjal tal-preżenza tal-Mulej li jżur fis-sliem lill-poplu tiegħu.

Kongregazzjoni tal-Isqfijiet, Direttorju għall-Ministeru Pastorali tal-Isqfijiet Apostolorum successores, 22 ta’ Frar 2004, III

220. In-Natura tal-Viżta Pastorali

“Isqof hu obbligat iżur ta’ kull sena d-djoċesi kollha jew parti minnha, biex tal-inqas kull ħames snin ikun żar id-djoċesi sħiħa personalment jew, jekk ikollu xi impediment leġittimu, permezz ta’ isqof koadjutur, awżiljarju, vigarju ġenerali, vigarju episkopali, jew presbiteru ieħor” (CIC, 396§1).

Il-viżta pastorali hi wieħed mill-modi, ikkonfermati minn sekli ta’ esperjenza, li permezz tagħhom l-Isqof iżomm kuntatt personali mal-kleru u ma’ membri oħra tal-Poplu ta’ Alla. Hi okkażjoni biex iġedded l-enerġiji ta’ dawn involuti fl-evanġelizzazzjoni, ifaħħarhom, iqawwilhom qalbhom u jiżgurahom. Hi wkoll opportunità biex jistieden lill-fidili għal tiġdid tal-ħajja Nisranija u għal ħidma appostolika iktar intensa.

Il-viżta pastorali tgħin lill-Isqof jevalwa kemm huma effettivi l-istrutturi u l-aġenziji maħsuba għas-servizz pastorali, waqt li jżomm f’moħħu ċ-ċirkustanzi u d-diffikultajiet tal-ħidma tal-evanġelizzazzjoni, biex jiddetermina b’mod aktar preċiż il-prijoritajiet u l-mezzi meħtieġa biex ifornu l-ħidma pastorali kollha.

Il-viżta pastorali hija għaldaqstant attività appostolika li għandha titwettaq mill-Isqof b’karità pastorali vera, li turi fih il-prinċipju u l-fundament viżibbli tal-għaqda fil-Knisja partikulari (ara Lumen gentium, 23). Għall-komunitajiet u l-istituzzjonijiet miżjura mill-Isqof, hi ġrajja ta’ grazzja, li b’xi mod tirrifletti ż-żjara l-kbira li biha r-“Ragħaj il-kbir” (1 Piet 5:4) u Ħarries tal-erwieħ (ara 1 Piet 2:25), Ġesù Kristu, żar u feda l-poplu tiegħu (ara Lq 1:68) (Pastores gregis, 46). “Persuni, istituzzjonijiet Kattoliċi, u oġġetti u mkejjen sagri, li jinsabu fit-territorju tad-djoċesi, huma suġġetti għal viżta episkopali ordinarja” (CIC, 397§1), inklużi monasteri awtonomi u d-djar tal-istituti reliġjużi ta’ rit djoċesan. Hekk ukoll huma knejjes u oratorji ta’ rit pontifiċju, fir-rispett tal-limitazzjonijiet indikati mil-Liġi Kanonika (ara CIC, 397§2, 615, 628§2, 637, 683).

221. Il-Proċedura ta’ Viżta Pastorali fil-Parroċċa

Meta jagħmel Viżta Pastorali, l-Isqof għandu jfittex li jwettaq dan li ġej, skont dak li jippermettulu ż-żmien u ċ-ċirkustanzi lokali:

a) jiċċelebra l-Quddiesa u jipprietka l-Kelma ta’ Alla;

b) jamministra s-sagrament tal-Konfirmazzjoni bis-solennità li tixraq, possibbilment waqt Quddiesa;

ċ) jiltaqa’ mal-kappillan u l-kjeriċi l-oħra li jgħinu fil-parroċċa;

d) iżomm laqgħat mal-kunsill pastorali jew, jekk dan ma jeżistix, mal-fidili li jikkollaboraw fil-ħafna appostolat (kjeriċi, reliġjużi u membri ta’ soċjetajiet ta’ ħajja appostolika, u l-lajċi) u ma’ assoċjazzjonijiet tal-fidili;

e) iżomm laqgħa mal-kunsill finanzjarju tal-parroċċa;

f) iżomm laqgħa mat-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti żgħar li qed jirċievu istruzzjoni kateketika;

ġ) iżur l-iskola u istituzzjonijiet oħra Kattoliċi li jiddependu mill-parroċċa;

g) iżur xi wħud mill-morda fil-parroċċa, sa fejn hu possibbli.

L-Isqof jista’ jagħżel ukoll li jkun preżenti fost il-fidili b’modi oħra, fir-rispett tad-drawwiet lokali u l-opportunitajiet appostoliċi: ngħidu aħna, maż-żgħażagħ waqt avvenimenti kulturali jew sportivi, jew fil-kumpanija ta’ ħaddiema u f’konverżazzjoni magħhom.

Waqt viżta pastorali, l-Isqof għandu jkun ċert li jeżamina l-amministrazzjoni u ż-żamma tal-parroċċa, inklużi l-imkejjen ta’ qima, l-oġġetti u l-appuntamenti liturġiċi, ir-reġistri parrokkjali u ħwejjeġ oħra. Madankollu, xi aspetti ta’ din il-ħidma jistgħu jitħallew f’idejn il-Vigarji foranji jew kjeriċi oħra idonji (ara CIC, 555§4) qabel jew wara l-viżta, biex l-Isqof jista’ jikkonċentra fuq laqgħat personali matul il-viżta nfisha, kif għandu jagħmel Ragħaj veru (ara Pastores gregis, 46).

222. Preparazzjoni għall-Viżta Pastorali

Il-viżta pastorali għandha tiġi organizzata tajjeb minn qabel, u l-fidili għandhom jirċievu l-preparazzjoni meħtieġa permezz ta’ serje speċjali ta’ taħditiet u omeliji fuq temi dwar in-natura tal-Knisja, il-komunjoni ġerarkika, u l-episkopat. Għal dan il-għan jistgħu jinħarġu fuljetti jew jistgħu jitħaddmu mezzi oħra ta’ komunikazzjoni soċjali. Biex tiġi enfasizzata d-dimensjoni spiritwali u appostolika, qabel il-viżta pastorali tista’ ssir missjoni parrokkjali (ara CIC, 770), immirata li tilħaq lill-parruċċani kollha, hu x’inhu l-livell soċjali tagħhom, inklużi dawk li tbiegħdu mill-prattika tal-fidi.

L-Isqof għandu jagħmel preparazzjoni tajba għall-viżta billi jinforma ruħu minn qabel dwar il-qagħda soċjo-reliġjuża tal-parroċċa. Dan it-tagħrif jista’ jkun ta’ siwi għalih u għal uffiċċji djoċesani relevanti biex jibni stampa vera tal-istat tal-komunità parrokkjali u hekk isiru t-tħejjijiet adattati.

223. L-Atteġġjament tal-Isqof waqt il-Viżta

Bħal f’kull taħriġ tal-ministeru pastorali tiegħu, l-Isqof għandu jġib ruħu b’sempliċità u tjieba waqt żjara fil-parroċċa, u jagħti eżempju ta’ devozzjoni, karità u faqar: kollha virtujiet li, flimkien mal-prudenza, għandhom jagħżlu lil Ragħaj tal-Knisja. L-Isqof jistma l-viżta pastorali bħala quasi anima episcopalis regiminis, estensjoni tal-preżenza spiritwali tiegħu fost il-poplu tiegħu (Pastores gregis, 46).

B’Ġesù r-Ragħaj it-tajjeb bħala l-mudell tiegħu, hu għandu jippreżenta ruħu lill-fidili mhux “bi kliem kbir jew għaref” (1 Kor 2:1), lanqas b’arja ta’ sempliċiment effiċjenza mekkanika, imma pjuttost imlibbes bl-umiltà u t-tjieba, dejjem interessat fil-persuna individwali u kapaċi jisma’ u jfiehem ruħu.

Matul il-viżta, l-Isqof għandu jara li ma jtaqqalx il-parroċċa jew il-parruċċani bi spejjeż mhux meħtieġa (CIC, 398). Dan, imma, ma jżommhomx milli jorganizzaw festivitajiet sempliċi bħala konsegwenza naturali tal-ferħ Nisrani tagħhom u espressjoni ta’ affett u stima lejn ir-Ragħaj tagħhom.

224. Għeluq tal-Viżta

Wara kull viżta fil-parroċċa, hu rrakkomandat li l-Isqof iħejji dokumentazzjoni taż-żjara li tkun saret, jesprimi apprezzament għad-diversi attivitajiet pastorali u joffri rakkomandazzjonijiet għal ċertu titjib fil-ħajja tal-parroċċa, b’riferiment speċjali għall-istat tal-kult divin, għall-ħidma pastorali u inizjattivi oħra importanti.

Kongregazzjoni tal-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Ċerimonjal tal-Isqfijiet, 14 ta’ Settembru 1984

1177. L-isqof, fit-twettiq tad-dmir tiegħu li jżur il-parroċċi u l-komunitajiet tad-djoċesi tiegħu, ma għandux jagħti l-impressjoni li qed iwettaq dover purament amministrattiv, imma għandu jara li l-fidili tiegħu jaraw fih b’mod ċar xandar tal-Vanġelu, għalliem, ragħaj u qassis il-kbir tal-merħla tiegħu.

1178. Biex dan jista’ jinkiseb b’mod iżjed effikaċi, iż-żjara ta-isqof għandha ssir, sa fejn hu possibbli, f’dawk il-jiem li fihom il-fidili jistgħu jieħdu sehem fl-ikbar għadd; barra minn hekk, huma għandhom jiġu mħejjija fiż-żmien adatt mill-presbiteri tagħhom b’katekeżi xierqa. Il-viżta mbagħad għandha tkun twila biżżejjed, hekk li l-isqof jista’ jeżamina, jippromovi, jiffavorixxi u jindirizza lejn azzjoni magħquda fl-appostolat tal-presbiteri u tal-lajċi u l-operi tal-karità, barra li jippresiedi wkoll iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.

Djoċesi ta’ Għawdex, It-Tieni Sinodu ta’ Għawdex, Malta 1993

20. Permezz tal-Viżta Pastorali msemmija fil-Kan. 396, l-Isqof jippromovi l-laqgħat personali mal-kleru u mal-Insara l-oħra tal-Poplu ta’ Alla, sabiex isir jafhom, imexxihom, iħeġġiġhom għall-fidi u biex jgħixu ħajja Nisranija. Huwa stess jara u jgħarbel kemm huma effiċċjenti l-istrutturi u l-mezzi li qegħdin għas-servizz pastorali.

(a) Meta l-Isqof iħabbar il-Viżta Pastorali, il-Kwestjonarju li jintbagħat lill-Kappillani, lir-Retturi tal-knejjes u lill-Istituti Piji, li skont il-Kan. 397 huma suġġetti għall-Viżta tal-Isqof, għandu jiġi mwieġeb bil-ħerqa u b’sinċerità kbira, isiru żewġ kopji eżatti tiegħu, waħda minnhom tmur għand l-Isqof, u l-oħra tinżamm fl-Arkivji tal-Knisja. Il-kopja lill-Isqof tintbagħatlu mill-inqas għaxart ijiem qabel ma tibda l-Viżta.

(b) Meta jkun iffissat il-jum tal-Viżta Pastorali, il-Kappillani u r-Retturi tal-knejjes minn kmieni javżaw lill-poplu u jħejju sewwa lin-nies sabiex il-Viżta Pastorali tħalli aktar frott. Meta jkun qorob iż-żmien, isiru prietki għal dan il-għan u jiġu msejħa wkoll konfessuri barranin biex l-Insara jkunu jistgħu jersqu iktar faċilment għall-qrar u għat-tqarbin. F’din l-okkażjoni, l-Insara huma mistiedna jitolbu lil Alla għas-suċċess tal-Viżta.

(ċ) Meta l-Isqof jidħol solennement fil-parroċċa, il-miġja tiegħu għandha titħabbar lill-Insara permezz tad-daqq tal-qniepen. Rigward iċ-ċerimonji liturġiċi, għandhom jiġu osservati n-normi ppubblikati fl-Atti tal-Kurja N. 23, p. 299.

(d) Il-Kappillani jieħdu ħsieb sabiex jiltaqgħu mal-Isqof dawk is-saċerdoti u l-lajċi involuti fil-ħidmiet pastorali tal-parroċċa. Is-saċerdoti huma fid-dmir li jiltaqgħu mal-Isqof personalment meta tkun qiegħda ssir il-Viżta Pastorali fil-parroċċa tagħhom.

(e) Lil dawk is-saċerdoti li fit-termini tal-Kan. 396, par. 2, ikunu ġew inkarigati mill-Isqof sabiex fil-ġranet ta’ qabel jew wara l-Viżta Pastorali, jaraw il-kotba, jiflu l-postijiet u l-oġġetti sagri, u jeżaminaw l-amministrazzjoni tal-beni, il-Kappillani u r-Retturi tal-knejjes għandhom jippermettulhom li jagħmlu dan mingħajr diffikultà. Fl-okkażjoni tal-Viżta Pastorali, iċ-ċerimonier ifakkar lis-saċerdoti dwar iċ-ċelebrazzjoni xierqa tal-quddiesa u jara wkoll jekk humiex qegħdin josservaw kif imiss in-normi liturġiċi.

(f) Kull ħaġa li tappartieni għall-kult divin hija suġġetta għall-Viżta Pastorali. Jekk ikun hemm xi ħaġa anki żgħira li apposta ma tkunx ġiet murija, l-użu tagħha jkun ipprojbit.

(ġ) Id-digrieti mogħtija fil-Viżta Pastorali għandhom ikunu mwettqa bir-reqqa fiż-żmien stabbilit, ikunu miżmuma tajjeb fl-Arkivju tal-Knisja, u jkun mgħarraf bihom il-Presbiterju.


L-Isqof Anton Teuma dwar il-Viżta Pastorali

  1. B’differenza minn reliġjonijiet oħra, fil-fidi tagħna, il-moviment hu prevalentement minn fuq għal isfel. Fi kliem ieħor, Alla li jfittex il-bniedem.
  • Alla jidħol fl-istorja, mhux biss tal-poplu ta’ Iżrael imma wkoll ta’ ħafna familji. Jidħol parti mill-istorja ta’ Abraham, Iżakk, Ġakobb, Mosè.
  • Fuq kollox jidħol fl-istorja tal-familji ta’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni, l-Appostli l-oħra, Żakkew, Lazzru, Marta u Marija, is-Samaritana, Marija ta’ Magdala, l-adultera, u ħafna oħrajn.
  • Illum għadu jixtieq ikun qrib tal-familji kollha tar-raħal, tal-parroċċa, tal-gżira Għawdxija. Għalih kull familja, hi liema hi u hi kif inhi, hi importanti u jixtieq jiltaqa’ magħha.
  • Dan jista’ jagħmlu permezz tal-preżenza tal-Parroċċa bil-persuni, bl-istrutturi, biċ-ċelebrazzjonijiet, bit-tagħlim u bil-ħidmiet tagħha.
  • L-iskop tal-Viżta Pastorali hu li l-Parroċċa tkun aktar qrib tan-nies – Alla jiddejjaq li ma jkunx mal-bnedmin! Il-Viżta Pastorali tagħmel parti minn dan il-moviment f’direzzjoni waħda – Alla li jixtieq jiltaqa’ mal-bniedem, mal-familji, mal-komunità tal-bnedmin fit-territorju tal-parroċċa jew tar-raħal.
  • Wara kull Viżta Pastorali hemm ix-xewqa ta’ Ġesù u x-xewqa tal-Knisja li tkun qrib in-nies biex tismagħhom, tifhimhom, tilqagħhom, tħobbhom u tgħinhom fil-mixja umana u fil-mixja tagħhom lejn Ġesù.
  • Il-Viżta Pastorali ma tridx tkun ġrajja speċjali li tibda u li tispiċċa, imma hija enerġija, moviment kontinwu li jkompli ma’ dak li diġà l-Parroċċa qed tkun u qed tagħmel fit-territorju u li jkompli jitqawwa u jikber – għax il-Parroċċa tagħmel sens daqskemm tkun man-nies, tan-nies u għan-nies!
  • Il-motto ta’ din il-Viżta Pastorali, li ser isseħħ fis-sena tal-Ġublew tat-Tama, hu: “U daħal joqgħod magħhom” (Lq 24:29). M’hemmx mod aħjar kif il-bnedmin jgħixu t-tama tal-Ġublew milli li jagħrfu l-ħerqa ta’ Alla li jkun mal-bnedmin. M’hemmx mod aħjar kif ngħixu dan iż-żmien ta’ Sinodalità milli li lkoll flimkien – kappillani, saċerdoti, reliġjużi, persuni ta’ ħajja kkonsagrata u lajċi – ngħinu lil xulxin nagħmlu esperjenza dejjem aktar profonda tal-qrubija ta’ Alla lejna.
  1. Wara Sena Pastorali ddedikata lill-eżami tal-kuxjenza kif mitlubin mis-Segreterija tas-Sinodu: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” (Lq 24:17); wara Sena ddedikata għas-smigħ tal-Kelma: “U beda jfissrilhom kulma kien hemm fuqu fl-Iskrittura” (Lq 24:27); wara Sena Pastorali ddedikata għat-talb u għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni: “Ibqa’ magħna, Mulej” (Lq 24:29); issa ser niddedikaw is-Sena Pastorali li jmiss għall-Viżta Pastorali: “U daħal joqgħod magħhom” (Lq 24:29).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading