VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, IL-KAMERUN, L-ANGOLA, U L-GUINEA EKWATORJALI
(13-23 TA’ APRIL 2026)
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Spjanata ta’ Saurimo (Saurimo)
It-Tnejn 20 ta’ April 2026
Għeżież ħuti,
F’kull parti tal-Knisja, il-Knisja tgħix bħala poplu li jimxi wara Kristu, ħuna u Feddej tagħna: hu, l-Irxoxt, idawlilna t-triq lejn il-Missier u bil-qawwa tal-Ispirtu jqaddisna, biex nibdlu l-istil ta’ ħajjitna skont l-imħabba tiegħu. Din hi l-Aħbar it-Tajba, il-Vanġelu li jgħaddi bħal demm mill-vini, u jweżinna matul it-triq. Triq li llum wasslitni hawn, magħkom! Fil-ferħ u fil-ġmiel tal-ġemgħa tagħna, miġbura f’isem Ġesù, nisimgħu b’qalb miftuħa l-Kelma tiegħu ta’ salvazzjoni, biex tgħinna nirriflettu fuq ir-raġuni u fuq l-għan li għalihom aħna nimxu wara l-Mulej.
Fil-fatt, meta l-Iben ta’ Alla jsir bniedem, huwa jwettaq ġesti elokwenti biex juri r-rieda tal-Missier: iġib id-dawl qalb id-dlamijiet billi jagħti lura d-dawl lill-għomja, jagħti leħen lill-magħkusin billi jħoll ilsien il-muti, itaffi l-ġuħ tagħna għall-ġustizzja billi jkattar il-ħobż għall-foqra u d-dgħajfa. Min jisma’ lil min jitkellem fuq dawn l-opri, imur ifittex lil Ġesù. Fl-istess waqt, il-Mulej jara dak li hemm fil-qalb tagħna u jistaqsina aħniex qed infittxuh bi gratitudni jew b’interess, b’kalkolu jew bi mħabba. Fil-fatt hu jgħid lin-nies li kienet miexja warajh: “Intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu” (Ġw 6:26). Kliemu jikxef il-pjanijiet ta’ min ma jridx il-laqgħa ma’ persuna, imma l-konsum ta’ oġġetti. Il-folla tara lil Ġesù bħala strument għal xi ħaġa oħra, dak li jqassam is-servizzi. Kieku ma tahomx xi ħaġa x’jieklu, il-ġesti tiegħu u t-tagħlim tiegħu ma kinux jinteressawhom.
Dan iseħħ meta flok il-fidi awtentika jidħol il-kummerċ supertizzjuż, li fih Alla jsir idolu li nfittxuh biss meta jkollna bżonn, sakemm ikollna bżonn. Saħansitra l-isbaħ doni tal-Mulej, li dejjem jieħu ħsieb tal-poplu tiegħu, hawn isiru pretensjoni, premju jew rikatt, u jiġu mifhuma ħażin proprju minn min jirċevihom. Ir-rikatt evanġeliku allura jurina li jeżistu motivazzjonijiet żbaljati biex infittxu lil Kristu, qabelxejn meta nqisuh bħallikieku kien xi gurù jew xi ħadd li jġibilna xorti tajba. Anki r-raġuni li pproponiet dik il-folla ma kinitx waħda tajba: fil-fatt huma ma kinux qed ifittxu mgħallem li jħobbu, imma mexxej li jirrispettaw għal dak li jagħtihom.
L-atteġġjament ta’ Ġesù lejna hu differenti sew: fil-fatt, hu ma jirrifjutax dan it-tiftix xejn sinċier, imma jixprunah biex jikkonverti. Lill-folla ma jkeċċihiex, imma jistieden lil kulħadd biex jeżamina x’hemm iħabbat fil-qalb tagħna. Kristu jsejħilna għal-libertà: ma jridx qaddejja jew klijenti, imma jfittex aħwa li għalihom jista’ jingħata kollu kemm hu. Biex inwieġbu b’fidi għal din l-imħabba, mhux biss nisimgħu lil Ġesù jitkellem: hemm bżonn nilqgħu s-sens tal-kliem tiegħu. Lanqas hu biżżejjed naraw dak li jagħmel Ġesù: irridu nimxu warajh u nimitaw l-inizjattiva tiegħu. Meta fil-ħobż maqsum naraw ir-rieda tal-Feddej, li jagħti lilu nnifsu għalina, allura nkunu nersqu lejn il-laqgħa vera ma’ Ġesù, li ssir dixxipulat, missjoni u ħajja.
It-twissija li Ġesù jagħmel lill-folla hekk tinbidel fi stedina: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:27). B’dawk il-kelmiet, Kristu jindika l-veru don tiegħu għalina: mhux isejħilna biex ma nagħtux kas tal-ħobż ta’ kuljum, li anzi hu jkattar b’abbundanza u jgħallima nitolbuh fit-talb. Jedukana għall-mod it-tajjeb kif infittxu l-ħobż tal-ħajja, ikel li jweżinna għal dejjem. Ix-xewqa tal-folla hawn issib tweġiba ikbar u aktar sorprendenti: Ġesù ma jagħtiniex ikel li jintemm, imma ħobż li ma jtemmniex, għax hu ikel tal-ħajja ta’ dejjem.
Id-don tiegħu jsir dawl fuq il-preżent tagħna: fil-fatt illum naraw li ħafna xewqat tan-nies huma ffrustrati mill-vjolenti, sfruttati mill-prepotenti u ingannati mill-għana. Meta l-inġustizzja tħassar il-qlub, il-ħobż ta’ kulħadd isir pussess tal-ftit. Quddiem dan il-ħażen, Kristu jisma’ l-karba tal-popli u jġedded l-istorja tagħna: minn kull waqgħa jerfagħna, f’kull tbatija jfarraġna, fil-missjoni jinkuraġġina. Bħall-ħobż ħaj li dejjem jagħtina, l-Ewkaristija, hekk l-istorja tiegħu ma tafx bi tmiem, u għalhekk tneħħi t-tmiem, jiġifieri l-mewt, mill-istorja tagħna, li l-Irxoxt jiftaħ bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu. Kristu jgħix! Huwa l-Feddej tagħna. Dan huwa l-Vanġelu li naqsmu flimkien, li jagħmel aħwa mill-popli kollha tal-art. Din hi t-tħabbira li tibdel id-dnub f’maħfra. Din hija l-fidi li ssalva l-ħajja!
Għalhekk, ix-xhieda tal-Għid ċertament għandha x’taqsam ma’ Kristu, il-mislub li qam, imma proprju għalhekk tolqot lilna wkoll: fih titleħħen it-tħabbira tal-qawmien tagħna. Aħna ma ġejniex fid-dinja biex immutu. Aħna ma twelidniex biex insiru lsiera la tat-taħsir tal-ġisem, lanqas ta’ dak tar-ruħ: kull għamla ta’ oppressjoni, vjolenza, sfruttament u gideb tiċħad il-qawmien ta’ Kristu, l-ogħla don tal-libertà tagħna. Fil-fatt, dan il-ħelsien mill-ħażen u mill-mewt ma jseħħx biss fl-aħħar taż-żminijiet, imma fl-istorja ta’ kuljum. Xi rridu nagħmlu biex nilqgħu dan id-don? L-istess Vanġelu jgħallimnhulna dan: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat” (Ġw 6:29). Iva, nemmnu! Illum, dan ngħiduh flimkien b’qawwa u bi gratitudni lejk, Mulej Ġesù. Irridu nimxu warajk u naqduk fil-proxxmu tagħna: il-kelma tiegħek hi għalina regola ta’ ħajja, kriterju ta’ verità.
“Hieni min jimxi fil-liġi tal-Mulej” (ara Salm 119/118:1): hekk kantajna mas-Salm. Għeżież, huwa l-Mulej li juri t-triq għal din il-mixja, mhux l-urġenzi tagħna, lanqas il-moda tal-mument. Għalhekk, fil-mixja wara l-Mulej, il-mixja ekkleżjali hi dejjem “sinodu tal-qawmien u tat-tama” (Eżortazzjoni appostolika Ecclesia in Africa, 13), kif afferma San Ġwanni Pawlu II fl-Eżortazzjoni appostolika tiegħu għall-Afrika: ejjew nimxu f’din id-direzzjoni kollha għerf! Bil-Vanġelu f’qalbkom, ħa jkollkom il-kuraġġ quddiem id-diffikultajiet u d-delużjonijiet: it-triq, li Alla fetaħ għalina, ma tiġi qatt nieqsa. Fil-fatt, il-Mulej dejjem jimxi bil-pass tagħna, biex nistgħu nimxu fit-triq tiegħu: Kristu nnifsu jagħti orjentament u qawwa lill-mixja, mixja li rridu nitgħallmu ngħixu dejjem iktar kif għandu jkun, jiġifieri sinodali.
B’mod partikulari, “il-Knisja xxandar l-Aħbar it-Tajba mhux biss permezz tal-proklamazzjoni tal-kelma li rċiviet mingħand il-Mulej, imma wkoll permezz tax-xhieda tal-ħajja, li grazzi għaliha d-dixxipli ta’ Kristu jagħtu r-raġuni tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba li hemm fihom” (ibid., 55). Meta naqsmu l-Ewkaristija, ħobż tal-ħajja ta’ dejjem, aħna msejħin naqdu l-poplu tagħna b’sens ta’ għotja li jerfa’ minn kull waqgħa, li jibni mill-ġdid meta l-vjolenza ġġarraf, u jaqsam bil-ferħ ir-rabtiet tal-aħwa. Permezz tagħna, l-intraprendenza tal-grazzja divina tagħmel frott bnin fuq kollox qalb l-għawġ ta’ min jeħodha kontrina, kif juri l-eżempju tal-ewwel martri Stiefnu (ara Atti 6:8-15).
Għeżież, ix-xhieda tal-martri u tal-qaddisin tinkuraġġina u tixprunana lejn mixja ta’ tama, ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi, li matulha d-don ta’ Alla jsir l-impenn tal-bniedem fil-familja, fil-komunità Nisranija, fis-soċjetà ċivili. Hija u timxi flimkien, fid-dawl tal-Vanġelu, il-Knisja fl-Angola tikber skont dak il-frott spiritwali li jibda mill-Ewkaristija u jibqa’ sejjer sal-kura integrali ta’ kull persuna u tal-poplu kollu. B’mod partikulari, il-vitalità tal-vokazzjonijiet li qed tesperimentaw hija sinjal tal-korrispondenza mad-don tal-Mulej, dejjem abbundanti għal min jilqgħu b’qalb safja. Grazzi għall-Ħobż tal-ħajja ġdida, li llum naqsmu, nistgħu nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tal-Knisja kollha, li għandha bħala destinazzjoni s-Saltna ta’ Alla, bħala dawl il-fidi u bħala ruħ l-imħabba.
___________________________
Ringrazzjament finali fi tmiem il-Quddiesa
Għeżież ħuti,
Illejla se jkollna l-aħħar laqgħa mal-komunità Kattolika fl-Angola, imma bħalissa nixtieq insellem lil kulħadd bi gratitudni sħiħa.
Grazzi lill-Isqfijiet li ħejjew iż-żjara tiegħi, u magħhom lill-presbiteri u d-djakni, kif ukoll lill-ikkonsagrati u l-fidili lajċi.
Nesprimi rikonoxximent ħaj lill-Awtoritajiet ċivili tal-Angola għall-impenn kbir organizzattiv tagħhom.
Angola, ibqa’ fidila lejn l-għeruq Insara tiegħek! Hekk tkun tista’ tkompli, dejjem aħjar, tagħti sehmek b’risq il-bini tal-ġustizzja u tal-paċi fl-Afrika u fid-dinja kollha. Grazzi ħafna!
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard