Diskors tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Kungress dwar Santu Wistin (1986)

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
LILL-PARTEĊUPANTI
FIL-KUNGRESS DWAR SANTU WISTIN
Castel Gandolfo
17 ta’ Settembru 1986

Distinti Professuri,

1. Tislima kordjali lilkom ilkoll li nġbartu minn diversi partijiet tad-dinja għal dan il-Kungress Internazzjonali, bl-iskop li tapprofondixxu u tillustraw l-esperjenza, il-ħsieb, il-wirt ta’ Santu Wistin fis-XVI il-ċentinarju tal- konverżjoni tiegħu. Jiena tassew kuntent li stajt niġi fostkom. Nixtieq nesprimi l-kongratulazzjoni tiegħi l-ewwelnett lill-Ordni Agostinjan ta’ din l-inizjattiva biex jinġabru tant studjużi f’din iċ-ċirkustanza straordinarja, u mbagħad lilkom ilkoll li tinsabu miġbura hawn biex twasslu l-kontribut tagħkom u l-impenn tagħkom ta’ riċerka. Smajt bi pjaċir mingħand Patri Trapè li hawn rappreżentati iktar minn mitt università; insellem kordjalment lill-professuri individwalment u, permezz tal-persuna tagħhom, insellem lill-Istituzzjonijiet universitarji li lilhom intom tappartjenu. Għalihom dan il-ħsieb ta’ mħabba u din l-espressjoni tal-istima tiegħi.  Jogħġobni wkoll il-programm vast u artikolat li għandkom.

Kien f’waqtu li tiddiskutu din it-tema tal-konverżjoni, li teżaminaw l-aspetti filjoloġiċi, storiċi, filosofiċi, teoloġiċi u spiritwali tal-produzjoni letterarja mmensa ta’ dan l-infatikabbli u sommu Duttur, u li titrattaw, imbagħad, l-influwenza minnu eżerċitata tul is-sekli fil-Knisja u fiċ-ċiviltà tal-Punent. Waqt li ffokajtu fuq il-passat, intom ipprospettajtu l-futur tal-istorja: mill-istorja għall-profezija l-pass huwa qasir.

Il-Knisja hija issa fuq l-għatba tat-tielet millennju tal-istorja tagħha. Biex timxi b’sikurezza lejn il-futur, trid iżżomm fissa l-ħarsa fuq il-passat, fuq l-eżempju u t-tagħlim tal-Missirijiet u tad-Dutturi tagħha. Fosthom, f’pożizzjoni prominenti, trid tinkludi lil Santu Wistin. Dan id-Duttur sublimi kkumpanja l-mixja tal-Knisja u taċ-ċiviltà nisranija fit-tieni millennju kollu u f’parti kbira tal-ewwel; hemm bżonn nawguraw li huwa jikkumpanjaha wkoll fit-tielet. Din hija waħda mill-intenzjonijiet tal-Ittra Apostolika riċenti tiegħi, Augustinum Hipponensem, li fiha, waqt li fakkart il-figura u l-ħsieb tal-Isqof ta’ Ippona, ħeġġiġt biex ikunu studjati l-opri, li fihom, kif jikteb l-ewwel bijografu, ħabibu Possidio, semper vivere a fidelibus invenitur[1]. Il-program tal-kungress tagħkom jissuġerixxi xi riflessonijiet li jipproġettaw il-ħsieb ta’ Wistin fil-futur, sabiex huwa jibqa għalina, kif kien fil-passat. Mgħallem kbiru, ngħiduha wkoll, il-Missier komuni taċ-ċiviltà nisranija tagħna.

Il-Konverżjoni

2. Santu Wistin kien u baqa dejjem il-konvertit il-kbir. Kbir għall-effetti tal-għaġeb li l-konverżjoni tiegħu operat f’ħajtu, għall-atteġjament kostanti ta’ rabta umli tiegħu ma’ Alla, għall-fiduċja bla limitu fil-grazzja divina. Ruħu, bħala konvertit, kienet tesprimi ruħha f’dik iċ-ċelebri talba tant drabi minnu ripetuta: Da quod iubes et iube quod vis[2]. Il-konverżjoni, skont l-Isqof ta’ Ippona, tilħaq il-profonditajiet stess tal-esseri tagħna. “Jekk il-bniedem irid ikun xi ħaġa, jikteb id-Duttur tagħna, – ut homo sit aliquid –, irid jikkonverti għal Dak li minnu kien maħluq”[3]. Huwa josserva li din il-mixja ta’ konverżjoni, li titlob l-azzjoni ta’ Alla fil-bniedem, u l-permanenza kostanti tal-bniedem f’Alla, trid tkun bla soluzzjoni ta’ kontinwità. “Irridu nkunu dejjem magħmulin Minnu, dejjem ipperfezzjonati, naderixxu miegħu u nibqgħu f’dik il-konverżjoni li twassal għandu. Infatti aħna ħolqien tiegħu mhux biss għall-fatt li aħna bnedmin, imma wkoll min-natura tal-perfezzjoni tagħna hawn fl-art, li hija dejjem limitabli u mutabli, qatt sħiħa”[4]. Għal dan, immexxi mill-fidi u mill-esperjenza, Wistin jopponi b’mod deċiż it-teżi pelaġjana tal-perfezzjoni assoluta, li tissostitwixxi dik tal-perfezzjoni dejjem tfittex li tipperfezzjona, dejjem fil-bżonn li tirrepeti id-dimitte nobis debita nostra. Anzi jikteb b’mod riżolut li l-mod perfett biex iżżomm il-perfezzjoni jikkonsisti f’li tkun taf li int imperfett[5]. Din l-idea tal-konverżjoni tkompli bħala ritorn tal-bniedem fih innifsu u għal Alla, li għaliha aħna ninħatfu mill-ħarba taż-żmien u mill-bdil bla waqfien tal-ħwejjeġ, biex niddaħlu fl-istabilità tal-eżistenza – ut  et tu sis jgħid b’mod enerġetiku id-Duttur tagħna, transcende tempus[6] – jikkostitwixxi l-messaġġ prezzjuż li Wistin, studjuż  taż-żmien daqskemm rgħib għall-eternità, jittrażmetti lill-bnedmin taż-żminijiet kollha, b’mod partikolari għalina u għall-bnedmin tat-tielet millennju.

 Għas-sevizz tal-verità

3. Ippermettuli li niġbor frott ieħor tal-konverżjoni ta’ Wistin: is-servizz li qatt ma jgħejja, umli u totali għall-verità, li huwa kien iħobb b’mod appassjonat: kien iqisha d-dawl tal-menti, il-ġid suprem tal-bniedem, is-sors tal-libertà. Mhemmx bżonn li nikkwotaw bosta testi agostinjani. Jikteb: “Moħħna, li huwa l-għajn tar-ruħ, jekk ma jkunx imdawwal mid-dawl tal-verità u ma jiġix meravilment iċċarat minn Dak li jdawwal bla ma jkollu jkun imdawwal, ma jistà jilħaq la l-għerf u linqas il-ġustizzja.”[7]. Issa l-għerf mhu xejn għajr il-verità li fiha wieħed iħoss u jippossiedi l-ogħla ġid.[8]. Fis-sentiment u fil-pussess ta’ din il-verità tikkonsisti l-libertà tagħna, ladarba l-bniedem ma jistà jgawdi  ebda ħaġa bil-libertà jekk ma jgawdihiex b’sikurezza[9]. Is-Saltna ta’ Alla hija dik, b’definizzjoni, li fiha tittrijonfa l-verità: in quo victoria veritas[10] jew biex nuża espressjoni ċelebri oħra agostinjana: li tagħha sultana hija l-verità, liġi il-karità, miżura l-eternità[11]. Imma f’Wistin l-imħabba ssir servizz, li jimplika ndaġni kontinwa, skrutinju profond, kontemplazzjoni kostanti. Mill-konverżjoni ‘l hemm ma stenniex għajr dan: japprofondixxi, jifrex, jiddefendi l-verità. Min irid, jistà jaqsam l-opri bla numru tiegħu fi tliet gruppi skont ma jiddomina fihom l-waħda jew l-oħra minn dawn l-intenzjonijiet. Bosta nfatti huma ddestinati li jwieġbu għal mistoqsijiet li l-moħħ għoli tiegħu kien jagħmel jew li kienu proposti lilu minn oħrajn, u allura destinati li japprofondixxu l-verità. Fost dawn irridu nfakkru fl-ewwel post l-opra kbira dwar it-Trinità, profonda għall-ispekulazjoni filosofika, tejoloġika u mistika. Oħrajn huma ddestinati biex jikkomunikaw il-verità lill-fidili jew lill-katekumeni, bħad-diskorsi, li huma bil-kbir ħafna. Fl-aħħarnett hemm ħafna opri polemiċi li Wistin kiteb biex jikxef l-iżbalji mifruxa fost il-fidili jew biex isostni l-verità kattolika. Huwa kien kontroversjalista qawwi, indifiż, kapaċissmu, imma f’qalbu kien iġorr dejjem l-imħabba, imħabba kbira għal dawk li jiżbaljaw. Non vincit, diceva, nisi veritas. Mhux mela l-bniedem fuq il-bniedem, imma l-verità fuq l-iżbal; kien iżda jżid minnufih: victoria veritatis est caritas[12]. Dwar id-donatisti, li kienu avversarji feroċi li saħansitra kienu jistaduh biex joqtluh, kien jgħid lill-fidili kattoliċi: Diligamus illos et nolentes[13]. Għalhekk huwa ried li għal kwistjonijiet li jirrigwardaw il-fidi jibqgħu magħqudin fil-Knisja u fiha kienu jiddiskutu wkoll il-veritajiet li għadhom ma ġewx murija: Kienu jiddiskutu bla duħħan ta’ kburija, bla ras iebsa ta’arroganza, bla spirtu ta’ kontradizzjoni jew għira, imma – jkompli – cum sancta humilitate, cum pace catholica, cum caritate christiana[14].

Konċett tal-bniedem

4. F’din il-linja ta’ servizz umli u qalbieni għall-verità, l-Isqof ta’ Ippona qeda lill-bniedem, qeda l-kobor tiegħu sublimi, in-natura tiegħu awtentika, id-destini eterni tiegħu. Huwa sab ruħu jgħix fi żmien li fih il-konċett tal-bniedem kien qed jiġi mgħawweġ b’mod gravi minn bosta ħassieba, inklużi dawk neoplatoniċi li kienu jirrapreżentaw il-filosofija dominanti taż-żmien. Minn uħud minn dawn, qiegħed naħseb dwar il-Manikej, Wistin kien ħalla lilu nnifsu jiġi nfluwenzat. Meħlus minn dan, immudella l-kunċett tal-bniedem li jinsab fil-bażi tal-kultura l-ġdida, dik nisraija, li huwa kkontribwixxa b’mod impareġġabli biex juri u biex jipperfezzjona. Tal-bniedem iddifenda t-tjubija sustanzjali kontra l-Manikej; l-għaqda profonda bejn ir-ruħ u l-ġisem, kontra l-platoniċi[15]; l-interjorità bħala l-punt tiegħu fokali, ladarba fl-intimu tal-bniedem tgħammar il-verità[16] u jilqà, minquxa fin-natura mmortali tal-ispirtu, ix-xbiha ta’ Alla [17]; l-oriġinalità fir-rigward tal-univers materjali, li fih xejn mhu ogħla, xejn mhu eqreb  ta’ Alla[18]; il-libertà, li tirrendih dehen ta’ mertu jew dimertu[19]; il-beatitudni, li ma tistax tkun vera  jekk ma tinnotax li hija eterna[20]; il-bżonn kostituzzjonali li tasal għand Alla, li waħdu jikkostitwixxi il-mistrieħ tagħna[21]. Imma minkejja l-intenzjoni li jiskrutinizza l-kobor  tal-bniedem, Wistin ma nesiex il-kondizzjoni terrena, il-miżerji, il-ħażin, speċjalment il-mortalità, id-debbolezza morali, il-ġlieda bejn il-ġisem u l-ispirtu. Minħabba din il-kondizzjoni l-bniedem isir problema kbira, problema imħabbla mar-raġuni, enigma. L-Isqof ta’ Ippona studjaha fil-fond u sab is-soluzzjoni f’isem wieħed biss: Kristu. Il-konklużjoni tal-antropoloġija tagħha, hekk vasta u profonda, tistà tkun dik li ġejja: bħalma wieħed ma jifhimx in-natura tal-bniedem mingħajr ir-riferenza għal Alla, li huwa l-tspjegazzjoni, hekk ma jifhimx il-kondizzjoni tal-fatt f’din id-dinja mingħajr ma jirrikorri għal Kristu li huwa l-ħelsien u s-salvazzjoni.

Is-sens tal-istorja

5. Ippermettuli ħsieb qasir ieħor. Wistin kellu profond is-sens tal-istorja. Hija monument l-opra immortali tal-Belt ta’ Alla. F’dan il-kapulavur infatti d-duttrina tiġi esposta fl-ark tal-istorja li jmur mill-ħolqien sat-tmiem eskatoloġiku tiegħu. Id-duttrina Agostinjana, li tinkarna ruħha, biex ngħidu hekk, fid-dinamiżmu storiku tal-umanità fil-mixja lejn is-salvazzjoni, hija hawn dominata minn tliet ideat kbar: il-Providenzċ, il-ġustizzja,  ipprintjata bħala ideal minn Alla fil-qalb tal-bniedem[22], trid tibqa bħala sies ta’ kull saltna umana – huma tagħha dawn l-espressjonijiet qawwija: Remota iustitia, quid sunt  regna, nisi magna latrocinia?[23] – u jinsabu  fil-bażi ta’ kull liġi vera – huma tagħha ugwalment dawn il-kliem oħrajn xejn inqas qawwija: Mihi lex esse non videtur quae iusta non fuerit[24] -. Bil-ġustizzja tqum il-paċi: paċi terrena li l-Istat għandu jippromwovi u jiddefendi, possibilment, permezz tal-paċi, mhux permezz tal-gwerra: Pacem pace non bello; u l-paċi ċelesti, li hija propja tal-Belt ta’ Alla, jiġifieri “il-maqbula totalment u l-ordinatissma soċjetà ta’ dawk li jgawdu minn Alla u lil xulxin f’Alla.”[25].

Mgħallem impareġġjabli ta’ ħajja spiritwali

6. Irrid nikkonkludi billi nfakkar il-kliem tal-meqjum predeċessur tiegħi Pawlu VI, li kien ammiratur kbir tal-Isqof ta’ Nippona: “Wistin, kien jgħid, huwa surmast impareġġabli ta’ ħajja spiritwali”[26]. Kellu raġun. Fir-realtà huwa kien ukoll mistiku kbir u surmast ta’ spiritwalità. Biex nikkonvinċu ruħna biżżejjed naqraw xi paġni tal-Konfessjoni, b’mod speċjali dawk li jitkellmu dwar l-axxensjoni spiritwali u tal-kontemplazzjoni[27]. Huwa stabilixxa dawn l-axxensjonijiet fuq id- delectatio veritatis[28], espressjoni feliċi li tindika fl-istess ħin ż-żewġ qawwiet kbar tal-ispirtu: verità u mħabba; żewġ qawwiet li huma radikati b’mod profond fir-ruħ umana u li l-Ispirtu Santu jqanqal fina billi jifrex fil-qlub l-imħabba[29]. Dwar din l-imħabba li l-Ispirtu Santu jifrex fil-qlub Wistin  jenfasizza d-dinamiżmu insuperabli, ir-radikalità intransiġenti, id-diżinteress totali, iż-żelu progressiv, is-sies fl-umiltà, l-ikel (it-tmigħ) fil-grazzja. Dwar l-azzjoni tal-Ispirtu Santu fil-Knisja spjegajt fit-tul fl-enċiklika riċenti tiegħi Dominum et vivificantem. Li nsegwu lis-Surmast Ipponensi fit-toroq tal-ispirtu, jibbenefika lil kulħadd. Dan nirrakkomandah b’mod partikolari lill-Familji li jispiraw ruħhom minnu, jiġifieri l-Agostinjani irġiel u l-Agostinjani nisa, speċjalment lill-komunitajiet iddedikati għall-kontemplazzjoni: dawn jiksbu vantaġġi inkalkolabli għalihom u għall-Knisja!  Hawn huma xi ħsibijiet miġbura mill-panorama mmensa tat-tagħlim Agostinjan; dawn iridu juru l-istima tiegħi għall-istudji tagħkom u jikkonfermawkom fihom, sabiex il-maġisteru Agostinjan ikompli, ukoll bl-opra tagħkom, fil-futur, u bl-awgurju ta’ dan fuq kulħadd insejjaħ l-assistenza kostanti tal-Mulej, waqt li minn qalbi imberikkom.

Miġjuba għall-Malti minn Emanuel Zarb


Not1

(1) – Possidio, Vita S. Augustini 31, 8

(2) – Confessioni 10, 29, 40

(3) – Enarr. in Ps 70, s. 2, 6

(4) – De Gen ad litt. 8, 12, 27

(5) – De perf. iust. hom. 8, 19

(6) – In Io Ev. tr. 38, 10

(7) – In Io Ev. tr. 35, 3

(8) – De libero arbitrio 2, 9, 26

(9) – De libero arbitrio 1, 14, 37

(10) – De civ. Dei 2, 29, 21

(11) – Epistola 138, 3, 17

(12) – Sermo 358, 11

(13) – Enarr. in Ps 32, 11, s. 2, 28

(14) – De baptismo 2, 3, 4

(15) – De Trinitate 15, 7, 11; De Gen. ad litt. 12, 3 5, 68

(16) – De vera religione 39, 72

(17) – De Trinitate 14, 4, 6; In Io ep. tr. 8, 6

(18) – In Io Ev. tr. 23, 6; De div. qq. 83, q. 51, 2

(19) – De duabus anim. 11, 15; De civ. Dei 5, 10, 2; Opus imp. c. Iul. 5, 58

(20) – De Trinitate 13, 8, 11; De civitate Dei 11, 11; 12, 20, 2; 14, 25

(21) – Confessioni 1, 1, 1; De civitate Dei 12, 13

(22) – De Trinitate 14, 15, 21

(23) – De civitate Dei 4, 4

(24) – De libero arbitrio 1, 5, 11

(25) – De civitate Dei 19, 13

(26) – Udienza del 14 dicembre 1966

(27) – Confessioni 7, 17, 23; 9, 10, 23-25; 10, 40, 65

(28) – De civitate Dei 19, 13

(29) – Rom 5, 5


L-istess diskors tal-Papa Ġwanni Pawlu II bit-Taljan …

Aktar dwar Santu Wistin …

Aktar mill-Papa San Ġwanni Pawlu II u dwaru …

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading