VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, IL-KAMERUN, L-ANGOLA U L-GUINEA EKWATORJALI
(13-23 TA’ APRIL 2026)
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Bażilika Katidral tal-Immakulata Kunċizzjoni (Mongomo)
L-Erbgħa 22 ta’ April 2026
Tislima u barka qabel il-Quddiesa f’Mongomo
L-għodwa t-tajba! Tislima mill-qalb lilkom ilkoll! Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom: kemm hu sabiħ li ninsabu lkoll miġburin biex infaħħru lill-Mulej, irroddulu ħajr tad-doni tiegħu, nirċievu l-barka tiegħu!
Dan huwa jum imbierek mill-Mulej. Issa, f’dan il-mument, fil-preżenza tagħkom ilkoll, irridu nitolbu l-barka fuq kull wieħed u waħda minnkom u fuq il-familji tagħkom: dan se nagħmluh matul iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Imma f’dan il-mument irridu nitolbu l-barka tal-Mulej fuq din l-ewwel ġebla, li nġabet hawn, u sa tintuża biex tibda l-bini tal-futur katidral jew knisja tal-Belt tal-Paċi.
Irridu nġeddu l-fidi tagħna, irridu nġeddu l-impenn tagħna li nimxu wara Ġesù Kristu, b’fedeltà, fil-Knisja tiegħu, fil-Knisja Kattolika, nibqgħu lkoll miġbura flimkien dejjem fil-Knisja Kattolika!
U issa nitolbu l-barka tal-Mulej.
Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Amen.
Sawwab, Mulej, il-barka tiegħek fuq il-poplu tiegħek kollu, illum b’mod partikulari fuq din il-ġebla li tirrappreżenta l-qawwa tal-fidi, il-qawwa li tgħaqqadna, il-qawwa li tagħmel minna aħwa f’Ġesù Kristu, ulied l-uniku Alla.
Iberikkom Alla f’dan il-jum, ibierek din il-ġebla, jgħin lilna nibqgħu dejjem magħqudin fl-imħabba tal-Mulej, Dak li ħalaqna, Dak li għamilna wliedu, Dak li jseħibna dejjem.
U l-barka ta’ Alla li jista’ kollox, il-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu tinżel għal dejjem fuq din il-ġebla u fuqkom ilkoll.
________________________
Għeżież ħuti,
F’din il-bażilika Katidral mill-isbaħ, iddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni, Omm il-Verb inkarnat u Patruna tal-Guinea Ekwatorjali, ninsabu miġburin biex nisimgħu l-Kelma tal-Mulej u niċċelebraw it-Tifkira li hu ħallielna bħala quċċata u għajn tal-ħajja u tal-missjoni tal-Knisja. L-Ewkaristija tiġbor tassew il-ġid spiritwali kollu tal-Knisja: huwa Kristu l-Għid tagħna li jingħata għalina, huwa l-Ħobż li jrejjaqna, huwa l-preżenza li turina l-imħabba bla tarf ta’ Alla għall-familja kollha tal-bnedmin u l-miġja tiegħu biex jiltaqa’ ma’ kull bniedem anki llum.
Ninsab kuntent li nista’ niċċelebra flimkien magħkom, u rroddu ħajr lill-Mulej għall-170 sena ta’ evanġelizzazzjoni f’dawn l-artijiet tal-Guinea Ekwatorjali. Hija okkażjoni tajba biex infakkru l-ġid kollu li l-Mulej għamel u, fl-istess waqt, nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi għal tant missjunarji, saċerdoti djoċesani, katekisti u fidili lajċi li qattgħu ħajjithom għall-qadi tal-Vanġelu.
Huma laqgħu x-xewqat, it-talbiet u l-ġrieħi tal-poplu tagħkom, dawluhom bil-Kelma tal-Mulej u saru sinjal tal-imħabba ta’ Alla f’nofskom; bix-xhieda ta’ ħajjithom, ikkollaboraw fil-miġja tas-Saltna ta’ Alla, bla ma beżgħu jbatu minħabba l-fedeltà tagħhom għal Kristu.
Hija storja li ma tistgħux tinsew, li minn naħa torbotkom mal-Knisja Appostolika u universali li ġiet qabilkom u, mill-oħra, seħbitkom biex issiru intom stess il-protagonisti tat-tħabbira tal-Vanġelu u tax-xhieda tal-fidi, u hekk twettqu dawk il-kelmiet profetiċi mlissna fl-art Afrikana mill-Papa San Pawlu VI: “Afrikani, minn issa ’l quddiem, intom il-missjunarji tagħkom infuskom stess. Il-Knisja ta’ Kristu hi tabilħaqq miżrugħa f’din l-art imbierka” (Omelija fl-għeluq tas-Simposju tal-Isqfijiet fl-Afrika, Kampala, l-Uganda, 31 ta’ Lulju 1969).
F’din il-perspettiva, intom imsejħin tkomplu llum fit-triq li fasslu l-missjunarji, ir-ragħajja u l-lajċi li ġew qabilkom. Minn kulħadd u minn kull persuna hu mitlub impenn personali li jinvolvi l-ħajja kollha kemm hi, biex il-fidi, iċċelebrata b’mod hekk festuż fil-komunitajiet tagħkom u fl-liturġiji tagħkom, titma’ l-ħidmiet karitattivi tagħkom u r-responsabbiltà fil-konfront tal-proxxmu, għat-tisdiq tal-ġid ta’ kulħadd.
Dan l-impenn jitlob perseveranza, jiswa taħbit, xi drabi sagrifiċċju, imma hu s-sinjal li aħna tassew il-Knisja ta’ Kristu. Fil-fatt, l-Ewwel Qari li smajna jirrakkontalna fi ftit versi kif Knisja li tħabbar bil-ferħ u bla biża’ l-Vanġelu hi wkoll Knisja li, proprju għalhekk, tista’ tkun ippersegwitata (ara Atti 8:1-8). Imma min-naħa l-oħra, il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jgħidilna li, waqt li l-Insara kellhom jaħarbu u jixterdu, ħafna qorbu lejn il-Kelma tal-Mulej u setgħu jaraw b’għajnejhom stess il-morda fil-ġisem u fl-ispirtu jiġu mfejqa: huma s-sinjali tal-għaġeb tal-preżenza ta’ Alla, li jnisslu ferħ kbir fil-belt kollha (ara vv. 6-8).
Hekk, ħuti, anki jekk mhux dejjem is-sitwazzjonijiet personali, familjari u soċjali li ngħixu huma favorevoli, nistgħu nafdaw fl-opra tal-Mulej, li jwarrad iż-żerriegħa t-tajba tas-Saltna tiegħu f’toroq li aħna ma nafux, anki meta jidher li kollox madwarna huwa niexef, u saħansitra fil-mumenti ta’ dalma. B’din il-fiduċja, b’għeruqha iżjed fil-qawwa tal-imħabba tiegħu milli fil-merti tagħna, aħna msejħin nibqgħu fidili għall-Vanġelu, inħabbruh, ngħixuh fil-milja u nagħtu xhieda tiegħu bil-ferħ. Alla mhux sa jħallina neqsin mis-sinjali tal-preżenza tiegħu u, għal darb’oħra, kif qalilna Ġesù fil-Vanġelu li għadna kemm smajna, ikun għalina “ħobż tal-ħajja”, li jaqta’ l-ġuħ tagħna (ara Ġw 6:35).
X’ġuħ hu dak li nħossu? U għal xiex għandu ġuħ illum dan il-pajjiż? Il-motto għaż-żjara tiegħi hu “Kristu, dawl tal-Guinea Ekwatorjali lejn ġejjieni ta’ tama”, u forsi proprju dan illum hu l-akbar ġuħ: hemm ġuħ għall-futur, imma għal futur li jkun mimli bit-tama, li jista’ jġib ġustizzja ġdida, li jista’ jġib frott ta’ paċi u ta’ fraternità. U mhuwiex futur li ma nafuhx, li rridu nistennewh b’mod passiv, imma hu ġejjieni li proprju aħna, bil-grazzja ta’ Alla, aħna msejħin nibnu. Il-futur tal-Guinea jgħaddi mill-għażliet tagħkom; hu fdat f’idejn is-sens tagħkom ta’ responsabbiltà u l-impenn biex flimkien tħarsu l-ħajja u d-dinjità ta’ kull persuna.
Għalhekk, hemm bżonn li l-imgħammdin kollha jħossuhom involuti fl-opra ta’ evanġelizzazzjoni, isiru appostli ta’ karità u xhieda ta’ umanità ġdida.
Dan jitlob li nieħdu sehem, bid-dawl u l-qawwa tal-Vanġelu, fl-iżvilupp integrali ta’ din l-art, fit-tiġdid tagħha, fil-bidla tagħha. Ħafna hu l-għana naturali li għaniekom bih il-Ħallieq: nitlobkom tikkoperaw biex dan jista’ jkunu barka għal kulħadd. Il-Mulej jgħinkom issiru dejjem iżjed soċjetà fejn kulħadd, skont id-diversi responsabbiltajiet, jaħdem għas-servizz tal-ġid komuni u mhux tal-interessi partikulari, u jegħleb id-diżugwaljanzi inġusti bejn ipprivileġġjati u żvantaġġati. Ħa jikbru spazji ta’ libertà, ħa tkun dejjem imħarsa d-dinjità tal-persuna umana: qed naħseb f’dawk l-aktar foqra, fil-familji f’diffikultà; qed naħseb fil-ħabsin, li spiss ikollhom jgħixu f’kundizzjonijiet iġeniċi u sanitarji preokkupanti.
Ħuti, hemm bżonn ta’ Nsara li jieħdu f’idejhom id-destin tal-Guinea Ekwatorjali. Għalhekk nixtieq ninkuraġġikom: la tibżgħux tħabbru u tagħtu xhieda tal-Vanġelu! Kunu intom il-bennejja ta’ futur ta’ tama, ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni, waqt li tkomplu l-opra li l-missjunarji bdew 170 sena ilu.
Isseħibkom f’din il-mixja l-Verġni Marija Immakulata. Tidħol għalikom u tagħmilkom dixxipli ġenerużi u hienja ta’ Kristu.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard