Adorazzjoni għar-4 Ħadd tal-Għid. Sena A

Nadurak, o Ġesù, li tgħammar fis-Santissmu Sagrament, mimli ħniena u mogħdrija infinità. Nadurak o Sinjur, għax Int ġejt fid-dinja mhux għall-ġusti iżda għall-midinbin. Dawk li huma b’saħħithom, m’għandhomx bżonn tabib, iżda l-morda jeħtieġhu it-tabib. Għalhekk o Ġesù, jiena nafda fik! Mexxi Int!                  (5 sek pawsa)

O Ġesù, preżenti fis-Sagrament tall-imħabba, aħna nadurawk, u nerfgħu lejk it-talb umli tagħna. (3 sek pawsa) Mulej ikollok ħniena mill-poplu tiegħek; anke llum ħafna bnedmin huma mitlufa… bħal nagħaġ mingħajr ragħaj; anke llum il-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema huma ftit.

Nitolbuk, Mulej, ibgħat ħaddiema fil-għalqa tiegħek…. ibgħat ħafna ħabbara li jxandru l-bxara t-tajba tas-salvazzjoni u b’hekk ikomplu l-Opra Tiegħek tas-salvazzjoni.        

Silenzju biss                   1 min

Iżra’ fil-qlub ta’ tant żgħażagħ ix-xewqa li jiddedikaw ħajjithom kollha kemm hi għalik u għas-salvazzjoni ta’ ħuthom il-bnedmin…. Dawwal lil moħħhom…. biex jagħrfu kemm hi grazzja kbira, l-grazzja tas-sejħa li Inti tagħmlilhom. (3 sek pawsa) Saħħaħ il-volontà tagħhom biex ma jibżgħux quddiem is-sagrifiċċju… u ma jiġux imqarrqa mit-tlellix tad-dinja. (3 sek pawsa)

Uri lill-ġenituri tagħhom kemm hija grazzja kbira għalihom stess li joffru lilek lil uliedhom. (3 sek pawsa) Agħti lill-għalliema taż-żgħażagħ id-dawl meħtieġ sabiex jikkoltivaw fil-qlub taż-żgħażagħ, iż-żerriegħa tal-Vokazzjoni Saċerdotali jew ta’ Ħajja Reliġjuża.

Silenzju       3min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann                                            Ġw 10:1-10

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.

Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.

Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha. Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej    

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Ġesù jiddeskirivi lilu nnifsu bħala l-bieb tan-nagħaġ. Issa l-bieb tan-nagħaġ, ġeneralment nimmaġinawh magħmul minn xi biċċiet tal-injam qodma, jew xi biċċiet taż-żingu marbut b’xi ħabel. Tgħid, Ġesù tilef rasu b’dan is-simboliżmu li japplika għalih?    (5 sek pawsa)

Xejn minn dan! Imma fiż-żmien Ġesù, ħafna drabi, filgħaxija r-ragħaj kien idaħħal lin-nagħaġ f’maqjel fix-xagħri, fejn hu stess kien joqgħod fil-bieb biex jagħlaq l-entratura, biex la joħorġu n-nagħaġ, u lanqas xi annimal selvaġġ ma jidħol, biex jisraq jew jeqred il-merħla. Ir-ragħaj kien jissogra ħajtu biex jiddefendi n-nagħaġ tiegħu.

Ġesù hu li jindokra n-nagħaġ, li jieħu ħsieb dawk li huma tiegħu. Fis-siegħa tiegħu, huwa ta ħajtu għalihom. Huwa r-Ragħaj it-Tajjeb, li jpoġġi lilu nnifsu f’linja perfetta mar-rieda ta’ Alla. Ragħaj tajjeb, għax fl-aħħar mill-aħħar, jingħata għal kulħadd.   (5 sek pawsa)

Imma Ġesù bħala l-bieb tan-nagħaġ, tingħata wkoll it-tifsira ta’ wieħed mill-bibien tat-Tempju ta’ Ġerusalemm, li kien jissejjaħ il-bieb tan-nagħaġ, bieb li tgħaddi minnhu biex tidħol fit-Tempju, u tingħaqad ma’ Alla fit-talb u l-qima. Għalhekk Ġesù, wkoll isejjaħ lilu nnifsu l-bieb tan-nagħaġ, għax permezz tiegħu biss, nistgħu ningħaqdu ma’ Alla, biex permezz tiegħu jkollna l-ħajja, u l-ħajja bil-kotra.

Silenzju                3 min

Ġesù ma kienx xi ċarlatan, li jsaħħar in-nies warajh, bi kliem vojt u wegħdiet vojta, bħalma dejjem kellha d-dinja tagħna. M’huwiex ħalliel li jisraq, għax ma jidħolx fil-maqjel, mill-bieb tan-nagħaġ. (5 sek pawsa)

Bħalma tifel jew tifla ċkejkna jagħrfu l-leħen u l-preżenza tal-omm u tal-missier, hekk ukoll in-nagħaġ jagħrfu l-leħen ir-ragħaj, u jħossu l-preżenza tiegħu. Huwa jsejjaħ lin-nagħaġ tiegħu, waħda waħda, u joħroġhom barra. Ir-ragħaj jgħix man-nagħaġ lejl u nhar.

Hu jsejħilhom, ikellimhom, iħarishom, u jwassalhom lejn il-mergħat. Jekk barrani jsejħilhom, huma ma jisimgħux minn leħnu, għax mhux leħen familjari, m’huwiex ir-ragħaj. Ejjew nitolbu l-grazzja, li aħna dejjem nisimgħu l-leħen tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-leħen ta’ Ġesù, l-Kelma tiegħu; biex nimxu warajh, u nidħlu mill-bieb tan-nagħaġ.

Missier iftħilna l-bieb tan-nagħaġ.

Silenzju                3 min          Innu: ____________

Salm Responsorjali    (Salm 23)

Il-figura tar-Ragħaj it-Tajjeb, nifhmuha faċilment, speċjalment jekk inżommu quddiem għajnejna, s-Salm 23, li min jaf kemm-il darba smajnih, tlabnih u lissinih: Flimkien ngħidu:

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. R/.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. R/.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
l-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Skiet

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading