Riflessjoni fuq t-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija

Minn Angelo Xuereb

Il-festa tat-Tlugħ tal-Verġni Marija fis-Sema turina verità ċentrali fir-reliġjon nisranija jiġifieri l-qawmien mill-imwiet.

1• Il-Qawmien mill-imwiet

Alla ħalaqna ġisem u ruħ li huma magħqudin ma’ xulxin. Issa mal-mewt il-ġisem u r-ruħ jinfirdu. Ir-ruħ ma tmutx iżda l-ġisem jara l-taħsir. Il-qawmien mill-imwiet jfisser li l-ġisem  tagħna jqum b’mod glorjuż.

San Pawl jittratta l-qawmien mill-imwiet fil-kapitlu 15 tal-ewwel ittra lill-Korintin. Dan l-Appostlu tal-ġnus jibbaża l-verità tal-qawmien mill-imwiet  fuq il-qawmien ta’ Kristu. Jgħidilna: “Għax jekk il-mejtin ma jqumux anqas Kristu ma qam; u jekk Kristu ma qamx fiergħa hi l-fidi tagħkom; għadkom fi dnubietkom” (1 Kor 15, 17). Jgħidilna wkoll: “Imma le;  Kristu qam minn bejn l-imwiet, l-ewwel fost il-mejtin. Għax bi bniedem ġiet il-mewt u bi bniedem il-qawma tal-imwiet. Għax bħalma kulħadd imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd jerġa’ jieħu l-ħajja fi Kristu” (1 Kor 15, 20-22).

B’dan il-mod l-Iskrittura qiegħda tgħidilna żewġ ħwejjeġ marbuta ma’ xulxin jiġfieri li ġaladarba Kristu qam mill-mewt hemm qawmien mill-imwiet.

2• Il-Verġni Marija ssieħbet ma’ Kristu

Ħadd daqs il-Verġni Marija ma kien qrib daqshekk tiegħu. Kien bl-“Iva” tagħha li l-Ispirtu s-Santu nissel lil Sidna Ġesù f’ġufha. Tatu t-twelid f’Betlem, rabbietu u għalih għamlet sagrifiċċji mill-aktar kbar.

Fuq kollox il-Verġni Marija li kienet tgawdi l-grazzja singulari tat-tnissil mingħajr tebgħa tad-dnub għexet ħajja umli, mill-aktar ordinarja u moħbija nill-popolarità ta’ dak iż-żmien.

Marija emmnet f’Sidna Ġesù Kristu b’mod tal-għaġeb li segwitu saħansitra taħt is-salib. Naqraw fl-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Kien hemm ħdejn is-salib ta’ Ġesù u oħt ommu, Marija, mart Klopa u Marija l-Madaliena” (19, 25).

Sant’Injazju fl-Eżerċizzji Spiritwali tiegħu jgħidilna li Sidna Ġesù wara li qam mill-imwiet deher l-ewwel lil ommu Marija. Kien jixraq li Marija kellha tiġi premjata talli emmnet li Sidna Ġesù Kristu kellu jqum. Għalhekk il-jum tas-Sibt huwa dedikat lilha għax huwa l-jum ta’ qabel il-qawmien mill-imwiet.

Ta’ min jinnota li nistgħu li Kristu ġie mqajjem mill-Missier Etern kif ukoll qam bis-saħħa tiegħu nnifsu peress li huwa l-Iben ta’ Alla u għalhekk daqshekk il-Missier u l-Ispirtu s-Santu. Iżda Marija ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem mill-anġli. Dan kien it-tielet privileġġ marbut ma’ Kristu: it-tnejn l-oħra kienu t-Tnissil Immakulat u l-maternità divina.

Il-Liturġija ta’ din il-festa hija waħda ferreħija filwaqt li tikkontempla lill-Verġni Marija fil-glorja tas-Sema. Fil-lezzjoni qasira tat-Tifħir ta’ Sbiħ il-jum fil-Liturġija tas-Sigħat ta’ din il-festa hija kwotazzjoni ta’ ferħ meħuda mill-profeta Isaija u mpoġġija fuq ix-xufftejn ta’ Marija;  “Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi, għax hu libbisni is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarusa tlellex bil-gawhar tagħha” (61,10) L-antifona tal-Kantiku ta’ Zakkarijia tat-Tifħir ta’ Sbieħ il-jum jgħidilna: “Kollha ġmiel u sbuħija l-Verġni bint Ġerusalem, tielgħa glorjuża qisha x-xemx taż-żerniq”

3• Inħarsu lejn l-Assunta fil-glorja

L-aktar ħaġa li niddejqu naħsbu fuqna hija l-mewt. Iżda għadna nagħmlu l-qalb. Niftakru li min jgħix bi: “Kristu, fi Kristu u ma Kristu” jgħix fit-tama tal-qawmien mill-imwiet. Nistgħu ngħidu ma’ San Pawl b’silta li tinqara fit-tieni lezzjoni ta’ din il-festa: “Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek” (1 Kor 15, 55).

Dan bl-ebda mod ma għandu jkun xi motiv li nitilfu l-interess f’din id-dinja. Aħna rridu ngħixu sewwau nagħmlu d-dmirijiet tagħna kull fejn inkunu. Anki ħwejjeġ purament materjali li huma tajba jekk isiru bi spirtu ta’ fidi jħallu ġid kbir. San Pawl stess jgħidilna: “Mela sewwa jekk tieklu, sewwa jekk tixorbu, sewwa jekk tagħmlu xi ħaġa oħra,  agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla” (1 Kor 10, 31). Il-ħasra hija jekk il-ħarsa tagħna tieqaf fuq din id-dinja biss; u nitilfu l-interess fil-ħwejjeġ ta’ Alla filwaqt li ma nibqgħux ninteresaw irwieħna fil-ħwejjeġ tas-sema.

F’din il-festa tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija għandna għax nifirħu bil-privileġġ li ngħatalha. Għandna nagħmlu ukoll proponiment li nikkontemplawha fil-glorja. Dan jagħmilna kuraġġ fil-maltemp ta’ din id-dinja kemm materjali u spiritwali.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading