“JITQADDES ISMEK” – mill-ktieb “IL-MISSIERNA” (3)

Ħsieb fuq tagħlim ta’ San Ġorġ Preca. Kitba ta’ Joe Galea

F’dan l-artiklu nkomplu nieħdu tagħlim minn San Ġorġ Preca dwar it-tielet talba tal-Missierna, “Ikun li trid int”, mill-ktieb ta’ San Ġorġ Preca, “IL-MISSIERNA”.

Virtù li hi meħtieġa biex insegwu l-volontà t’Alla hi meta, jgħid San Ġorġ Preca, “f’kollox nimxu bl-ubbidjenza.” Għal dan neħtieġu l-umiltà, għax l-umiltà u l-ubbidjenza huma żewġ virtujiet li joqogħdu flimkien. “Ħadd m’hu umli”, jgħid San Ġorġ Preca, “ħlief min jobdi mhux biss fejn jaqbillu iżda wkoll fejn ma jaqbillux, basta dejjem skond ir-raġuni”. M’għandhiex tkun ubbidjenza għamja, għax mhix virtù li  tobdi meta taf li se ssir ħsara.

Biex nagħmlu dak li jrid Alla, “irridu niċċaħħdu minn kull ħaġa li tbiegħdna minn Alla”, tkun liema tkun, żgħira jew kbira. Meta l-qalb tkun marbuta ma’ xi kreatura, ma’ oġġett, ma’ opinjoni, tista’ tirreżisti għal-liġi ta’ Alla li aħna obbligati nobdu.

Ħaġa oħra biex nagħmlu dak li Alla jrid hu “li nagħarfu x’inhi l-vokazzjoni tagħna.

Mhux biss, imma li nibqgħu fidili fil-vokazzjoni tagħna”. Tista’ tkun vokazzjoni reliġjuża, vokazzjoni ta’ miżżewġin u kull sitwazzjoni oħra. San Ġorġ Preca jgħid li: “Is-salvazzjoni tar-ruħ tiddependi wisq mill-vokazzjoni”. Mela “min jiżbalja fuq il-vokazzjoni li msejjaħ għaliha ma jkunx jista’ jaqdi ’l Alla”, għax dik hi l-vokazzjoni proprja tiegħu. Alla għalhekk sejjaħlu. Nistgħu inżidu li s-salvazzjoni tiddependi wkoll mill-vokazzjoni ta’ ħaddieħor li aħna responsabbli għalih jew għaliha. Aħna rridu ngħinu lill-oħrajn fil-vokazzjoni tagħhom.

Kif tintgħaraf il-vokazzjoni tagħna? “Tintgħaraf permezz tat-talb, tintagħraf mill-mezzi li qed nużaw biex naslu ħalli naqdu l-vokazzjoni tagħna, u mill-pariri tal-għaqlin u tal-ħbieb veri tagħna, li jridulna l-ġid, bħad-direttur spiritwali jew il-konfessur. Ma jkunx qed jagħmel ir-rieda t’Alla min, għax irid, jew għax għax ma jħabrikx, jew bi traskuraġni, ma jtemmx il-vokazzjoni tiegħu”. Ikun żbalja l-vokazzjoni tiegħu.

Biex nagħmlu dak li Alla jrid minna mhemmx affarijiet kbar. Semmejna lil Santa Tereża ta’ Lisieux. Kitbet hekk fil-manuskritt Storja ta’ Ruħ: “Alla ħalaq il-qaddisin il-kbar, imma ħalaq ukoll iż-żgħar u jħares lejn kulħadd bl-imħabba. Ħajjitna għandha tkun sforz kontinwu biex nagħmlu l-volontà tiegħu u nkunu dak li jridna nkunu.” (minn Storja ta’ Ruħ, manuskritt A.) Kienet tgħid ukoll:  “Dak li Alla jistenna minna hu li qabelxejn nagħrfu li aħna maħbubin minnu u li ninħabbu miegħu mingħajr kundizzjoni. Alla jħobbna, nagħmlu x’nagħmlu. Ikun dejjem qabilna bl-imħabba tiegħu.”

Biex ma mmorrux ‘il bogħod nistgħu ukoll inħarsu lejn żewġ żgħażagħ ta’ żmienna li juruna kif nistgħu nagħmlu r-rieda t’Alla illum ukoll. Wieħed diġa’ sar popolari, Carlo Acutis, li kien dikjarat Beatu minn Papa Franġisku. Iż-żagħżugħa l-oħra ma tantx smajna biha. Jisimha Helena Kmieć, tfajla Pollakka, li hi fil-proċess biex tiġi dikjarata Beata. It-tnejn jissejħu ‘Beati millenjali’, jiġifieri li twieldu bejn bejn l-1980 u l-1990.

Carlo Acutis (1991-2006)u Helena Kmieć (1991-2017)

Carlo Acutis kien adolexxent Taljan li għamel differenza kbira fid-dinja, minkejja li miet fl-età ta’ 15-il sena. Kien jinteressa ruħu fit-teknoloġija u għamel website fejn iddokumenta l-mirakli Ewkaristiċi li saru madwar id-dinja, biex jgħin lill-oħrajn jemmnu fil-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Is-sena li ġejja Carlo Acutis se jiġi dikjarat qaddis.

Helena Kmieć kienet missjunarja lajka Pollakka ta’ 25 sena li ġiet maqtula fil-Bolivja fl-2017; żagħżugħa fuq ruħha, li kienet tħobb ħafna l-mużika u l-ivvjaġġar u li sabet il-qawwa biex taqdi lil ħaddieħor fl-imħabba intima tagħha ma’ Ġesù. Kważi kuljum waqt l-istudji tagħha kienet tieħu sehem fil-Quddiesa li kienet punt importanti ħafna tal-ġurnata għaliha. Kienet studenta brillanti. Kellha xeħta mużikali u anke attendiet skola tal-mużika. Spiss kienet tkanta u ddoqq il-kitarra kemm fil-kor parrokkjali kif ukoll waqt il-pellegrinaġġi lejn Jasna Góra, is-santwarju nazzjonali hekk famuż tal-Polonja. Jiġifieri biex nagħmlu dak li Alla jrid mhemmx bżonn affarijiet ta’ eroj. L-aqwa li nagħmlu ħilitna biex inkunu qrib tal Mulej.    

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading