“JITQADDES ISMEK” – mill-ktieb “IL-MISSIERNA” (4)

Ħsieb fuq tagħlim ta’ San Ġorġ Preca. Kitba ta’ Joe Galea

Dan l-artiklu hu ħsieb fuq it-tielet talba tal-Missierna, “Ikun li trid int”, li San Ġorġ Preca, fil-ktieb tiegħu “Il-Missierna” jagħtina pariri siewja. Se nagħmlu dan b’eżempji prattiċi.

“Saċerdot fejn nisma’ l-Quddies fis-Sajf, f’kull kelmtejn tiegħu jgħid: “Għandna nagħmlu dak li Alla jrid.” Dejjem isemmi din il-frażi. San Ġorġ Preca jqiegħdha bl-espressjoni: “It-tajjeb nagħmluh, il-ħażin naħarbuħ.” It-tajjeb u Alla, huma sinonimi, ħaġa waħda.

Xi drabi, li nagħmlu dak li Alla jrid, aħna nitolbuha. Imma b’konvinzjoni, jew b’ritwal? Kemm ngħiduha bil-qalb it-talba ta’ Santu Wistin! – wara li ninżlu mit-Tqarbin, fejn ngħidu hekk, f’kor wieħed li jismagħna kulħadd: “Lilek biss inħobb, Mulej, warajk biss irrid nimxi; lilek biss irrid infittex; ikkmandani dak li trid, irrid naqdik bil-ferħ kollu ta’ qalbi.”

U ngħidu wkoll ma’ Charles de Foucauld: “Missier, f’idejk nintelaq jiena, agħmel minni dak li jogħġbok; jien lest għal kollox, nilqa’ kollox.”

U nistħajlu lil San Ġorġ Preca jgħidilna: “Paroli għandna,… għandna paroli!” Għax faċli tgħid il-kliem sabiħ, imma mhux faċli li tqiegħed fil-prattika dak li titlob. Filwaqt li nammettu li għadna ma wasalniex f’dan il-grad ta’ offerta tagħna nfusna, kif hemm f’dawn it-talbiet; u għalkemm nafu li baqgħalna x’nimxu biex dan il-kliem ikun jaqbel mal-ħajja tagħna, għandna nkomplu ngħiduhom, għax juru x-xewqa tagħna li Alla jsir importanti fil-ħajja tagħna.

F’din it-tielet talba tal-Missierna, “Ikun li trid int”, San Ġorġ Preca jgħid hekk: li “tiċħad lilek innifsek ifisser li ma tagħmilx dak li trid int”. San Ġorġ Preca jifhem li “din hija ħaġa tqila tassew għan-natura”. U kemm hu veru! Irridu kollox kif jaqbel lilna. Naraw kif nagħmlu biex isir dak li ppjanajna. Ma rridux min imerina, għax marbutin mal-opinjoni tagħna. Aħna biss tajbin. Nagħmlu n-nervi meta ma jifhmuniex. Għax aħna dejjem għandna ragun. Ħafna drabi ma nittollerawx. U dan iwassal biex jifridna, anke ma’ dawk għeżież tagħna.

Tajjeb li nkunu nafu x’irridu, li nfasslu l-programm tal-ġurnata, għax dan hu importanti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Imma  jekk tinbidel xi ċirkustanza, minħabba ħaġa jew oħra, xi inċident, xi kuntrarju, marda ta’ malajr,… għandna nagħmlu l-almu tagħna biex  u naraw kif se ngħixu mar-realtà li nsibu ruħna fiha.

Ridna nieħdu vaganza, lestejna kollox, sal-inqas dettal. Dakinhar qomna ma nifilħux, u kellna nħassru kollox. Dwejjaq, diżappunt, imma tista’ tkun ukoll grazzja. Huwa l-waqt li nafdaw fil-kura li Alla għandu fuqna.

Għandna eżempji ta’ nies li ħallew f’idejn Alla u fir-rieda tiegħu u ċedew ir-rieda tagħhom. Santa Tereża ta’ Lisieux kienet tgħid: “Ħajjitna għandha tkun sforz kontinwu biex nagħmlu l-volontà tiegħu u nkunu dak li Hu jridna nkunu.” Kienet titlob lil Ġesu’: “Irrid narak fix-xatt.

Int il-pilota divin, li tmexxini minn idejja. Fuq il-mewġ qalil iggwida fil-paċi d-dgħajsa tiegħi.

U persuni aktar riċenti, li anke meta kienu f’diffikultà, ħassew li Alla hu maġenbhom. Qed ibati magħhom. Insemmu lil Edith Stein.Fl-1935, meta t-theddida g]all-gwerra saret iktar serja, Edith Stein stqarret hekk: ”Dak li qatt ma kien il-proġett tiegħi jinsab fil-pro[etti ta’ Alla. U aktar ma jgħaddu minn quddiem għajnejja dawn il-ġrajjiet, aktar issir ħajja fija l-konvizjoni tal-fidi li xejn ma jsir addoċċ, meta nħarsu min-naħa li jħares Alla. Li ħajti kollha, ukoll fid-dettalji tagħha, diġa’ hi prevista fil-pjan tal-Providenza ta’ Alla u li hi quddiem għajnejn Alla, li jara kollox. Il-proġett ta’ Alla fih koerenza, li għandna naċċettaw.” Biex niġbru dan kollu, ngħidu: ”Alla jaf x’inhu jagħmel.”

Dietrich Bonhoeffer (1906-1945) u Edith Stein (1891-1942)

Bħal eku għall-kliem ta’ Edith Stein, Dietrich Bonhoeffer, fil-ħabs f’April 1943, mill-kamp tal-konċentrament, jafda fl-għarusa tiegħu, u jiftaħ qalbu magħha. Bonhoeffer kien maqtul fit-8 ta’ April 1945. Jgħidilha: ”Iebsa biex tifhem, u dan iqiegħed il-ġejjieni tagħna f’inċertezza li biss l-mħabba tagħna lejn xulxin, il-fedelta’ u s-sabar tagħna, mis-sottomissjoni għall-volonta’ u għall-Providenza ta’ Alla jistgħu jirbħu. Kif Alla jxejjen dejjem il-proġetti tagħna!

Imma dan jagħmlu għalina biex iqiegħed oħrajn aħjar.” Dietrich Bonhoeffer iħalli f’idejn Alla, għax Hu, Alla, jaf x’inhu l-aħjar.

San Ġorġ Preca jgħid li “Alla li ma jiċħad qatt l-għajnuna tal-grazzja tiegħu ’l min tassew irid.” Kien itenni wkoll li Alla hu tajjeb fih innifsu u minnu ħlief ġid ma jsirx.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading