Niċċa ta’ wirt storiku / reliġjuż

Kitba ta’ Joe Galea

Fi Triq San Pawl, f’San Pawl il-Baħar, hemm niċċa li nafuha bħala Ta’ Għajn Rażul. Hi niċċa ta’ wirt storiku. Fiha kitba bil-Latin bid-data tal-1725 u fuq il-kitba hemm l-arma tal-Gran Mastru Wignacourt. Fuq, fin-niċċa hemm statwa żgħira ta’ San Pawl, tal-ġebel. Il-monument kif inhu llum iwassal sal-1900, imma l-istatwa  ta’ San Paul, il-plakka u l-arma tal-Granmastru huma ta’ data ħafna aktar bikrija.

Ħafna, anke turisti, jieqfu quddiem din in-niċċa, jieħdu r-ritratti u xi wħud jgħidu xi talba wkoll. Ftit snin ilu n-niċċa kienet restawrata imma baqgħet fi stat ta’ dieqa. Fanal ma jixgħelx, ħaxix dejjem tiela, ġebel tas-sejjieħ mimli siment, ħwat tal-ilma li saru kontenituri u b’ilma qiegħed.

Dan ma kienx biżżejjed. B’mod tassew mgħaġġel inbnew fuqha ħames appartamenti li naqqsu l-preġju storiku/reliġjuż ta’ din in-niċċa. Imma l-isbaħ hi li l-ġimgħa li għaddiet waqqgħu xi filati mill-blat li jdawwarha biex ikun hemm spazju għat-twieqi tal-ewwel sular.

Kif jidher minn kif kienet u kif ġiet in-niċċa, naraw id-differenza fid-dehra tagħha wara li tnaqqas il-blat ta’ fuq l-istatwa.

In-niċċa kif kien il-blat qabel il-kostruzzjoni

In-niċċa kif inhi wara li tnaqqas il-blat minn fuq

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading