Relazzjonijiet. Niċċelebraw l-Evanġelju tas-seba’ u għoxrin Ħadd matul is-sena.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Iberikna l-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajjitna.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, resqu xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”. Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.
Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.
Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”.
Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha”. Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom. (Mk 10:2-16)

  1. Riflessjoni/talba:

i. Resqu xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu.

Jistaduh jekk għandux komma dejqa jew wiesgħa.
Ir-raġel jista’ jitlaq lil martu meta marret ma’ persuna oħra
jew għal raġuni tkun li tkun?

Ġesù jmur lil hinn.
M’intix tinduna li lill-mara għamiltha propjetà? Fil-bidu ma kienx hekk!
U jekk Mosè ordna li almenu tagħtiha ċertifikat li m’għadhiex propjetà tiegħek,
dan mhux biex il-mara ma tispiċċax fl-insigurtà?
(Meta ma jista’ jeħodha ħadd kienet tispiċċa bla mezzi biex tgħix).

Irrifletti:
• Liema perspettivi fuq il-mara jagħmlu ħsara illum?

ii. Sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed

Fil-bidu tal-ħolqien
ir-relazzjoni ma kienetx ta’ propjetà:
fejn wieħed seta’ jixtri u jarmi persuna oħra
fejn ir-raġel għandu vantaġġ fuq il-mara.

Fil-bidu tal-ħolqien
Alla għamel il-bniedem xbieha tiegħu
raġel u mara – bl-istess dinjità, drittijiet, doveri –
kapaċi jibnu relazzjonijiet ta’ fedeltà, ta’ appartenenza reċiproka,
kapaċi jħallu dak li jafu (iħalli lil missieru u lil ommu)
u jgħannqu l-persuna l-oħra … b’imħabba mhux b’użu.

Irrifletti
• X’jimmarka r-relazzjonijiet tiegħek?

iii. Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla.”

Mad-dixxipli jerġa’ jibda mill-ġdid.
L-ewwel jiddiskutu min minnhom l-akbar
imbagħad jingħaqdu bejniethom biex jostakolaw it-tajjeb ta’ min mhux fil-grupp
issa jgħajjtu biex iwarrbu lil min “ma jiswiex” għas-soċjetà,
anke jekk ġew jitolbu barka!

Ġesù jibda mill-ġdid.
Jekk trid ikollok sehem mis-Saltna t’Alla
mis-sbuħija tar-relazzjonijiet f’Alla
eħles mill-kburija u s-suppervja.
Irċievi s-sempliċità u l-umiltà tat-tfal
miftuħa biex ifittxu barka, biex japprezzaw ġest ta’ mħabba:
ma jistħux ikunu fraġli.

Forsi t-tfal jistgħu jgħallmuna kif ma nużawx lin-nies u narmuhom?

Irrifletti

• Kien hemm xi mument fejn it-tfal għallmuk xi ħaġa importanti fuq ir-relazzjonijiet?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading