Sabiex nirċievu l-ħajja ta’ dejjem. Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tmienja u għoxrin Ħadd matul is-sena.

Minn Fr Jimmy Bonnici


Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”.
Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”.
U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.
Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!”. Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.
Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”. Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”. (Mk 10:17-30)

  1. Riflessjoni/talba:

i. Mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”.

Jiġi jgħaġġel, forsi anzjuż ukoll,
isaqsi kif jaf.

Ftit ftit Ġesù jmiss kull frażi u kull azzjoni ta’ dak ir-raġel:
flok ordnijiet joffrilu ħarsa ta’ mħabba;
l-imgħallem tajjeb jistiednu jkompli miexi: “Alla biss”;
minn “x’nagħmel biex nikseb” jgħaddih għal “x’iħalli” u “x’jirċievi”.

Irrifletti:
• Liema mistoqsija ġġorr?

ii. Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

Meta bl-entużjażmu kollu, imma b’ċertu paniku wkoll,
nibni biex nogħla,
niskopri li qed nitbiegħed mill-għajn tal-ilma.

Meta niġri biex nakkwista l-ferħ, l-istima, is-sigurtà
insib li qed naħrab mil-limitu u l-vojt li jbeżżagħni
naħrab mill-post fejn il-ħarsa ta’ mħabba tinfed u tiġġenera ħajja.

Irrifletti
• X’hemm bżonn tħalli? Fejn tpoġġi s-sigurtà tiegħek?

iii. Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”. Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”

Ġesù jitkellem b’konvinzjoni assoluta: “tassew ngħidilkom … ma hemm ħadd fosthom”.

Issa jonqos biss li nafda li dak li ħalaqni mix-xejn, jasal;
jonqos biss li nillibera l-ponn mill-pussess u niggosta/nikkontempla l-bqija kollu;
jonqos biss li ma nfittixx il-ferħ, is-suċċess, l-istima
imma nafda fil-ħarsa u fl-Evanġelju tiegħu.

Ġesù t-triq u l-verità li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem.

Irrifletti

• Ikkontempla lil Ġesù li jfittex biss ir-rieda tal-Missier; li jiggosta u japprezza fjura, professjoni, relazzjoni; li ġie ppersegwitat imma ħaj u jagħti l-ħajja għal dejjem.

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading