Ġwanni Pawlu II fil-Magħmudija ta’ 27 tarbija

QUDDIESA TAL-MAGĦMUDIJA TA’ TARBIJA TAT-TWELID
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Vatikana
Il-Ħadd, 8 ta’ Jannar 1984

1. “Glorja u tifħir lil ismek, o Mulej!”.

 L-istedina tal-liturġija tallum biex nigglorifikaw u nfaħħru l-isem tal-Mulej illum, festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù, takkwista sinifikat partikulari.

Ridt niċċelebra dan il-“misteru” tal-ħajja ta’ Kristu, billi nagħti f’din il-Bażilika s-Sagrament tal-magħmudija lil numru ta’ trabi subien u bniet fis-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni, biex nenfasizza li permezz ta’ dan is-Sagrament jasal, għal dawk li jirċevuh, id-don tar-Redenzjoni, u tiġi applikata lilhom l-opra tal-fidwa u tal-qdusija, imwettqa minn Ġesù bl-offerta lill-Missier ċelesti.

Il-kelma ta’ Alla li smajna, tippreżentalna lil Ġesù ta’ Nazzaret bħala “il-qaddej ta’ Alla”, ipprofetizzat fil-Ktieb ta’ Iżaija; il-qaddej, oġġett tal-elezzjoni u tas-sodisfazzjon divin, iwettaq il-missjoni tiegħu b’atteġġjament ta’ aċċettazzjoni totali tar-rieda tal-Mulej u ta’ umiltà eżemplari fil-konfront tal-bnedmin; se tkun stabbilità bħala “allejanza tal-poplu”, bħala “dawl tan-Nazzjonijiet”, jiġifieri tal-popli pagani, biex tagħti il-vista lill-għomja u l-libertà lill-priġunieri.

Dan il-misterjuż “Qaddej ta’ Alla” huwa Kristu, li jġib is-salvazzjoni lill-umanità. Fin-narrazzjoni evanġelika li għadna kemm smajna, hekk kif Ġesù jitgħammed minn Ġwanni, is-smewwiet jinfetħu, l-Ispirtu ta’ Alla jinżel fuq Kristu bħala ħamiema u leħen – daktal-Missier – jgħid: “Dan huwa Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi”.

Ir-realtà issa tieħu f’idejha l-profezija: is-sodisfazzjon ta’ Alla għall-Qaddej tiegħu huwa s-sodisfazzjon tal-Missier għal Ibnu etern, li assuma n-natura umana u li b’ġest ta’ umiltà profonda, talab lil Ġwanni dik il-magħmudija, li kienet biss figura ta’ dik li huwa stess kellu jwettaq mhux iktar bħala tħejjija għall-grazzja imma bħala konferiment tal-grazzja.

Għeżież ħuti hawn preżenti, intom li intom il-missirijiet, l-ommijiet, il-parrini u l-madrini ta’ dawn it-trabi li minn hawn u ftit ieħor se jirċievu l-Magħmudija! Il-Knisja tkompli tibni tul is-sekli l-kliem indirizzat minn Ġesù lill-Appostli: “Ingħatatli kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru mela u għallmu lin-Nazzjonijiet kollha, waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu” (Mt 28, 18-19).

2. Dawn it-trabi, frott stupend tal-imħabba tal-ġenituri u wkoll tal-ġest krejattiv misterjuż ta’ Alla, twieldu lill-ħajja naturali. Imma minn hawn u ftit ieħor se jkunu l-protagonisti ta’ twelid ġdid, dak tal-ħajja soprannaturali, immeritat minn Kristu: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidlek – dan hu kliem Ġesù lil Nikodemu –, jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u mill-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-saltna ta’ Alla. Dak li jitwieled mill-ġisem huwa ġisem, u dak li jitwieled mill-Ispirtu huwa Spirtu” (Ġw 3, 5-6).

Il-Magħmudia hija riġenerazzjoni spiritwali, “twelid mill-għoli” (cf.Ġw 3, 7), xejn inqas veru u reali mit-twelid għall-ħajja terrena. Dawn it-trabi permezz tal-Magħmudija – kif tgħallimna l-fidi nisranija – se jinħelsu mid-dnub tan-nisel, se jkunu nternament imqaddsin permezz tal-infużjoni tal-grazzja santifikanti, flimkien mad-doni tal-ilbies tal-virtujiet tejologali tal-fidi, tat-tama, tal-karità u tad-doni tal-Ispirtu Santu; se jkunu nkorporati u konformi ma’ Kristu u għalhekk isiru, fih, ulied Alla, imdaħħla fil-Knisja, il-ġisem mistiku tal-Verb inkarnat.

3. Din il-ħajja divina, li tkun ikkomunikata lilhom mis-Sagrament, trid tikber, timmatura u tipperfezzjona ruħha tul il-mixja ta’ ħajjithom: “Is-segwaċi ta’ Kristu, imsejħa minn Alla u ġġustifikati f’Ġesù Kristu, mhux skont l-opri tagħhom imma skont il-pjan u l-grazzja tiegħu, fil-magħmudija tal-fidi ġew magħmulin tassew ulied Alla u sieħba fil-ħajja divina, u għalhekk realment qaddisin. Huma mela għandhom, bil-għajnuna ta’ Alla iżommu u jipperfezzjonaw, billi jgħixuha, il-qdusija li rċivew” (Lumen gentium, 40).

Huwa dmir u dover tal-Knisja kollha, imma b’mod speċjali tal-ġenituri u tal-parrinijiet li jieħdu ħsieb li jgħinu lil dawn l-ulied ġodda ta’ Alla fit-tkabbir tagħhom soprannaturali, billi joffrulhom kuljum l-eżempju kostanti, ġeneruż u kostruttiv ta’ eżistenza migħuxa integralment skont l-esiġenzi tal-Vanġelu.

Huwa dan l-awgurju li llum jiena nindirizza lil dawn iċ-ċkejnin, insara ġodda, membri ġodda tal-Knisja b’ferħ kbir, frott ġdid tar-Redenzjoni!

Huwa dan l-impenn ta’ responsabiltà nisranija, li nafda u nissottometti lilkom ilkoll li qegħdin tisimgħuni, f’din iċ-ċerimonja komunitarja tal-Magħmudija Mqaddsa!

Hekk ikun!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading