Ġwanni Pawlu II fil-Ġublew tat-Tfal

ĊELEBRAZZJONI TAL-ĠUBLEW TAT-TFAL
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Awla Pawlu VI
Il-Ħadd, 8 ta’ Jannar 1984

1. Għeżież tfal, jien tassew kuntent li ninsab f’nofskom, li tagħmlu kuruna lill-Bambin Ġesù.

Jiena konvint li intom ukoll kuntenti. Hux tassew?

Irrid nirrepetilkom dak li diġa tafu sewwa: intom il-favoriti tal-Papa.

Din il-ħaġa għidtha tant drabi lil tfal bħalkom, ta’ kull Nazzjon. Fil-familja kbira, li hija l-Knisja kattolika, magħmula minn tant membri  żgħar u kbar, it-tfal huma l-ulied l-iktar għeżież.

Tafu għaliex?

Għaliex fikom ix-xbiha ta’ Alla, Missierna, li ħalaqna għall-imħabba, hija riflessa iktar pura, iktar ċara, iktar trasparenti.

U mbagħad intom il-ħbieb ċkejknin ta’ Ġesù: jiġifieri tal-Iben etern tal-Missier li sar bniedem, wieħed bħalna, għas-salvazzjoni tagħna; sar tfajjel, wieħed bħalkom, biex iġib fid-dinja d-doni tal-imħabba, tat tjieba, tal-paċi.

2. Aħna nikkuntemplaw dan il-Bambin divin fix-xbiha tant meqjuma u maħbuba minnkom Rumani li s-snin kollha titilgħu mal-ġenituri tagħkom it-taraġ li jwassal f’Aracoeli, biex tesprimu mħabbitkom.

Illum il-Papa wkoll għandu l-pjaċir li jarah u jadurah hawn, flimkien magħkom.

Il-kant tagħkom, il-poeżiji tagħkom, l-ittri żgħar tagħkom ikkommovewni. Intom iddestinajtuhom lill-Bambin Ġesù u wkoll lill-Papa, li fuq din l-art huwa l-Vigarju tiegħu u l-ħabbar tad-doni li dan il-Bambin ġab fid-dinja: il-verità u l-imħabba. Niżżikom ħajr f’isem Ġesù.

U niżżi ħajr lill-kantanti bravi, lill-poeti bravi, lill-atturi ċkejknin bravi, u lil dawk kollha li ħejjewhom u ggwidawhom. Niżżi ħajr ukoll lil dawk li nkitbu fl-opra tal-infanzja missjunarja, li teduka lit-tfal għall-imħabba għall-missjonijiet u għall-għajnuna spiritwali u materjali għal tant tfal ta’ mparhom tan-Nazzjonijiet li għadhom ma jafux lil Ġesù.

Niżżi ħajr lilkom ilkoll, għeżież, u lil kull wieħed u waħda minnkom, għaliex għamiltu tant festa lil Ġesù, “il-Għażiż li jirgħa l-merħla qalb il-ġilji” (Kt 2, 16).

3. Imma issa nixtieq nistaqsikom xi ħwejjeġ dwar Ġesù. Intom wieġbu b’sinċerità l-mistoqsijiet tiegħi.

Għiduli, għeżież tfal:

– Tassew tridulu l-ġid lill-Bambin Ġesù?

– Tridu li Ġesù jsaltan fi qlubkom? – Tridu li Ġesù jsaltan fid-dinja?

– Tridu li f’din is-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni Ġesù jagħmel iktar tajbin lit-tfal u lill-bnedmin tad-dinja kollha?

– Tridu li fid-dinja kollha, fin-Nazzjonijiet kollha, fil-familji kollha, tinżel il-barka u l-paċi tal-Mulej?

Il-Papa kien jaf li kontu se twieġbu lkoll b’ “iva” sabiħa, hekk qawwija li kważi se ċċaqlaq il-ħitan ta’ din is-sala.

Imma issa se nagħmlilkom mistoqsijiet oħra, u naf ċert li wkoll għal dawn il-mistoqsijiet ukoll se twieġbu b’sinċerità.

Għeżież tfal, tridu tkunu tajbin, dejjem iktar tajbin għall-imħabba ta’ Ġesù?

– Iktar fidili għad-dmirijiet tagħkom tat-talb, tal-istudju, tal-karità fraterna?

– Iktar ubbidjenti għall-ġenituri u s-superjuri tagħkom?

– Se tfittxu li tkunu dejjem, ukoll meta tikbru, ħbieb tajbin ta’ Ġesù?

– Twegħdu li titolbu dejjem għall-Knisja u għall-Papa?

U hekk hu li jiena għandi mill-ġdid niżżikom ħajr għal din il-wegħda.

Iva, niżżikom ħajr u f’isem Ġesù Bambin u nberikkom b’qalbi kollha, flimkien mal-familji tagħkom.

L-istess ringrazzjament  l-istess barka nestendihom għat-tfal tad-diversi nazzjonijiet hawn preżenti u lil dawk li huma magħqudin magħna permezz tar-radju u tat-televiżjoni  .

Je bénis tous les petits amis de l’Enfant Jésus, qui sont aussi mes amis, et toutes les familles du monde.

I bless all the children and all the families in the world.

Von Herzen segne ich alle Kinder und alle Familie in der Welt.

Bendigo a todos los niños y a todas las familias del mundo.

Issa ejjew nitolbu flimkien u fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tagħkom jien nagħtikom il-barka bil-Bambin Imqaddes ta’ Aracoeli.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading