Biex nużaha u biex nużaħ

Dan l-aħħar smajt storja li tassew ħasbittni. Kienet storja ta’ uġiegħ fejn min jaħseb li jkun daħal għall-imħabba kulma jsib hu tmaqdir. Għax jiġi sempliċiment użat u użata.

Wara snin ta’ ħbiberija ħassewhom jinġibdu lejn xulxin. L-ewwel żwieġ li kellha kien vroma mill-kbar nett. Bil-weġgħat u l-ġrieħi li kien fih lanqas tazzarda ruħha issemmieh aħseb u ara li tiftakar fih. Bħalma jiġri dejjem, ħasbet li mhux kulħadd hekk. Għalhekk waħħlitha f’rasha li din id-darba żgur li kienet se ġġibha żewġ.

Bdiet relazzjoni li magħha involviet lill-uliedha ċkejknin. Kienu jarawh prattikament kuljum idur ma’ saqajhom id-dar tant li kienu jsejħulu Pa. Għax lilu kienu jafu bħala missierhom. Meta kienu żgħar kien hemm għalihom. Sintendi, l-għaliex ommhom involvietu bil-kbir la kien magħha. Iż-żmien issokta għaddej u, bħalma spiss jiġri, l-imħabba vera tibda’ tiġi ittestjatha. Kien ilha tħoss xi ħaġa li t-tnejn li huma ma kienux ma’ xulxin bħal qabel. Ħassitha li kien hemm xi ħaġa ħażina imma qatt ma setgħet taqbad art x’kienet. Sakemm fl-aħħar il-ġurdien inqabad.

Kellha issir taf li kien sar ħabib ta’ ħabibitha. Mhux biss imma l-ħbiberija tagħhom tant intensifikat ruħha li beda jfittex lilha wkoll. Ix-xogħol ried li saret taf b’messaġġ li tassew qasmilha qalbha tnejn. Qabditu jgħidilha: Jien lilek inħobb. Lilha kemm nużaha. Tistgħu taħsbu kif dal-messaġġ kissirha u ġabha elf biċċa! Kif wasal li jagħmlilha hekk? Wara li tant ħabbietu?

Meta xi ħadd għenha tirrifletti ftit aktar fil-fond fuq dak li għaddiet minnu hi qalet: Għax jien hekk naf inħobb. Nagħti kollox. Għala antika. It-ton li bih qalietu dal-kliem kien wieħed miksur ħafna. Possibbli li kellha tiġi ittrattatha ta’ oġġett? L-uġiegħ tagħha għal din is-sitwazzjoni hu immens. Qaltli: Irrid nibqa’ waħdi u ma nara lil ħadd.

Hemm ħafna wieħed x’jirrifletti fuq din l-istorja. L-imħabba vera mhux użu tan-nies. Ħafna lesti li jaqbżu l-limiti f’relazzjonijiet intensi biex imbagħad dawn ir-relazzjonijiet jispiċċaw bħal splużjoni, isiru trab. L-għaliex trab kienu fil-bidu u trab jerġgħu isiru. L-imħabba vera irid ikollha tlett ingredjenti importanti: is-sabar, l-umiltà u l-fedeltà.

Is-sabar. Fl-imħabba rridu nistabru b’xulxin u mhux ma’ naqra kuntrarju kulħadd għalih. L-imħabba vera trid tgħaddi miċ-ċikli kollha tal-ħajja u mhux meta ma jaqblilhiex tħabbat jew tfittex bieb ieħor. Bis-sabar insiru nafu lil xulxin. Mela, kif kien jgħid San Ġorġ Preca: Paċenzja, paċenzja, paċenzja …

L-imħabba tassew hi umiltà. Irrid nammetti fejn qed niżbalja u mhux nibqa’ għaddej u minn fuq l-iżball tiegħi nwaħħlu fuq ħaddieħor. Miskin min qatt ma jammetti żball għax għad jasal f’punt fejn ikollu jibla’ il-kollox ta’ kollox. Bl-umiltà  niftħu qalbna għal xulxin.

Fl-aħħar nett hemm il-fedeltà. Jekk minix fidil lejk kif nista’ inħobbok ta’ veru? Jekk ma’ kull naqra ta’ tentufa nibdlek x’paċi nista’ inġorr ġewwa fija? U kif nistgħu flimkien nibnu xi ħaġa li tibqa’? Bit-tixqieq il-ħerba qed tinbena naqra naqra.

L-imħabba vera tgħinna ngħixu fil-paċi. Xi grazzja hux meta nkunu tassew bnejna xi ħaġa sabiħa flimkien. Kemm hu bla sens li nuża lil xi ħadd. Fl-użu hemm użu ħażin, abbuż u anki l-ftuħ ta’ biżibilju ġerħat. Il-ħajja qasira. Mela mhux worth it din it-triq. In-nies huma għana u mhux priża.

Għinni Mulej ħa nħobbok u nirrispettak fihom bħalma bihom tħobb u tirrispetta lili. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading