Żjara fil-Belt

Aktar mal-Mulej qed jagħtini l-grazzja nikber aktar qed nintebaħ kemm il-ħajja, mingħajr sorpriżi, mhi ħajja xejn.

Ħajja fejn dejjem u kollox jibqa’ l-istess hi monotona. Dan qisu bħalma għandek biċċa arti li fiha biss lewn wieħed. Kollox għad-dritt u xejn fit-tond. M’għandekx sfumaturi, almenu fl-istess lewn. X’tgħidilha dik il-biċċa arti, (jekk wieħed jista’ jibqa’ isejħilha hekk?) jekk mhux tedjanti? Ommi Mà kemm iddejjaq!

Il-magħruf Henry Ford kien iħobb jgħid: “Waħda mill-akbar skoperti li jwettaq il-bniedem, waħda mis-sorpriżi l-kbar tiegħu, hi meta jsib li jista’ iwettaq dak li kien jibża’ li ma jwettaqx”. Kemm hu sabiħ hux li tintefa’ tgħum fil-baħar tal-ħajja!

Is-sorpriża

F’waħda mit-tlett ijiem li jkolli frank f’ġimgħa ta’ xogħol bil-lejl u bin-nhar fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, kont mistieden biex immur in-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Jien ma nsuqx. Għalhekk nivvjaġġa ħafna bil-karozzi tal-linja li, għall-grazzja tal-Mulej, jaqduni tajjeb u mill-koxxa wkoll.

Ħriġt mill-kunvent fil-għodu biex nerħilha għal dan il-post. Qsamt it-triq Diċembru tlettax u qbadt il-karozza tal-linja. Kif nasal fil-venda ċentrali tal-Belt u bdejt miexi ħalli naqbad il-karozza li kelli bżonn nara mara, mhux Maltija, iċċassata. Xi ħaġa ġewwa fija qaltli biex ma nibqax għaddej qisu ma ġara xejn. Għalhekk waqaft mal-ġenb tat-triq u ipparkjajt ħdejha.

Wara li sellimtilha u tajtha l-Kurunella tal-Ħniena Divina dritt bdejna nitkellmu. Sirt naf li riedet tmur f’appartament fil-Belt imma ma setgħetx issib fejn. Kont naf li fejn se immur jekk nieqaf żgur li kont se nasal tard. Imma, wara li rajtha mgħobbija b’bagalja daqshiex u xi ftit imdaħħla fiż-żmien ukoll, ma ħassejtx li kelli nibqa’ sejjer għal triqti. Offrejtilha li ngħinha.

Għalhekk ħadtilha l-bagalja u bdejna parlata f’mixjietna lejn il-Belt. Waqt li konna mexjin kien hemm xi nies li sellmuli. “Hawn kulħadd jafek”, qaltli l-mara pronta pronta. Imma jien ħassejt li kelli nserħilha rasha. “In-nies li tassew jafuni huma tassew ftit. Jekk joqgħodu fuq pala waħda t’idi huma ħafna. Kważi kulħadd jafni mill-bogħod. Ma ngħoddx li dawn in-nies jafuni”. Tbissimna t-tnejn għax it-tnejn li aħna fihmnieha l-battuta. Għalhekk issuktajna triqitna.

F’mixjitna lejn il-Belt

Għalkemm il-jum kien sħana issemmix ħadt gost nara ‘l Beltna mimlija turisti. Bqajt mgħaġġeb bi grupp kbir ta’ turisti Amerikani li kienu ġejjin minn Texas. Mill-mod kif bdew jitħaddtu mill-ewwel għarafthom. It-tip ta’ Ingliż tagħhom ifakkarni fir-Rodjo. Inħobb insejjaħlu “Ingliż Rodeo” għax iqabbiżni ftit biex nipprova nifhmu. Intant …

Imbagħad issuktajna neżlin sakemm wasalna fit-triq li kellna naslu. Imma fejnhom dawn l-appartamenti? Ma kien hemm sinjali mkien biex juruna fejn qegħdin. Din oħtna daħlet fil-google biex tara issibhomx. Kieku rnexxielha issibhom. Fil-fatt, il-google qalilha li konna biss daqs minuta u nofs ‘il bogħod mid-destinazzjoni tagħna. Mela, daqs tefgħa ta’ ġebla. Imma ħej, għalkemm konna tant viċin donnu li konna tant lil hinn għax il-post bqajna ma sibniehx.

Dil-proxxmu sabet in-numru tal-propjetarji tal-post u bdiet iċemplilhom. L-ewwel weġbitha mara li qaltilha li kellha tistenna xi ftit sakemm inaddfu l-post dawk li jnaddfu. Wara xi kwarta, fettlilha terġa’ iċċempel u, din id-darba, weġibha raġel. Dan taha indikazzjoni fejn kellna mmorru bil-bagalja daqshiex f’dik ix-xemx taqli ta’ Ġunju.

Is-sabiħa hi li wara ftit il-mara ġiet u kellmitna. Kienet mara minn tagħna ħafna. X’differenza hux meta tisma’ persuna fuq mobile għal meta taraha wiċċ imbwiċċ! Bħala Malti tfarraġt u fraħt ħafna għall-mod sabiħ li din oħti Maltija laqgħet lil din oħtna barranija. Meta nilqgħu lill-barranin li jżuruna b’dik il-ħlewwa riklam riklamum inkunu qed nagħmlu għall-pajjiżna.

Triqti ‘il barra mill-Belt

Sadanittant il-mobile tiegħi reġa’ ċempel mill-ġdid. “Int ġej?” instemgħet tgħidli l-persuna li stednitni. “Iwa ġej imma nqalgħetli biċċa xogħol li ma stajtx nibqa’ għaddej frisk frisk bħal ħassa minn quddiemha”, weġitha. “Fil-każ nikrilek karozza ħa twassalek minnufih għax sas-sagħtejn u nofs ilkoll irridu nkunu d-dar”, weġbitni bil-ħatfa.

Issa li ħadt dan l-avviż ma kienx għad baqagħli triq oħra x’nagħmel għajr li nibda’ triqti ‘il barra. Għalhekk, wara li kelli l-grazzja li nberikom it-tnejn u li nagħtihom id-domna mirakoluża tal-Madonna ħalli jilbsuha, qbadt ħiereġ lejn Bieb il-Belt. Fit-triq il-Mulej laqqagħni ma’ diversi nies minn pajjiżi oħra bħal Taljani, Kanadiżi u Brażiljani. Kemm Malta hi mogħnija minn nies ta’ kull ġens u lsien hux!

Jiena u għaddej minn ħdejn il-Bini tal-Parlament iltqajt ukoll ma’ parlamentari li sellimli u beriktu. Il-ħin beda jagħfas ġmielu. Għalhekk erġajt irċevejt telefonata oħra. “Fejn qiegħed?”, staqsieni l-leħen għal darb’oħra. “Daqt nasal” serraħtilha rasha. “Tajjeb, oqgħod stenna quddiem it-tali lukanda u jiġu jiġbruk minn hemm”.

Quddiem il-bieb ewlieni tal-lukanda

Bqajt miexi f’dik is-sħana kollha, aħmar skorfna, sakemm wasalt ħdejn il-lukanda. Biswit il-funtana tat-tritoni l-Mulej laqqagħni ma’ konsulent minn tagħna ħafna u li meta kien junior doctor il-Mulej kien użah bil-kbir għax kien salvani minn mewta ċerta minħabba deni tifu.

Fraħt ħafna meta rajtu. Toġogħbni meta bniedem, minkejja li jkun imżejjen b’ħafna għerf, ikollu saqajh mal-art għax jagħraf li ma laħaqx is-sema. Wara li tkellimna u beriktu u berikni, wasalt, bil-mod il-mod, quddiem il-bieb ewlieni tal-lukanda. Anki hemmhekk kelli laqgħat interessanti ma’ xi nies tat-taxi u dawk li jaħdmu fit-turiżmu. Kelli anki l-opportunità li nbierek żewġ muturi daqshiex li, il-proprjetarji tagħhom, qaluli li qatt ma kienu tbierku qabel.

Ix-xuffier tal-karozza

Dawk li kont sejjer għandhom reġgħu ċempluli għat-tielet darba. “Ordnajnielek il-karozza”, qaltli. “Tajjeb u niżik ħajr minn qalbi!”, weġibtha fil-pront. “Ibgħatli jekk jogħġbok fuq il-WhatsApp in-numru tagħha ħalli nkun naf liema hi”. Hekk sar.

Ma domtx nistenna wisq għax il-karozza laħqet ġiet. Is-sewwieq ma kienx Malti imma kien Ewropew. Kelma iġġib lill-oħra u bdejna nitħaddtu. Mill-konverżazzjoni tagħna ntbaħt li jiena u hu konna qegħdin ottu. Hu kien jixbaħ lil Robin Hood filwaqt li jien lil Friar Tuck. Dħakna fuq li dħakna. Id-daħka ta’ dan is-sewwieq kienet fotokopja ta’ dik tal-attur ta’ “The Adventures of Robinhood”, Errol Flynn. Kos hux! Minkejja li dal-film kien iffilmjat fl-1938 f’Bidwell Park ġewwa Chico, f’California li ssotitwixxa l-magħrufa Sherwood Forest, id-daħka baqgħet impekkabbli.

Mid-daħk għaddejna għas-serjetà. Dan ħuna fetaħ qalbu u tħaddet miegħi fuq il-passat tiegħu u kif, għall-grazzja t’Alla, il-Mulej kien laqqgħu ma’ persuna Maltija li, bil-għaqal tagħha, tassew li biha l-Mulej kien qed ibiddillu ħajtu.

Wara li wassalni fejn kelli nasal dan ħuna bagħtli messaġġ kemm il-Mulej kien għenu fid-diskursata li kellna flimkien. Kif jaħdem hux? U kemm jagħmel ġid magħna jekk imqar nirriskjaw ftit miegħu u nafdaw imqar ftit fih?

Is-sabiħ tas-sopriża

Din l-esperjenza ħelwa għallmitni xi ħaġa li jgħallimna Papa Franġisku meta jgħidilna: “Alla dejjem jissorpendina… Alla dejjem iħalli l-aħjar għalina. Imma jitlobna li nħallu lilna nfusna niġu sorpriżi minn imħabbtu, li nilqgħu s-sorpriżi tiegħu. Ejjew nafdaw lil Alla!”

Ejjew nafdaw lill-Mulej! Grazzi Mulej li dak li ppjanajt seħħ xorta oħra. L-aqwa hu li, bil-grazzja tiegħek, wettaqt dak li urejtni f’qalbi li kelli nwettaq f’dak il-waqt. ĠESÙ, JIENA NAFDA FIK!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading