Nhar il-Ħadd 9 ta’ Ġunju 2024, ħuna Joseph Cortis mar għand il-Mulej. Jiena kelli l-grazzja li niltaqa’ ma’ dan ħuna, li kien iħobb jaqra l-artikli li l-Mulej jagħtini għal dal-ġurnal, waqt li kien qed jiġi mgħejjun fl-isptar.
Joseph kien wieħed minn dawk il-pazjenti li żgur li se jibqgħu imnaqqxa f’qalbi. Il-ħlewwa tiegħu kienet tassew kbira. Kemm kien jieħu gost li kont immur nittawwallu u noħodlu lill-Mulej Ġesù Ewkaristija biex inqarbnu. Imbagħad, wara dik it-tqarbina, konna ngħidu żewġ kelmiet.
Il-kelma li kien iħobb jgħid
Ħuna Joseph kien iħobb jgħid kelma tassew sabiħa: “SAĦĦA”. Biha kien iħobb isellem lil kulħadd.
Aktar mal-Mulej tani l-grazzja li nsir nafu, aktar bdejt nintebaħ li din ma kinitx sempliċi tislima tas-soltu. Dan kien awgurju ġej mill-qalba tal-qalb ta’ Joseph, li kien jixtieq lil kull min jiltaqa’ miegħu s-SAĦĦA TAL-ĠISEM, TAL-MOĦĦ U TAR-RUĦ. Għax għalih, dawn it-tliet komponenti flimkien, jagħmlu s-SAĦĦA tal-bniedem waħda u sħiħa.
Bniedem li għex il-ħajja
Joseph kien bniedem li l-ħajja kien iħobbha. Kemm kien iħobb in-natura, ir-ritratti u anki jsajjar. Fil-quddiesa li fiha ċċelebrajna ħajtu u li tqaddset nhar l-Erbgħa 12 ta’ Ġunju 2024 fil-Bażilika Kolleġġjata u Proto Parroċċa ta’ San Pawl fir-Rabat, stqarrejtlu quddiem kulħadd: “Ħasra Joseph li ma sirtx nafek qabel għax żgur li kont induq mill-kċina tiegħek”.
Ħuna Joseph kien jaf isajjar l-ikel u anki l-ħelu. Personalment inħobb aktar l-ikel milli l-ħelu. Imma l-ikel tad-dar dejjem l-aħjar. Mhux hekk?
Raġel u missier veru tal-familja
Joseph kien il-bastun fil-ħajja tal-familja. Kemm kien iħobb u jgħin lill-għażiża martu Monica. U kemm uliedu, Romina u Paul u anki Ian u Roberta sabuħ ta’ sapport kbir għalihom. Joseph kien tip ta’ bniedem li fuq fommu dejjem kellu kelma waħda: IWA. Hemm kont issibu, jaqdi lill-membri tal-familja tiegħu bil-qalb.
Hawnhekk ma nistax ma nsemmix il-poeżija ħelwa li kitiblu Ian, żewġ bintu Romina u li se naqlibha għall-ilsien Malti. Il-poeżija jisimha “Waqt li qed inħarsu lura”. “Waqt li qed inħarsu lura, qed insibu lilna nfusna naħsbu/Ħsibna biex niżuk ħajr biżżejjed għal dak li għamilt għalina? Għal dawk il-waqtiet li kont magħna biex tgħinna u tweżinna/ Biex tgħinna niċċelebraw is-suċċessi/ w nifhmu l-problemi/ u nilqgħu t-telfiet tagħna? Jew meta għallimtna bl-eżempju tiegħek/ il-valur tax-xogħol iebes, id-deċiżjoni t-tajba,/ il-kuraġġ u l-integrità?/ Ma nafx jekk iżejnikx ħajr/ għas-sagrifiċċji li għamilt biex tgħinna nieħdu l-aħjar?/ U għall-ħwejjeġ sempliċi bħad-daħk, it-tbissim u l-ħin li qsamna flimkien?/ Jekk insejna nuruk biżżejjed il-gratitudni tagħna għall-ħwejjeġ kollha li għamilt/ aħna qed niżuk ħajr issa./ Nittamaw li int kont taf/ kemm kont tfisser għalina”.
Bandist prim
Kienu ħafna dawk li faħħru l-kwalitajiet sbieħ ta’ Joseph Cortis, li kien bandist prim tal-Banda Konti Ruggieru.
Fost il-kummenti li tabilħaqq laqtuni nixtieq insemmi xi wħud. Lil ħuna Joseph fissruh bħala “l-bandist dedikat”, “bandist eżemplari u lejali lejn is-Soċjetà li tant ħabb”. Kien hemm min qal li “avolja dan l-aħħar għejja imma xorta baqa’ jdoqq”. Joseph, “mużiċist bravu u li jħobb l-istrument”, kien “raġel tar-rispett kbir li żgur li s-Soċjetà San Pawl u l-Banda Konti Ruggieru se tħoss in-nuqqas tiegħu”. Dar-“raġel mill-aħjar, ta’ ftit kliem” kien “raġel b’qalb kbira”. Joseph kien “ħabib”. Għalhekk, kif iżżiħ ħajr xi ħadd, “grazzi tal-pariri ġenwini li dejjem tajtni, tat-tagħlim tal-mużika u ta’ kemm inkoraġġejtni biex inkompli ndoqq il-mużika”.
Xi ħadd ieħor kitiblu hekk: “Fejn tidħol il-Banda kont role model għalija. L-impenn tiegħek kien eżemplari”. Joseph, int kont “dejjem preżenti meta l-banda sejħitlek anki f’dawn l-aħħar snin fejn saħħtek mhux dejjem ippermettitlek”. Ħaddieħor stqarrlu: “Inqisek bħala spalla (in-nannu mużikali tiegħi) li dejjem kont warajja f’kull pass mużikali li għamilt”. Imbagħad, is-sinċerità ta’ dil-persuna uriet il-qalb nobbli tal-bandist prim Joseph Cortis meta dan ħuna kitiblu hekk: “Anke xi tbeżbiża bħal per eżempju meta nuża l-mobile waqt ir-rehearsal”.
Oħrajn iddeskrivewh hekk: “Joe Cortis kien ikona li dejjem ikun preżenti għall-kunċert jew servizz”.
Tliet marċi li jfissru l-ħajja ta’ Joseph Cortis
Dawn in-noti li semmejna, hekk sbieħ u ta’ kuraġġ, li jinsabu preżenti fil-ħajja ta’ ħuna Joseph, minnhom joħorġu tlett marċijiet.
L-ewwel marċ jismu: “L-Ewwel Ittra lill-Korintin 1:13, 4-8”. Dan hu dak li fih dal-ewwel marċ li jfisser hekk tajjeb il-ħajja ta’ ħuna Joseph: “L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt” (1 Kor 13:4-8).
It-tieni marċ li jista’ jinħadem b’dawn in-noti sbieħ li jinsabu fil-ħajja ta’ Joseph hu l-kliem tat-talba attribwita lil San Franġisk t’Assisi: “Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek”. Hawn hu l-kliem dehebi tagħha: “Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek: Fejn hemm il-mibegħda ħallini nħeġġeġ l-imħabba; Fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra; Fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi; Fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama; Fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl; Fejn hemm in-niket, ħallini nxerred il-ferħ.
Mgħallem divin, la tħallix: Li iżjed infittex li nkun imfarraġ, milli nfarraġ jien, Li iżjed jifhimni ħaddieħor, milli nifhem lil ħaddieħor jien, Li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien. Għaliex meta nagħtu, aħna naqilgħu, Meta naħfru, aħna niġu maħfura; Meta mmutu, nerġgħu nitwieldu għall-ħajja ta’ dejjem”.
It-tielet u l-aħħar marċ li joħroġ mill-ħajja ta’ Joseph Cortis nistgħu nsemmuh “Kolossin 3:12-15”. Hawn hu l-kliem li fih dal-marċ tal-għaġeb: “Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejjħa biex issiru ġisem wieħed” (Kol 3:12-15).
Il-music award li ħa Joseph fis-sema jinstab imfisser f’kummenti li qalu sħabu stess dwaru fuq Facebook bħal: “Il-Mulej jilqgħek fi ħdanu”, “il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem”, “nirrakomandak lill-Bambina u ‘l San Pawl sabiex issa jinterċedu għalik quddiem il-Ħallieq”, “San Pawl li tant kont tħobb jilqgħek fi ħdanu”, “gawdi lil San Pawl li tant kont tħobb minn ħdejn il-Ħallieq”.
U int u jien x’marċ beħsiebna nikkomponu mill-mod ta’ kif qed ngħixu bħalissa?
Mill-pjanċir taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo
Ħuna Joseph baqa’ jdoqq minn qalbu dawn il-marċi sbieħ mill-pjanċir taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Kull darba li kont inżuru kien jilqagħni b’dik l-imħabba, il-ħlewwa u qalb kbira li dejjem kellu. Hawn fostna, ħuna Joseph kien tassew xempju ta’ dan kollu.
Kelma tal-aħħar
Din is-sena se jkolli l-grazzja li l-Ispirtu s-Santu, bija, qaddej li ma jiswa għal xejn, se jinseġ il-paniġierku ta’ San Pawl Missierna fil-Bażilika Kolleġġjata u Proto Parroċċa tar-Rabat. Dal-paniġierku lil San Pawl beħsiebi niddedikah lil ħuna Joseph Cortis.
Għażiż ħija Joseph, doqq mal-banda tas-sema t-tifħir lill-Mulej! Doqq u la tieqafx ħalli bid-daqq tiegħek, aħna nersqu lejn il-Mulej ħa jsalvana u hekk niltaqgħu miegħu u miegħek għal dejjem. Joseph, doqq mal-banda tas-sema!
Patri Mario Attard OFM Cap