Minn Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Lejk jien nerfa’ ruħi, Mulej.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.
Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”. (Lq 21:25-28,34-36)
- Riflessjoni/talba:
i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.”
Jiġu mumenti fejn il-preżent jixrobna
jaqtagħlna nifisna
xejn stabbli,
dak li kont inserraħ fuqu qed jisparixxu.
Tkissir biss!
Irrifletti:
• Liema ġrajjiet qed joħolqulek sfida bħalissa?
ii. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
Jiġi mument fejn issib stedina
biex terfa’ ħarstek ‘l fuq
tara lil hinn mis-sitwazzjoni preżenti
tilmaħ dak li Alla jlesti għal dawk li jħobbuh.
Titmexxiex mill-biża
iżda mill-fiduċja
mir-relazzjoni.
Irrifletti
• Fejn qed tara stedina biex terfa’ ħarstek ‘l fuq?
iii. Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.
Hemm mod kif ma ninġarrx.
Evita l-aljenazzjoni
li ħajtek tinħela fuq xewqat li ma jwasslux fil-bogħod
“drogi” li jnessuk dak li l-provvidenza t’Alla qed tippreparaw għalina u għal kulħadd:
“Qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u sokor ma jmewtulkomx qalbkom.”
Iftaħ għajnejk fit-talb
biex it-taħwid li tiltaqa’ miegħu ma joħodlokx iċ-ċarezza u d-direzzjoni ta’ ħajtek,
biex meta ma jiġix kollox kif immaġinajt ma tinteliex b’dieqa li ma tħallikx timxi,
biex tkompli tfittex u ssib il-qawwa misterjuża li hi indispensabbli biex tiltaqa’ miegħU:
“Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu.”
Irrifletti
• Ieqaf ftit fis-skiet. Infetaħ għall-futur li hu f’idejn Alla.
- Missierna