Liema hi l-vera diversità?

Wieħed mill-prinċipji l-kbar tas-soċjetà tallum hi d-diversità. Ħadd mhu l-istess. Kemm is-soċjetà, u anki l-Knisja, ħadu s-snin biex jibdew japprezzaw tassew id-diversità.

Id-diversità tajba. Dan anki tara kwadru tal-arti. Kemm ikun fih ilwien. Għalkemm hawn tip ta’ arti fuq lewn wieħed imma anki dak il-kwadru għid li se jkollu fih xi sfumaturi fi ħdan l-istess lewn. Inkella jekk wieħed se joqgħod iħares biss lejn lewn wieħed bl-istess intensità xi jkun tassew kiseb fid-dinja tal-arti u tal-apprezzament tagħha?

Id-diversità tnebbaħ. Għal min jemmen, id-diversità turina l-ġmiel u l-għerf ta’ Dak li għamel u ħalaq kollox. Li, għal min għandu l-fidi Nisranija, jista’ jgħid li l-ogħla valur hu d-Diversità, jiġifieri t-Trinità Qaddisa. Xi jfisser dan? Ifisser li l-Għajn ta’ dak kollu li hu maħluq tilqa’ id-diversità għax hi nnifisha hi d-Diversità. Mela, id-diversità hi tajba u għandha tiġi ċċelebrata.

Jekk hawn ktieb li jiċċelebra d-diversità hu, bla dubju, il-Bibbja. Fil-fatt, fil-Bibbja hemm partijiet minnha fejn l-awtur sagru qed ifaħħar lill-Mulej għad-diversità fil-ħolqien. Ifaħħru għar-riħ, għall-muntajni, għall-ġlata, għas-silġ, għas-siġar u l-bqija. F’dan kollu l-awtur sagru qed jara l-omnipotenza u l-għerf infinit tal-Mulej li għamel kollox. Biżżejjed insemmu l-ġmiel ta’ Kantiku li nsibu fil-Ktieb ta’ Danjel f’kapitlu 3 minn versi 57 sa 88 biex naraw kemm dan huwa minnu.

Minn naħa l-oħra, il-Bibbja tgħallimna wkoll li għad jasal waqt meta din is-sbuħija tad-diversità għad tinġabar fi Kristu, Alla-Bniedem, li hu l-inkarnazzjoni tal-Unità fid-Diversità. Eżempju ta’ dan li qiegħed ngħid insibuh fil-Kantiku li għandna fil-bidu tal-Ittra lill-Efesin fejn San Pawl jikteb hekk: Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet; jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, kull ma hu fis-sema u kull ma hu fl-art (Efes 1:9-10). Interessanti naraw li l-Unità fid-Diversità hi r-rieda ta’ Alla. U tifhimha! Għax Alla, fih innifsu, fit-Trinità Qaddisa, hu Unità fid-Diversità, Alla wieħed fi tlett Persuni. X’ferħ hux!

Imma d-dinja, filwaqt li tipprova tasal għal dan l-idejal, li hu Alla nnifsu, qed tipprova tagħmel dan billi twarrab lil Alla u hekk titfixkel fiż-żarbun tagħha stess. Dan l-għaliex meta Alla jitwarrab allura r-raġuni mhux dejjem tibqa’ raġuni. Hu sabiħ li niċċelebraw id-diversità. U kulħadd għandu d-dritt li jkun hu u hi mingħajr xkiel ta’ xejn. L-individwu għandu jkun inkella jekk ikollna lil kulħadd l-istess allura nispiċċaw f’kollettiviżmu li hu jasar u ħanqa sħiħa tal-umanità u l-ispiritwalità tagħna.

Biss, il-jedd li nkun jien ma jfissirx li jagħtini l-jedd li naqbad u nidres fuq jew inkella nidħol bil-gaffa fuq il-jeddijiet ta’ ħaddieħor, aktar u aktar dawk spiritwali. Filwaqt li hu tajjeb li niċċelebraw il-fatt li kulħadd għandu d-dritt tiegħu biss irridu noqgħodu attenti wkoll li ma naqbdux u ngħaffġu fuq is-sensittivajiet reliġjużi ta’ ħaddieħor. Tant hu hekk li meta wieħed jidħol bil-gaffa fuq il-jeddijiet reliġjużi ta’ ħaddieħor wieħed ikun ħati ta’ stupru spiritwali. Il-kuxjenza tal-persuna tibqa’ sagrosanta u ħadd, anqas f’isem il-libertà, ma jista’ jagħmilha tiegħu. Għalhekk, ħadd m’għandu d-dritt li jimponi fuq ħadd imma kulħadd għandu d-dritt li jiżra kelma jew attitudni li, jekk wieħed jinfetaħ għaliha, taf tagħti lil dik il-persuna tama fil-ħajja u tgħinha fid-deċiżjoni li tieħu fil-kuxjenza tagħha.

F’ċerti pajjiżi, bħal Franza, fil-kostituzzjoni tal-pajjiż hemm il-magħruf kunċett tal-laïcité. Kull persuna, b’liġi għandha d-dritt li temmen jew ma temminx. Barra minhekk, ir-reliġjon għandha tinżamm ‘il barra mill-affarijiet pubbliċi. Imma r-reliġjon bil-bilfors tifred? Jista’ ikun li għad jasal iż-żmien fejn ir-reliġjon tgħaqqad milli tifred? U jekk inħarsu lura lejn l-istorja, kienet ir-reliġjon li firdet jew inkella kienu l-ambizzjonijiet personali ta’ wħud li użaw ir-reliġjonijiet biex juru snienhom u hekk waħħlu t-tiketta fuq dahar ir-reliġjon li tifred imma, u fil-verità, kienet il-kilba tagħhom għall-poter u mhux ir-reliġjon li mexxiethom?

Allura liema hi l-vera diversità? L-ewwel nett, il-vera diversità hi dik li tirrispetta l-kuxjenza tal-persuna, l-aktar il-konvinzjonijiet personali u reliġjużi tal-istess persuna. Sakemm dawn il-konvinzjonijiet ma jkunux ta’ theddida għall-għaqda u l-paċi nazzjonali l-ebda dritt ma jista’ jiġi eżaltat. Rajna dan l-aħħar li għalkemm hu dritt li iddaħħak ma tistax iddaħħak bi ħwejjeġ reliġjużi ta’ ħaddieħor. L-istorja reċenti urietna li min ma ħabbilx rasu fuq dan spiċċa maqtul kiesaħ u biered. It-tieni, il-vera diversità ma tgħaffiġx id-drittijiet la tal-maġġoranza u lanqas tal-minoranza. Mhux sewwa li l-maġġoranza taħkem fuq il-minoranza imma lanqas hu tajjeb li l-minoranza taħkem fuq il-maġġoranza. L-Oligarkija, it-tmexxija ta’ klikka, hi dittatorjat kiefer ukoll. It-tielet, il-vera diversità hi dik li tirrispetta l-prinċipji universali li jmexxu l-ħajja tal-bniedem. L-ebda demokrazija dawn ma tista’ tneħħiehom jew iddgħajjifhom f’isem il-kotra. Il-moralità mhux demokrazija għalkemm id-demokrazija hi suġġetta li tiġi ikkoreġuta mill-moralità. Ir-raba’, il-vera diversità tfittex li tippromovi d-djalogu bejn il-jien u l-aħna, bejn dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux u bejn dawk li jifhmu l-umanità tagħhom mod u dawk li jifhumha mod ieħor. Bħalma l-liġijiet tal-pajjiż jisħqu fuq l-għaqda u l-paċi hekk ukoll id-diversità għandha ġġib dawn iż-żewġ valuri fiċ-ċentru tad-diskussjoni. Għadd ta’ għejjun, fosthom ir-reliġjonijiet, żgur li għandhom x’jikkontribwixxu għal dan. U, fil-kuntest tagħna Ewropew, ejjew nibdew diskors serju fuq id-diċenza pubblika. Il-vera diversità tista’ timxi mal-moda ta’ “kollox jgħaddi” u “kulħadd jagħmel li jrid” jew għandha tieħu triq aktar matura? Hi din il-vera libertà?

U int x’taħseb fuq dil-biċċa xogħol? Liema hi l-vera diversità għalik?

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading