Ftit jiem oħra, se jinfetħu mill-ġdid il-bibien tal-Katidral famuż Gotiku tan-Notre Dame ta’ Pariġi, wara restawr li sewa ta’ 700 miljun ewro. Il-kampnar tas-seklu 19 inbena mill-ġdid b’kopja eżatta tal-oriġinal wara li waqa’ meta nħakem min-nar fl-2019. Aktar minn ħames snin wara l-inċident, l-investigazzjoni dwar x’kien li wassal għan-nirien għadha għaddejja, bi ħjiel s’issa ta’ kawża aċċidentali bħal short circuit, torċ ta’ welder jew sigarett.
Il-ħarsa tad-dinja, imxennqa għal dak li hu tassew ġmiel, se tkun fuq ir-restawr tal-Katidral wara l-ħsara kbira li saritlu bil-nirien ta’ ħames snin. Nhar is-Sibt 7 ta’ Diċembru se jidhru mill-ġdid il-pitturi bl-isplendur tagħhom fuq il-ħġieġ tat-twieqi, jispikka x-xogħol tal-ġebel u t-teknoloġija biex ittella’ s-saqaf li hu b’qafas tal-injam.
Wara n-nar tal-2019, li ġab fi fdal maħruq parti kbira minn dan il-kapulavur Gotiku tas-seklu 12 u li waqqa’ l-kampnar, il-Gvern Franċiż daħal għal proġett ambizzjuż li l-Katidral jerġa’ jinbena fi żmien ħames snin. Kien hemm dubji kbar dwar dan, imma mhux biss irnexxielhom, anzi, skont il-President Emanuel Macron, il-Katidral ġie “saħansitra aktar sabiħ minn qabel”.
Il-proġett ta’ restawr ta’ 700 miljun ewro kien finanzjat minn donazzjonijiet minn 150 pajjiż u twettaq minn madwar 2,000 persuna li pparteċipaw fix-xogħol iebes, inklużi periti, armar, saqaf, qniepen, ġebel u bennejja tal-orgni. Mingħajr ma tidher mit-turisti, saret sistema ta’ kanen lesti biex jitfgħu miljuni ta’ qtar ta’ ilma f’kas li jkun hemm nirien fil-futur.
Skont l-amministraturi tan-Notre-Dame, il-Katidral, li laqa’ fih 12-il miljun viżitatur fl-2017, hu mistenni li n-numru jogħla bejn l-14 u l-15-il miljun wara l-ftuħ mill-ġdid tal-Katidral. Xi ministri tal-Gvern ħarġu bl-idea li jkun hemm ħlas mit-turisti biex jidħlu fil-Katidral, imma l-Knisja Kattolika qalet li hu iktar important li jżommu l-prinċipju ta’ dħul b’xejn.
(Tista’ tara wkoll fil-Laikos – https://laikosblog.org/2022/08/26/kif-mastrudaxxi-medjevali-qed-jibnu-mill-gdid-in-notre-dame/)
Joe Galea
