“Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.
Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi.
Għannulu għanja ġdida;
doqqulu bis-sengħa u b’leħen qawwi.” (Salm 33:1-3) (3 sek pawsa)
Ejjew ħa nfaħħru lill-Mulej, għall-għeġubijet kbar li jagħmel magħna l-bnedmin.
Iva, o Mulej, illum irridu infaħħruk u nirringrazzjawk, tal-imħabba kbira li Int għandek għal kull wieħed u kull waħda minna.
Inroddulek ħajr, o Missier etern, għall-ħniena kbira li wrejt magħna l-bnedmin. Inti għoġbok tagħtina lill-Ibnek il-waħdieni fid-dinja, biex fi mħabba bla qies lejna l-midinbin, huwa ħelisna mill-qilla u l-ħakma tax-xitan. (2 sek pawsa)
Infaħħruk, O Ġesù, għax Int ma tieqaf qatt isejħilna bl-imħabba. Kont Int li ħabbejtna l-ewwel, biex aħna stajna nħobbuk; mhux għax teħtieġ imħabbitna, imma għax jekk ma nħobbukx, ma nistgħu qatt nilħqu l-ħsieb li ħlaqtna għalih.
Għalhekk, ejjew ħa nifirħu fil-Mulej! Għax kbir hu f’nofsna l-Qaddis ta’ Iżrael.
Silenzju/ background music 3 min
Innu:__________________
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa Lq 3:10-18
F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.
Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”. U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.
Il-Kelma tal-Mulej Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Mhux l-ewwel darba li staqsejna lil xi saċerdot, jew għamilna din il-mistoqsija lilna nfusna: ‘X’għandi nagħmel jien, biex ngħix ħajja ta’ qdusija? Jew x’għandi nagħmel biex insib ftit tal-paċi f’ħajti? (3 sek pawsa)
F’din is-silta, se niltaqgħu mat-tlett kategoriji ta’ nies li jersqu għand Ġwanni l-Battista, huma wkoll jistaqsuh: “X’għandna nagħmlu?” Ġwanni l-Battista jwieġeb b’mod ċar. Huwa jinsisti fuq il-ġustizzja u l-imħabba fil-ħajja tal-poplu tiegħu. “Min għandu żewġ ilbiesi jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Hawn jurina l-bżonn li rridu nkunu ġenerużi ma’ dawk li huma fil-bżonn. (2 sek pawsa)
Lill-pubblikani, lil dawk li kienu jiġbru t-taxxi, jitlobhom li jkunu ġusti fil-ġbir tat-taxxa. “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi żejda milli jmisskom tieħdu”. Ġwanni l-Għammied qed jagħmlilhom stedina biex ikunu persuni onesti fix-xogħol tagħhom. Filwaqt lis-suldati, Ġwanni jgħidilhom biex ma jisirqu lil ħadd bit-thedid jew bil-qerq.
(2 sek pawsa)
Dawn it-tweġibiet li Ġwanni l-Battista jagħti lil dawn it-tlett kategoriji ta’ nies jgħoddu għal kull wieħed u kull waħda minna. Jien, qed inkun ġeneruż? Qed inħobb b’imħabba kif iħobbni Alla? Qed inkun onest u ġust fil-ħajja tiegħi?
Silenzju 3 min
Ġwanni Battista ma jxandarx magħmudija ta’ ndiema bi kliem mimli zokkor, jew b’mod devozzjonali; imma jitlob impenn serju. Jekk jien irrid ngħix ta’ nisrani, jeħtieġ li nfassal ħajti fuq il-Kelma u fuq il-liġi ta’ Alla. Ġwanni l-Battista qed jitlob lin-nies li resqu lejh, biex iġibu ruħhom skont il-ġustizzja u l-imħabba. T-triq tal-konverżjoni li jitlob minnhom hija triq li titlob serjetà; titlob mill-bniedem biex jimpenja ruħu biex jgħix skont kif jixtieq minnu Alla l-imbierek. (3 sek pawsa)
Dan huwa l-messaġġ tal-Battista, din hija s-sejħa tal-konverżjoni u tal-indiema li l-Battista qed jagħmel lili u lilek illum. Qisu bħal donnu qed jitlobna ngħixu l-ġranet tal-Avvent u tal-Milied mhux f’sakra ta’ devozzjoni, imma jitlobna nagħmlu eżami ta’ kuxjenza serju, fuq kif inġibu ruħna mal-oħrajn.
Il-Kelma ta’ Alla tixprunana biex nieħdu aktar bis-serjetà s-sejħa tagħna ta’ nsara, u nkunu sinjal tal-ġustizzja u mħabba, illi Alla nnifsu juri magħna.
Jalla l-kelma tal-Battista tinżel f’qalbna u tbiddilna.
Silenzju/ soft background music 3 min
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunità
Mulej Alla, Missier tagħna, Inti ridt li tħabbeb miegħek lill-bnedmin kollha permezz ta’ Ibnek Ġesù, li ġie fid-dinja biex jifdina u jgħaqqadna lkoll flimkien, isma’ t-talb l’ issa sejrin nagħmlulek.
Nitolbuk Mulej, għall-Knisja, biex iżżomm lil Kristu u l-Kelma tiegħu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha. Nitolbu
Ieqaf mal-komunità tagħna kollha, biex f’dawn il-ġranet tiddi bil-ferħ li ġabilna Kristu. Nitolbu
Qawwina fil-fidi, ħeġġiġna fit-tama, u kattar fina l-imħabba. Agħmel li ngħixu bħala wlied maħbuba fuq l-eżempju ta’ Ibnek Ġesù Sidna. Nitolbu.
Ħenn għal dawk kollha li ma jistgħux iġarbu l-ferħ tal-Milied, minħabba l-inġustizzji, t-theddid, in-nuqqas ta’ mħabba, jew il-mewt ta’ xi ħadd għażiż għalihom; biex il-miġja ta’ Kristu tagħtihom il-ferħ veru. Nitolbu.
Saħħaħ il-ħidma ta’ dawk li qegħdin iħabbirku għall-ġid tal-bnedmin kollha; kun it-tama ta’ dawk li qegħdin ifittxuk, biex isiru jafuk u jħobbuk. Nitolbu
Fis-skiet inresqu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Kant: Dal Misteru