Nhar il-Ħamis, 9 ta’ Mejju 2024, iċċelebrajna l-festa tal-ewwel qaddis Malti ikkanonizzat mill-Knisja. Qed nirreferi għal San Ġorġ Preca.
Naf li dan il-qassis qaddis m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni magħkom. San Ġorġ kien bniedem tal-Mulej u anki tal-Knisja. Tal-Mulej l-għaliex Alla, f’kollox, kien l-ewwel u qabel kollox f’ħajtu. Biżżejjed insemmu dik it-talba li tgħidx kemm kien iħobb isemmieha għax kien jitlobha minn qalbu: Sinjur Alla, jien għandi bżonnok. Ta’ għaref li kien, Dun Ġorġ għaraf minn seba’ mili bogħod il-verità li hemm fil-Kelma ta’ Kristu: Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; mbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu. Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi (Ġw 15:5-7).
Għax kellu qalb tan-nar għal Alla, San Ġorġ seta’ aktar, minn ħajtu stess, jikkontempla dak il-wiċċ li jifforma l-għaxqa tal-qaddisin. Fil-wiċċ ta’ Kristu Dun Ġorġ ra t-tletti iqlub f’qalb waħda jiffurmaw dak kollu li kien u l-missjoni tiegħu f’din id-dinja. Il-qalb tan-nar għal Alla wasslietu biex ikollu qalb tal-laħam għall-proxxmu, l-aktar fil-maħfra li kien jgħix fil-konfront ta’ min weġġgħu bis-sħiħ. Dun Ġorġ fehem li ma setax tassew iħobb lill-Mulej jekk ma jrażżanx it-tentazzjoni li jaħseb fih innifsu u jpoġġi lilu nnifsu l-ewwel.
L-imħabba u d-dedikazzjoni lejn Alla wasslietu biex jipprattika opra tal-ħniena ferm importanti: Agħllem lil min ma jafx. L-injoranza twassal lill-bniedem għal ħafna niket. Għalhekk dan il-qassis tal-ispirtu ħalla l-Ispirtu s-Santu jiffurmah fl-iskola tiegħu tal-qadi lil ħutu. Kien l-Ispirtu li ħadu ħdejn il-poplu t’Alla ħa jara x’inhuma l-bżonnijiet tiegħu u hekk jagħraf iwieġeb għal dawn il-bżonnijiet bil-qawwa tal-istess Spirtu s-Santu.
L-imħabba lejn Alla għal San Ġorġ Preca kienet tfisser din: Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla. Kemm għandna bżonn nitolbuha kontinwament din it-talba! U, aktar ma nitolbuha, aktar il-qalb tagħna timtela’ bl-imħabba u bl-adurazzjoni li jixirqu lil Alla waħdu. Imma l-Mulej jiftaħna għall-preżenza tiegħu fl-oħrajn. U dan Dun Ġorġ ifakkarulna bit-tagħlima: Ġid lil kulħadd u deni lil ħadd. Kemm hu sabiħ li kuljum lill-Mulej nitolbuh: Għinni Mulej ħalli nħallik fija tagħmel il-ġid lil kulħadd u deni proprju lil ħadd.
Meta tkun għaddej u għaddejja minn Blata l-Bajda għal Ħamrun ħares lejn iż-żewġ irħamiet mal-ħajt tal-awditorjum ta’ barra tal-MUSEUM. Fihom għandek tara dawn iż-żewġ sentenzi. Aqrahom. Itlobhom. Għixhom…
Patri Mario Attard OFM Cap