Ktejjeb żgħir bil-kant tal-Milied
Jiena nħobb inżomm kotba tal-kant qodma, fosthom ktieb ċkejken bil-kant tal-Milied, li għat-tielet darba kien pubblikat, 60 sena ilu mis-Soċjetà tal-MUSEUM, bl-isem ta’ Ġabra ta’ Innijiet għall-Milied. Hi kollezzjoni żgħira, bi ftit innijiet, imma dan il-ktejjeb jirrifletti x’kien il-kant popolari tal-Milied f’Malta. L-għanjiet huma bil-Malti, għajr xi versi li kienu jitkantaw bil-Latin.

Fih ukoll għanjiet ta’ ilsna oħra tradotti għall-Malti, bħalma huma, O Lejl ta’ Skiet, Ejjew O Insara u Immorru sa’ Betlem. Dawn sbieħ, u min jaf kemm tkantaw minn fuq dak il-ktieb ċkejken. Imma l-għanjiet miktubin minn Maltin jagħmluna aktar familjari magħhom Xi wħud minn dawn, tista’ tgħid b’dispjaċir, li ntesew. Bħall-għanja Emanweli Ġmiel il-Ġenna, forsi għax ma nafux kif titkanta. Mhix daqshekk qadima, anzi ssibha f’kotba moderni, bħall-Iktus. Fiha kliem sempliċi, b’messaġġ qawwi.
Emanweli ġmiel il-Ġenna
Alla magħna merħba bik.
Int is-saħħa li jistenna
Kull min għandu mħabba għalik.
F’għar ta’ Betlem fuq maxtura
Fejn twelidt fil-bard u l-ksieħ
Minn omm xbejba għalik maħtura
Li qimitek bla mistrieħ.
U l-messaġġ li tagħtina hu stedina għal min ma japprezzax l-imħabba ta’ Ġesu’. U din l-istedina hi karatteristika fl-għanjiet tal-Milied purament Maltin. Tgħid:
Dak hu l-ksieħ tal-qalb ħażina
Li trid thallsek bit-tmaqdir
Għal kemm ġid għamilt għalina
Ġid tal-għaġeb l-aktar kbir.
Għalkemm il-ktieb li semmejt m’għandux għażla kbira bħall-kotba tal-lum, fih l-għanjiet li baqgħu magħna tul iż-żmien. Fih Ejjew tfal ngħollu leħinna, li jesprimi l-imħabba tat-tarbija fil-maxtura; Betlem, Betlem Art ta’ Ġuda, li jgħallimna l-ferħ fl-umiltà; il-famuża Il-Benniena ta’ Ġesu’ Bambin, nafuha bħala Ninni la Tibkix Iżjed, bi ħdax il-kantalena, bħal dawk li kienu jkantaw bil-mod l-ommijiet sakemm jiġ n-ngħas fuq it-tfal tagħhom u jorqdu.
Għanjiet minn ilsna oħra
L-għanjiet Maltin tal-Milied għandna nibżgħu għalihom u nagħtuhom preferenza. Ngħidu aħna fil-purċissjoni tradizzjonali tal-Bambin naraw li nkantawhom, flimkien ma’ dawk li ġew tradotti minn ilsna oħra. L-aqwa li jkunu tassew tal-Milied. Għax issib min jagħmel mill-purċissjoni tal-Bambin wirja tal-banda u l-kant ma jinstemax. Din il-purċissjoni hi ‘dimostrazzjoni’ sempliċi, u jixirqilha l-kant li jaf u li jista’ jkanta kulħadd, żgħar u kbar.
Insibu O Lejl tas-skiet, għanja mill-Ġermanja, li se ngħidu kif oriġinat; Tu scendi dalle stelle, miktuba minn San Alwiġi Maria dei Liguori; sabiħa tassew O Holy Night, għanja Franċiża bl-isem ta’ Minuit, chrétiens, speċjalment meta nisimgħuha minn Andrea Bocelli imħallta mal-vuċi sabiħa ta’ Celine Dion.
Wara xi għanjiet ikun hemm storja. Insemmu biss Is-Silent Night, li bil-Malti nkantawha O Lejl ta’ Skiet. Fiha storja sabiħa. Oriġinat fl-Awstrija, f’villaġġ qalb il-muntanji, jismu Oberndorff. Joseph Mohr, il-kappillan ta’ knisja żgħira, kiteb il-versi ta’ dan l-innu magħruf f’lejliet il-Milied tal-1818. Il-qassis u l-organista tal-knisja, Franz Gruber, kienu nkwetati għaliex il-ġrieden kienu gerrmu l-minfaħ tal-orgni, u ma setax ikollhom mużika għall-Quddiesa ta’ nofsillejl. Miexi fit-triq, il-qassis ra s-sema mimli kwiekeb, f’lejla siekta, fil-bard tax-xitwa, f’art fejn tinżel il-borra. U kiteb poeżija: “O Lejl ta’ skiet, lejl tal-Milied…” Gruber kien tant milqut mill-poezija ta’ Fr Mohr u qegħdilha l-mużika hekk hekk sabiha li wasslet l-innu man-nahat kollha tad-dinja.
Meta naħsbu dwar il-kliem tal-għanjiet tal-Milied nifhmu li qegħdin hemm biex iressquna lejn Ġesu’, idaħħluna fil-veru spirtu tal-Milied. Nistgħu f’dan iż-żmien tal-Avvent noqogħdu quddiem il-grotta, jew quddiem ix-xbieha ta’ Ġesu’ Bambin, nieħdu ktieb tal-kant f’idejna, nagħżlu innu u nkantaw bil-mod kif nafu. Ħaġa sempliċi, li ddaħħalna fil-veru spirtu tal-Milied.
Minn Joe Galea