Alla li jsir bniedem bħalna f’familja

Messaġġ tal-Isqof Anton Teuma għall-Milied 2024

Messaġġ tal-Isqof Anton Teuma għall-Milied 2024

Dan iż-żmien tal-Milied huwa speċjali. Ilkoll kemm aħna nafu li hu żmien li joħroġna mir-rutina tal-ħajja ta’ kuljum… ikliet, ħwejjeġ ġodda, rigali, laqgħat mal-ħbieb… huma kollha sbieħ, u għalhekk jagħmlu dan iż-żmien speċjali.

Imma dan kollu hu marbut ma’ ġrajja sempliċi, ma’ storja ta’ koppja li jkollha tarbija. Fl-istess ħin, għalkemm din il-ġrajja tidher ordinarja, hija wisq straordinarja, għax din it-tarbija hija l-Iben ta’ Alla, l-istess Alla li jsir bniedem.

Ir-riskju jkun li f’dan iż-żmien partikulari nagħmlu kollox, inkunu mħabbtin ħafna, u ninsew l-essenzjal, dak li hu l-qofol ta’ dan iż-żmien, jiġifieri l-ġrajja tat-Twelid ta’ din it-tarbija, ta’ Alla li jsir bniedem bħalna f’familja.

Alla jsir bniedem sempliċiment biex jgħin lill-bniedem fl-esperjenzi tiegħu tal-ħajja ta’ kuljum, jgħin lilna ngħixu d-diffikultajiet, il-mard, il-problemi, il-kunflitti fir-relazzjonijiet, it-tmiem ta’ relazzjoni, il-vojt li tħalli l-mewt ta’ persuna għażiża.

Għalhekk Alla jsir bniedem! Mhux biex jagħtina xi tip ta’ garanzija fuq il-futur tagħna jew xi tip ta’ miraklu jew affarijiet staordinarji fil-ħajja tagħna; imma biex jgħinna ngħixu l-ħajja ordinarja, il-mumenti kollha tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, bħallikieku kienu l-mumenti ta’ Alla.

Biex nagħmlu dan hemm bżonn li nisimgħuh, hemm bżonn li nieqfu biex ikollna żmien ta’ silenzju u nisimgħu lill-istess Alla jkellimna, jurina u jdawwalna kif għandna ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Proprju minħabba f’hekk fid-Djoċesi tagħna qiegħda ssir bħalissa Viżta Pastorali: biex nagħtu ċans lil Alla jħobbna, biex nagħmlu wisa’ għall-imħabba u l-kura li Alla għandu għalina. Alla ma jrid xejn mingħand il-bniedem ħlief ħaġa waħda: li l-bniedem ikun lest jilqa’ l-imħabba tiegħu.

Għalhekk il-Milied! Għalhekk il-ħidma kollha li tagħmel id-Djoċesi u l-ħidma kollha li nagħmlu fil-pastorali tagħna. Għalhekk ukoll qegħdin inniedu f’dawn iż-żminijiet ħidma speċjali favur il-familja: din il-familja li hi tant għażiża, li fiha Alla nnifsu jogħġbu jitwieled u jsir membru ta’ din ir-realtà umana.

Fiż-żmien li ġej qegħdin nippruvaw nilħqu kull faxxa u kull tip ta’ nukleu familjari: kemm il-familja kif nafuha tradizzjonalment, imma wkoll il-familja kif qed tieħu l-forma tagħha llum, għax kulħadd hu importanti f’għajnejn Alla.

Il-Milied mhux għajr il-festa ta’ dak li hu sempliċi. Il-Milied mhux għajr il-kapaċità li naraw l-istraordinarju f’dak li hu ordinarju. Il-Milied mhux għajr Alla nnifsu li jidħol fl-istorja sempliċi u normali tal-bniedem. Il-Milied mhux għajr dawl fuq id-dlam tal-bniedem. Il-Milied mhux għajr aħbar sabiħa, tama fejn hemm il-qtigħ ta’ qalb u d-dwejjaq.

Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd, b’mod speċjali hemm fejn hemm id-diffikultajiet u t-tbatija.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading