X’Imħabba tal-imħabbiet

Issa li wasalna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid il-mistoqsija tinbet waħedha: “X’inhu l-Għid? L-għaliex hu mportanti? X’niċċelebraw fl-Għid?”

Imma qabel nidħol ftit f’din il-kwistjoni nixtieq qabel xejn inqabbel l-Għid mal-kelma “mħabba”. Kemm hawn tipi ta’ mħabba madwarna hux! Ibda mill-imħabba li nuru lejn xi annimal, imbagħad lejn xi oġġett tal-arti jew inkella xi lbies. Hawn min iħobb il-karozzi u hawn min jinfexx iħobb l-għamara u d-dar.

Insomma, għamliet ta’ mħabba hawn kemm trid.

Ġieli ninsewha

Fit-taħdit tagħna nħobbu nużawha l-kelma “mħabba”. Hawn min jeħel fuq il-kelma “mħabba” l-għaliex jorbotha biss mal-pjaċir sesswali f’relazzjoni. Issib min iħobb raġel, mara jew anki persuna tal-istess sess. Hawn min il-kelma “mħabba” jaraha f’sens usa minn imħabba bejn żewġ persuni wkoll. Għalih u għaliha tnejn, tlieta, erba,’ u għid li trid, flimkien huma “mħabba” wkoll.

Hu x’inhu l-każ u hi x’inhi ċ-ċirkustanza, fil-qiegħ ta’ qalbna nħossu ħaġa mportantissma: Li nħobbu u nkunu maħbuba. Li xi ħadd jieqaf u jagħti ftit kasna, imqar għal waqt wieħed biss. F’kelma waħda, li xi ħadd jaffordja, imqar għall-mument wieħed, li d-dinja tiegħu u tagħha tiffoka fuqi u fuqek.

Illum ngħid li meta naħsbu f’ħafna ħsibijiet barra dan il-fatt fil-ħajja nkunu qed nitilfu ħafna u ħafna. Għax, u wara kollox, nemmnu u ma nemmnux, fina hemm il-potenzjal li nidħlu f’relazzjoni u li nħallu dik ir-relazzjoni turina min aħna u anki tiftħilna orizzonti ġodda fil-ħajja biex aktar ningħataw.

L-imħabba bħala rebbiegħa

L-Għid jiġi fl-istaġun tar-rebbiegħa. Darba qrajt sentenza li għamlitli biżiblju ġid fuq ir-rebbiegħa. Din tgħid hekk: “Ir-rebbiegħa hi ħafna aktar minn sempliċiment bidla ta’ staġuni. Hi twelid ġdid tal-ispirtu”.

Meta smajtha ma stajtx ma nieqafx u nħalli dan il-kliem qaddis idaħħalni f’meditazzjoni mill-isbaħ. Ir-rebbiegħa titħaddet dwar twelid ġdid tal-ispirtu. Mela, jekk l-Għid hu l-festa ewlenija tal-Knisja Nisranija li tiċċelebra l-Qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu fit-tielet jum wara t-tisliba tiegħu allura għalija l-Għid ifisser QAWMIEN MILL-ĠDID.

Mhux dan hu li jiġri fir-rebbiegħa? Il-ħajja donnha tidħol fir-raqda tax-xitwa biex imbagħad tirxoxta għall-ħajja fl-istaġun tar-rebbiegħa.

Ħaġa li nħossuha lkoll

Ilkoll kemm aħna nħossu li għandna ninbidlu għall-aħjar f’ħajjitna. Anki min iħossu jiċċajpar fuq dan il-fatt xorta waħda, fil-qiegħ ta’ qalbu, ikun jixtieq li fil-ħajja jimxi ‘l quddiem. U jagħmel sewwa fuq li sewwa għax dan hu tabilħaqq dinjituż.

Imma nikber f’hiex? Fl-għaqda tiegħi mal-Għajn li minnha jiġi l-veru progress li, ngħaddi minn liema staġuni ngħaddi mill-ħajja, dan il-progress se jibqa’ jikber tabilħaqq fija. Ġesù qalilna li hu l-veru Għajn biex bniedem tassew jikber kif tant jixtieq fil-profond ta’ qalbu. Fil-vanġelu ta’ San Ġwann jgħidilna hekk: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom. Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:1-5).

Għaliex Ġesù u mhux ħaddieħor?

Personalment inħobb nitħaddet ma’ ħafna nies, hi x’inhi r-reliġjon tagħhom u anki ma’ dawk li jistqarru li huma bla ebda reliġjon. Aktar ma nisma’ dak li għandhom x’jgħidu fija tidwi l-mistoqsija: “Għaliex Ġesù u mhux ħaddieħor?”

L-ewwel, Ġesù stess qal li hu l-Iben ta’ Alla. Jgħidilna: “Bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier;… Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw 10:15.30). Fit-tħabbira tal-anġlu Gabrijel lil Marija, l-Omm u l-Wellieda ta’ Alla u Ommna, jgħidilha għal Ġesù: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru” (Lq 1:32). Jissokta jgħidilha: “U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1:35). Ix-xjaten stess jistqarru li Ġesù Hu Bin Alla: “Minn ħafna nies bdew joħorġu wkoll ix-xjaten, jgħajjtu u jgħidu: “Inti Bin Alla!” Iżda hu kien jheddidhom u ma ħallihomx jitkellmu, għax huma kienu jafu li hu l-Messija” (Lq 4:41).

It-tieni, Ġwanni l-Battista ħabbar lil Ġesù ta’ Nazaret bħala l-Iben ta’ Alla l-Ħaj. Jgħidilna San Ġwann l-Evanġelista fil-vanġelu tiegħu: “Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-Iben ta’ Alla'” (Ġw 1:34). It-tielet, l-appostli u d-dixxipli tiegħu stess jistqarru li Ġesù hu l-Iben t’Alla. Fil-vanġelu ta’ San Mattew insibu żewġ waqtiet fejn nisimgħu din l-istqarrija: “Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: ‘Tassew, int Bin Alla!’” (Mt 14:33). ‘Imma intom min tgħidu li jien?’ staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: ‘Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj’” (Mt 16:15-16). Ir-raba’, it-twelid ta’ Ġesù minn Marija li baqgħet verġni. Lill-anġlu Gabrijel Marija tistaqsieh dwar dan u hu jweġibha f’dan id-djalogu interessantissmu: “Iżda Marija qalet lill-anġlu: ‘Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?’ Wieġeb l-anġlu u qalilha: ‘L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla’” (Lq 1:34-35).

Il-ħames, Ġesù hu l-Iben t’Alla għax hu nnifsu jkellimna dwar il-pre-eżiżtenza tiegħu, jiġifieri li hu kien minn dejjem mal-Missier. Jgħidilna San Ġwann fil-vanġelu tiegħu: “U issa, Missier, igglorifika lili għandek, bil-glorja li kelli miegħek qabel ma kienet id-dinja” (Ġw 17:5). Is-sitta, Ġesù hu l-Iben t’Alla għax għandu l-qawwa li jaħfer id-dnubiet. Ir-rakkont f’San Mark ifisser dan kollu: “Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: ‘Ibni, dnubietek maħfura.’ Mela kien hemm bilqiegħda xi wħud mill-kittieba, u f’qalbhom bdew jgħidu: ‘Dan kif qiegħed jitkellem hekk? Dan qiegħed jidgħi! Min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla biss?’ Malli Ġesù ntebaħ fih innifsu x’kienu qegħdin jgħidu bejnhom u bejn ruħhom qalilhom: ‘Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom? X’inhu l-eħfef, tgħid lill-mifluġ, ‘Dnubietek maħfura’, jew tgħidlu, ‘Qum u aqbad friexek u imxi’? Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art,’ qal lill-mifluġ, ‘Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek.’ Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ ‘il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: ‘Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom’” (Mk 2:5-12).

Is-seba’, Ġesù hu l-Iben t’Alla għax Alla l-Missier stess qal dan quddiem kulħadd. L-evanġelista San Mattew jagħtina din ix-xhieda pubblika ta’ Alla l-Missier f’żewġ postijiet fil-vanġelu tiegħu: “Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: ‘Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi’” (Mt 3:16-17). “Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: ‘Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu’” (Mt 17:5).

Minkejja dan kollu … libes il-fardal

Ġesù jikkonvinċini għax, u minkejja dan kollu, libes il-fardal u ħasel riġlejn id-dixxipli (ara Ġw 13:5), tana lilu nnifsu fl-Ewkaristija (ara Mt 26, 26-30; Mk 14, 22-26; Lq 22:14-20), ħafer lil min qatlu billi sallbu (ara Lq 23:34) u tana lil Ommu Marija b’Ommna (ara Ġw 19:25-27). San Pawl jgħidilna: “Hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx
ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-
mewt tas-salib” (Fil 2:6-8).

Lilna l-Insara dan kollu aktar għandu jlibbsa l-fardal ħalli naqdu u nixhdu min hu Ġesù. Ibda’ minn għemilna u spiċċa b’qawwa mimlija mħabba u persważjoni, bi kliemna u b’tagħlimna.

Kif tista’ ma tħobbux lil Ġesù? Kif tista’ ma temminx fih u ma timxix warajh? X’Imħabba tal-imħabbiet!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading