Ir-4 Ħadd matul is-Sena – Ċ

Ħsieb minn D. Edward Vella

L-aktar xewqa importanti li għandu kull bniedem hija li jkun maħbub; xejn aktar ma jista’ jagħtina ferħ minn meta nħossuna maħbubin verament. Il-ġenituri tagħna, u l-aktar l-omm, huma dawk li jħobbuna l-ewwel: din l-imħabba hija bħall-pedament ta’ ħajjitna għax twassalna biex inħobbu u naċċettaw lilna nfusna. Iżda l-imħabba tal-bnedmin hija dejjem limitata u fraġli; mhux l-ewwel darba li nħossuna mweġġgħin anke minn dawk li forsi nistennewhom l-aktar li jħobbuna.

Iġegħlna nirriflettu dak li jgħid Alla lill-profeta Ġeremija fl-ewwel qari tal-lum: ‘Qabel ma sawwartek fil-ġuf għaraftek, qabel ma ħrigt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek’. Kull wieħed u waħda minna jista’ japplika dan il-kliem għalih/għaliha; il-ġenituri tagħna setgħu jixtiequ tarbija qabel ma tnissilna aħna, iżda żgur ma setgħux jixtiequ lilna għax aħna ma konniex neżistu, ma kienux jafuna, u allura meta twelidna riedu huma wkoll isiru jafuna u jaċċettawna bis-sabiħ u l-inqas sabiħ tagħna. Ma nistgħux ngħidu l-istess għal Alla: Hu kien jafna kif aħna qabel ma tnissilna fil-ġuf ta’ ommna, u aħna stajna neżistu biss għaliex huwa ħabbna u riedna kif aħna. Kemm tagħmlilna ġid din il-Kelma t’Alla jekk inżommuha f’moħħna u f’qalbna!

San Pawl fit-tieni qari jgħidilna li l-imħabba ma nistgħux biss nirċevuha, jekk nieqfu hemm l-imħabba, bħal żerriegħa li qatt ma tinżergħa fil-ħamrija, tista’ biss tmut. L-imħabba trid tirċeviha u tagħtiha biex tagħmel il-frott. Il-bniedem li ma jafx iħobb bil-verità huwa l-aktar bniedem fqir u miskin, għax huwa nieqes mill-isbaħ ħaġa tal-ħajja. San Pawl ikompli jwissina biex ma nieħdux l-imħabba ‘for granted’; ‘u l-ġenituri ma tafx li jħobbuhom lil uliedhom, u t-tfal ma tafx li jħobbu lill-ġenituri, u r-raġel ma tafx li jħobb lil martu u vice versa…’ le mhux bil-fors. Ħafna drabi aħna naħsbu li l-imħabba hija għandek jew ma għandekx, speċi ta’ abjad u iswed, naħsbu li l-imħabba hija biss emozzjoni, u ninsew li l-imħabba hija proċess, vjaġġ li trid taħdem għalih b’rieda sħiħa, u li jekk tieħdu ‘for granted’ faċli titlef kollox.

Ġesù fil-vanġelu tal-lum jurina x’inhi d-differenza bejn l-imħabba u l-fsied. L-imħabba vera ma tibżax mill-isfidi għax tixtieq il-veru ġid ta’ min tħobb, fil-waqt li l-fsied ifisser protezzjoni żejda li qatt ma tħalli lill-persuna tikber u timmatura. Ġesù joffri sfida lin-nies ta’ raħlu, mhux għax ma jħobbhomx, iżda biex jistedinhom jikbru fl-imħabba. Huma ftit li jaċċettaw din l-isfida, u mhux fi żmien Ġesù biss.

Mulej Ġesù kemm tħobbna u kemm tgħallimna kif għandna nikbru fl-imħabba! Għinna biex inkomplu dejjem nikbru fil-konvinzjoni profonda li Inti tħobbna bi mħabba bla qies,   u ukoll biex qatt ma nieqfu nħobbu lill-oħrajn anke meta dan insibuh diffiċli għalina, għax nemmnu li hija l-imħabba vera biss li tagħti sens veru lill-ħajjitna. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading