5 Ħadd matul is-Sena Ċ

Ħsieb minn D. Edward Vella

Żgur li smajna min jgħid li ma tistax tkun taf x’togħma fih kejkqabel ma dduqu, lanqas jekk jgħidulek kemm jgħidulek li hu tajjeb jew x’togħma fih, trid dduqu biex tkun taf. L-istess ngħidu li persuna trid tagħmilha magħha biex tkun taf min hi. Dan jgħodd iżjed u iżjed għal Alla; tisma’ kemm tisma dwar Alla qabel ma tagħmel l-esperjenza tiegħU int ma tistax tifhem min hu Alla u x’differenza enormi jista’ jagħmel f’ħajtek.

Il-qari tal-lum qiegħed joffrilna l-esperjenza li kellhom ta’ Alla diversi persuni. Fl-ewwel qari mill-ktieb tal-profeta Isaija smajna kif dan il-profeta kellu esperjenza tal-kobor ta’ Alla fit-tempju ta’ Ġerusalemm; quddiem din l-esperjenza l-profeta jħossu xejn u għalhekk jagħraf id-dnub tiegħu. Alla jippurifika lill-profeta minn dnubu u hekk quddiem l-istedina ta’ Alla ‘Lil min sa nibgħat? Min sa jmurilna?’, il-profeta ma qagħadx lura iżda wieġeb b’ġenerożità, ‘Hawn jien: ibgħat lili!’ F’dan kollu naraw it-tliet tarġiet li jiffurmaw l-esperjenza personali ta’ Alla; l-ewwel, esperjenza tal-qdusija ta’ Alla; it-tieni, l-profeta jagħraf x-xejn/dnub tiegħu u jiġi ppurifikat; u t-tielet, Alla jagħmel sejħa lill-profeta u hu jwieġeb għaliha.

Fl-evanġelju tal-lum insibu esperjenza simili. Ġesù jxandar il-Kelma t’Alla lill-poplu u biex jagħmel dan jiġi bżonn tal-għajnuna ta’ Pietru u sħabu li kien għadhom kemm ġew lura diżappuntati wara lejl jistadu u ma qabdu xejn. X’ħin spiċċa jitkellem, jgħid lil Pietru jaqla l-barra u jkala x-xbiek. Pietru, nimmaġinaw li kien mqanqal mill-Kelma li kien għadu kemm wassal Ġesù u għalhekk jobdi; ‘Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek’. Hekk Pietru jagħmel l-esperjenza ta’ Ġesù, Alla magħmul bniedem għalina, u tal-qawwa tiegħu anke fuq in-natura. Quddiem dan kollu Pietru jistqarr; ‘Tbiegħed minni Mulej, għaliex jiena raġel midneb!’. U minnufih Ġesù jagħtih missjoni speċjali, ‘Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies’.

Aħna wkoll jeħtiġilna nistaqsu lilna nfusna: jien għamiltha l-esperjenza ta’ Alla? Li wieħed imur il-knisja mhux bil-fors ifisser li huwa għamel esperjenza personali u awtentika ta’ Alla. Kif tkun taf jekk għamiltiex din l-esperjenza ta’ Alla jew le? It-tweġiba hija sempliċi; jekk int konvint li Alla jħobbok, jekk għalik ir-relazzjoni tiegħek ma’ Alla tiġi l-ewwel u qabel kull relazzjoni oħra, allura x’aktarx li int qiegħed tagħmilha din l-esperjenza. Minn naha l-oħra jekk inti għalik il-fidi tfisser biss lista ta’ obbligi allura il-Mulej qiegħed isejjaħlek biex bħal Pietru u Isaija tiltaqa’ miegħU.

Mulej Ġesù, bħal Pietru, aħna nixtiequ niltaqgħu miegħek, insiru nafuk u fuq kollox nixtiequ nħobbuk għax nafu kemm tħobbna. Agħtina l-għajnuna biex ma naqtgħux qalbna meta nsibu t-tfixkil fil-vjaġġ tal-fidi, iżda b’fiduċja sħiħa fl-imħabba tiegħek inkomplu mexjin warajk kif għamlu l-appostli. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading