Is-Sena t-Tajba! Nawguralek minn qiegħ qalbi li s-Sena 2023 tkun mimlija b’ħafna tama għalik f’ħajtek. B’dan it-ton ta’ ferħ, li l-Ispirtu s-Santu bih qed jagħtini l-grazzja biex insellimlek u nissapportjak bih f’dan il-jum importanti għalina bħala bnedmin, nagħtik merħba għal sena oħra.
Imma, din is-sena, inħoss li m’għandhiex tkun għalik u għalija sena bħas-snin l-oħra li għexna qabel. Le sieħbi! Din is-sena għandha tkun speċjali għalina! Mhux l-għaliex se tkun mingħajr problemi u mingħajr mumenti fejn, mingħajr ma trid u rrid, ikollna aptit nagħmlu tagħna l-karba li nsibu mnaqqxa fil-fond fil-vanġelu minn nies li ma jibdewx jaraw aktar: “Imbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet, ‘Ordmuna!” (Lq 23:30). Dawk il-mumenti se jibqgħu jiġu fuqna. Tad-demm u l-laħam aħna u fid-dinja qegħdin. Madankollu, fil-bidu semmejt il-kelma “tama”. U din tgħid kollox tassew!
Nitlob li jkollna sena ta’ tama. Għax it-tama f’ħajtek u f’ħajti qiegħdha! U, b’xhieda ta’ dan, nixtieq insemmi dak li jgħid Papa Franġisku fuq it-tama: “Għalkemm il-ħajja ta’ persuna hi art mimlija xewk u għollieq, dejjem hemm spazzju li fih iż-żerriegħa t-tajba tista’ tikber. Għandek tittama fil-Mulej”. Mod tassew sabiħ li jgħinni nittama fil-Mulej hu l-ħajjiet tal-qaddisin. Għax dawn, ħajjithom, li żgur li kienet art mimlija xewk u għollieq, fiha kien hemm iż-żerriegħa t-tajba tal-qdusija. Mhux ta’ nies li jinqatgħu mill-art imma ta’ nies ingastati sewwa mal-art imma li qalbhom u ruħhom kienet invitata tajjeb mas-Sema pajjiżna. Hu għalhekk li l-qaddisin dejjem jibqgħu moda u ma jiqdiemu qatt. Dan l-għaliex il-ħajja affaċjawha u għexuha u mhux ħarbu minnha u bellgħu lill-oħrajn xebgħa kanen u telqu l’hemm!
Waħda mill-qaddisin ta’ żmienna li fiha nara ħafna tama hi, mingħajr dubju, il-qaddejja t’Alla Antonietta Meo jew kif jafuha aħjar ir-Rumani, Nennolina. Min hi din Nennolina? L-isem mimli affett tagħha juri x’persuna ta’ mħabba kienet. M’aħniex nitħaddtu fuq xi mara adulta tafux! Le le! Qed nitħaddtu minn tifla li mietet ta’ sitt snin u tmin xhur. Ħajjitha kienet nisġa waħda ta’ fiduċja fil-Mulej avolja għaddiet minn xebgħa xewk, għollieq u barbed wire!
Antonietta Meo twieled nhar il-15 ta’ Diċembru 1930. Kienet it-tieni bint ta’ Michele u Maria Meo, familja tal-klassi medja Rumana. Oħtha l-kbira kien jisimha Margherita. Nennolina attendiet l-iskejjel Kattoliċi. Imġibietha attiva u kariżmatika għenuha tmexxi lil sħabha. Il-ħlewwa, il-ferħ u l-ħajja li kien hemm fiha tassew li għażluha minn bniet oħra tal-iskola.
B’qasma ta’ qalb, Nennolina instabilha kanċer imsejjaħ osteosarcoma fl-età tenera ta’ ħames snin. U dan wara li kien waqgħet. Il-ġerħa baqgħet ma għadditilhiex. Madankollu, meta saqajha sfat maqtugħa Nennolina affaċjat dan kollu bil-ferħ. Meta għamlulha sieq artifiċjali ssuktat tilgħab ma’ tfal oħra. Xi teoloġi sejħu lil Nennolina bħala “mistika”. Dan l-għaliex din it-tifla ta’ sitt snin kitbet ittri straordinarji lil Ġesù. F’waħda minnhom qaltlu: “Għażiż Ġesù tarbija, int qaddis u tajjeb. Għinni, agħtini l-grazzja tiegħek u agħtini riġli lura. Jekk ma tridx tkun magħmula r-rieda tiegħek”.
Għall-ewwel Nennolina kienet tiddetta l-ittri lil ommha. Madankollu, wara li tgħallmet taqra u tikteb bdiet titktibhom hi u tħallihom f’riġlejn il-Kurċifiss tagħha. F’waħda minn dawn l-ittri din it-tifla kitbet: “Għażiż Ġesù, inħobbok ħafna. Irrid nitlaq lili nnifsi f’idejk […] Irrid nintelaq f’dirgħajk. Agħmel minni dak li trid […] Għinni bil-grazzja tiegħek. Għinni, għax mingħajr il-grazzja tiegħek ma nista’ nagħmel xejn”. Iddettat u kitbet madwar 100 ittra, ilkoll iddedikati lil Ġesù u lil Marija. Fil-maġġoranza tagħhom, Nennolina titħaddet dwar “dehriet qaddisa”. Meta l-quddiesa kienet tintemm in-nies kienu jarawha tmur ħdejn it-tabernaklu u tgħid lil Ġesù: “Ejja Ġesù ħa tilgħab miegħi!”
Din it-tifla umli u speċjali kienet tqis il-qtugħ ta’ riġilha bħala opportunità tad-deheb biex toffri dan bħala sagrifiċċju lil Ġesù ħalli l-midinbin jikkonvertu. Meta qatgħulha riġilha qalet lil missierha: “Jien ferħana li Ġesù tani din il-problema ħalli b’hekk inkun l-aktar għażiża tiegħu”. Darb’oħra, Nennolina reġgħet qalet lill-missierha: “Pà, l-uġiegħ hu bħad-drapp, aktar ma jkun b’saħħtu aktar ikollu l-valur”. Is-soru li kienet ħdejha fl-isptar qalet mgħaġġba: “Jekk ma smajtx dan b’widnejja stess anqas kont nemmnu”.
Lid-direttur spiritwali tagħha, Nennonila qaltlu: “Għall-mument se noqgħod fuq il-ġerħa tiegħi biex noffri l-uġiegħ lil Ġesù”. Lil ommha, Nennolina qaltilha b’kuraġġ liema bħalu: “Meta tħoss l-uġiegħ għandek tiskot u toffrih lil Ġesù għall-midneb. Ġesù bata ħafna għalina imma m’għamilx dnub wieħed. Kien Alla. L-għaliex għandna ngergru, aħna li aħna midinbin u dejjem noffenduh?”
Fillejl tal-Milied tal-1936 Nennolina għamlet l-Ewwel Tqarbina b’ħafna fervur filwaqt li ftit xhur wara rċeviet is-Sagrament tal-Griżma. Nennolina rċeviet is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda f’Ġunju tal-1937. Baqgħet tinsisti biex tikteb l-aħħar ittra tagħha lil Ġesù proprju ftit jiem qabel ma mietet. Minkejja li kellha tirremetti spiss din il-qalbiena ċkejkna ta’ Ġesù talbitu biex jieħu ħsieb lil dawk li kienet tħobb. Qaltlu biex jagħtiha l-qawwa li kellha bżonn ħalli taffaċja din ir-rejaltà ta’ uġiegħ kbir. Din it-tifla ta’ kuraġġ liema bħalu għalqet l-ittra tagħha bil-kliem: “It-tifla ċkejkna tiegħek tibgħatlek ħafna bews”. Nennolina tarrfet lil ommha il-ħin ta’ mewtha. Qaltilha li fi ftit sigħat, “jien se mmut imma mhux ħa nibqa’ inbati aktar, u int m’għandekx tibki. Kelli fejn ngħix ftit jiem oħra madankollu Santa Tereża tal-Bambin Ġesù qaltli: ‘Issa biżżejjed!’” Wara mewtha, nhar it-3 ta’ Lulju tal-1937, ommha rat lil Antonietta tagħha fil-glorja tas-sema.
Il-każ ta’ Antonietta Meo kien riferut għall-Kongregazzjoni tal-Promulgazzjoni tal-Qaddisin f’Mejju tal-1972. Nhar is-17 ta’ Diċembru tas-sena 2007, sewwa sew sebgħin sena wara l-mewt ta’ Nennolina, Papa Benedittu XVI approva digriet li fih faħħar bil-bosta l-“virtujiet erojċi” ta’ din it-tifla speċjali. B’hekk ta l-approvazzjoni tiegħu għall-proċess tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tagħha. Issa lil Nennolina l-Knisja ssejħilha “Venerabbli Qaddejja t’Alla”.
Il-proċess jinħtieġ żewġ mirakli approvati għall-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta’ Nennolina. Diġà miraklu kien attribwit lil Antonietta. F’Indiana, ġewwa l-Istati Uniti, mara fieqet mill-Hepatitis C wara li talbet lil Nennolina. Illum, f’Santa Croce in Gerusalemme, f’Ruma, hemm santwarju li fih it-tifkiriet tal-ħajja ta’ Nennolina. Din taħbat ukoll il-knisja fejn Nennolina kienet mgħammda u qattgħet ħafna ħin minn ħajjitha fit-talb. Illum, ġisem Nennolina jinstab fil-knisja mill-1999.
F’waħda mill-ittra tagħha, Nennolina kitbet hekk: “Għażiż Ġesù, inħobbok ħafna. Irrid nintelaq f’idejk … għinni bil-grazzja tiegħek għax mingħajr il-grazzja tiegħek ma nista’ nagħmel xejn”. Hawn hi t-talba għall-Beatifikazzjoni tal-Venerabbli Qaddejja t’Alla, Antonietta Meo, Nennolina:
“O Alla, Missier l-umli, aħna nirringrazzjawk l-għaliex f’Antonietta Meo (Nennolina), tajtna xbieha ħajja ta’ Imħabbtek u Għerfek, irrivelat liċ-ċkejknin. Int, li tajtha l-grazzja li tkun maqgħuda mas-Salib tal-Mulej Ġesù u li tbati b’qawwa u ferħ, igglorifikaha f’dan iż-żmien fid-dinja, ħalli tkun għalina lkoll eżempju qawwi ta’ fedeltà lejn il-Vanġelu. Agħtina l-imħabba sempliċi tagħha li kellha taħraq lejn l-Ewkaristija u l-Knisja. Ejja għandna fil-faqar tagħna u, bit-talb tagħha, skont ir-Rieda Mqaddsa tiegħek, agħtina l-grazzja li, b’fiduċja, qed nitolbuk. Amen. (Missierna, Sliema, Glorja).
Kull grazzja maqlugħa bit-talb tal-Venerabbli Antonietta Meo, Nennolina, li sservi għall-proċess tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tagħha għandha tintbagħad fuq dan l-email: info@santacroceroma.it
Xi grazzja sieħbi li tibda’ Sena Tajba, is-Sena 2023, ma’ Nennolina!
Fr Mario Attard OFM Cap