IS-SEBA’ ĦADD MATUL IS-SENA Ċ

ĦOBBU LILL- GĦEDEWWA TAGĦKOM U AGĦMLU L-ĠID LIL MIN JOBGĦODKOM!

Minn Fr Michael A. Galea

Niftakar snin ilu, kont qed inqalleb fir-rivista “Familja Kana” u kont qrajt artiklu miktub minn Patri Elija Vella, illum mejjet. Mela f’dan l-artiklu, Patri Elija Vella kiteb hekk: “Naf mara miżżewġa b’ żewġt it-tfal li qabdet lir-raġel tagħha jibdilha ma’ mara oħra li minnha kellu tarbija. Din il-mara mhux biss ħafritlu, imma iddeċidiet li trabbi t-tarbija ta’ din il-mara bħalma kienet qegħda trabi lil ulied leġġittimi tagħha. Dan il-ġest (nistgħu nsejħulu ‘erojku’) mhux biss reġġa’ lura lil żewġha lejn daru u lejn il-familja tiegħu imma rnexxielu jikkonverti u jwassal għas-sewwa lill-mara adultera. Nista’ ngħidilkom mill-ewwel li s-suġġett tal-Kelma t’Alla għal dan is-sitt Ħadd matul is-sena mhux xi suġġett ħafif. L-omelija li ħejjejt għalija u għalikom tajtha dan l-isem: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom u agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom.”

Ħa nibdew bl-ewwel lezzjoni. Dan il-qari hu meħud mill-ewwel Ktieb ta’  Samwel. Qabel xejn, ħa nitkellmu ftit fuq il-kuntest ta’ din il-ġrajja. Il-Poplu t’Alla qatt ma kellu sultan: kien joqgħod għal dak li kienu jgħidulu l-profeti mnebbħin minn Alla. Imma wasal żmien meta n-nies bdiet tmur għand il-Profeta Samwel (issa mimli bl-għomor) u tinsisti miegħu ħalli jagħmlilhom sultan biex ikunu bħal ġnus oħra. Samwel mar jitlob quddiem il-Mulej u l-Mulej wieġeb lil Samwel u qallu: “Isma’ minn leħen il-poplu f’kull ma jgħidlek għax mhux lilek warrab, iżda lili.” (ara1Samwel 8,4-7) 

Ġie magħżul Sawl, żagħżugħ sabiħ, kapaċi u fl-aħjar tiegħu, biex imexxi l-Poplu Lhudi. Samwel dilku biż-żejt u ikkonsagrah bħala l-ewwel sultan ta’ Iżrael. Pero’ Sawl ma baqax  fidil lejn il-Mulej u Alla warrbu. Minn floku għażel lil David, żagħżugħ ruxxan, għajnejh ħelwin u sabiħ fis-sura tiegħu, raħħal mir-raħal żgħir ta’ Betleħem. Biex ma ntawwalx, Samwel, imnebbaħ minn Alla, għaraf li David kellu jkun dak li jmexxi l-Poplu Lhudi wara Sawl. Qabad il-kus taż-żejt u dilku quddiem il-familjari kollha tiegħu. Minn dak in-nhar ‘il quddiem, David imtela bl-Ispirtu tal-Mulej. (ara 1Samwel 16,12.13)

Meta sar jaf b’dan, Sawl indanna, imtela’ bir-rabja u b’ħafna għira. Beda jagħmel minn kollox biex joqtlu. Meta nduna b’dan, David ħarab b’erba’ mitt ruħ (familjari u segwaċi tiegħu) lejn il-muntanji tal-Ġudeja. Sadanittant, anki Sawl ħareġ mill-palazz tiegħu bi tlett elef suldat biex ifittex lil David. U hawnhekk għandna wieħed mill-isbaħ eżempji ta’ qima u reverenza lejn persuna ikkonsagrata minn Alla. Sawl daħal ġo għar flimkien mas-suldati tiegħu u ħadhom in-ngħas. Kienu reqdin fil-fond u Abisaj qal lil David: “Ħa mmur u noqtol il-għadu tiegħek b’daqqa ta’ lanza.” David wieġbu: “Le, ma jkun qatt li noqtlu l-ikkonsagrat tal-Mulej.” Pero’ it-tnejn li huma niżlu fil-għar, ħadulu l-lanza u l-ġarra tal-ilma li kellu ma’ ġenbu u ħadd, la Sawl u lanqas is-suldati ma ndunaw. L-istorja tkompli…David beda jgħajjat minn fuq il-muntanja: “Sultan, għandi f’idejja l-lanza tiegħek. Ibgħat lil xi ħadd mis-suldati tiegħek għaliha.” Din l-istorja seħħet f’dinja meta kienet teżisti l-liġi ta’ għajn b’għajn, sinna b’sinna u ħajja b’ħajja. Sfortunatament għaddew eluf ta’ snin minn din il-ġrajja u għal xi nies, anki nsara, din il-liġi għadha l-aġenda ta’ ħajjithom. Tisma’ min jgħidlek: “Inpattihielu…Ma noqgħodx għall-azzjoni ħażina li għamilli…Jien ma rrid inkun tapit u paljazza ta’ ħadd…Jekk naħfirlu abbli jerġa’ jagħmilhieli!”   

Kif ġab ruħu David ma’ Sawl il-għadu tiegħu eluf ta’ snin ilu għandu jkun ta’ eżempju għalina lkoll, iktar u iktar meta fid-diskors tal-Muntanja, Ġesu’ in-Nazzarenu, li tiegħu aħna segwaċi, qalilna biex inħobbu lil kulħadd, anki lill-għedewwa tagħna. Ġesu’ ma waqafx fil-paroli, għax agonija, imsammar mas-salib, Huwa talab lil Alla Missieru li hu Missierna wkoll u qallu: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. (Luqa 23,34)

Ħa niġu għall-vanġelu. Dak li jitlob minna Ġesu’ f’dan il-vanġelu li għadni kemm ħabbartilkom mhu xejn ħafif. Tħobb lill-għadu tiegħek tidher xi ħaġa impossibbli. Kittieb Ingliż jgħid hekk: “Tbierek u titlob għall-għadu tiegħek forsi jgħodd għal Santa Marija Goretti u għall-qaddisin oħra. Lil min jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek il-wieħed u toffrilu l-ieħor ukoll tgħodd għal dawk li llum nonorahowm bħala qaddisin martri. Li ma titlobx iroddlok lura dak li xi ħadd ikun seraqlek tidher bluha…Intant Ġesu’ qed jitlob minna dan kollu.” Ikompli jgħid dan il-kittieb: “Qabel niddeċiedu li dan it-tagħlim ta’ Ġesu’ huwa impossibbli li tgħixu, ejjew inħarsu lejh iktar bir-reqqa. Li tħobb lill-għedewwa tiegħek ma jfissirx li għandek tmur tgħannqu kull darba li tiltaqa’ miegħu. Ifisser biss li għandek tipprova tneħħi minn ġo qalbek kull xorta ta’ mibgħeda li jista’ jkollok lejh… Tipprova tara wkoll fih dak kollu li għandu tajjeb għax hekk jaf jagħmel Alla. Iktar. Meta Ġesu’ jgħidlek: ‘lil min jeħodlok il-mantar, agħtih ukoll il-libsa’ ma jfissirx li m’għandek iżżomm xejn għalik jew ma tieħux dak li bi dritt huwa tiegħek, imma ħudu lura b’mezzi leġittimi.”

Nikkonkludi: li taħfer mhux xi ħaġa faċli, imma nżommu f’moħħna li meta naħfru nkunu qegħdin nagħmlu pjaċir lilna nfusna: qalbna timtela b’ħafna ferħ u b’ħafna paċi. Il-maħfra mhix dgħjufija imma att kbir ta’ kuraġġ u manswetudni kif kien jgħallimna San Ġorġ Preca. Ġieli ssib min jgħidlek: “Naħfer imma ma nistax ninsa!” Ngħidlu: “Veru, qatt ma tinsa’ l-ħsara u d-deni li jkunu għamlulek għax kollox (tajjeb u ħażin jibqgħu immarkati fil-memorja tiegħek) imma kun af li l-maħfra hija deċiżjoni. Allura meta għax imweġġa’  terġa’ tiftakar f’dak li għamlulek, erġa’ ħu deċiżjoni li taħfer u itlob lill-Mulej jagħtik din l-għajnuna li għandek bżonn. Meta taħfer int tkun qed tiddisponi ruħek biex Alla jaħfirlek. Hekk ngħidu fil-Missierna: “Aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina. Il-ġeżwita Anthony de Mello kien jgħid: “L-għadu tiegħek hu l-ikbar benefattur tiegħek għax jikxiflek dak li verament hemm f’qalbek: hux mibgħeda jew inkella manswetudni!”

Nota: jista’ kien hemm xi żbalji fl-omelija li bgħattilkom għall-Ħadd li għadda. Nitlobkom tiskużawni u żommuni dejjem fit-talb tagħkom.

Grazzi. Dun Mikiel Galea

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading