Adorazzjoni – 2 Ħadd tar-Randan. Sena Ċ

Tifħir lilek o Ġesù, fis-Sagrament Imqaddes tal-Ewkaristija, l-misteru tal-fidi, s-sagrament tas-salvazzjoni, l-qawwa tal-Qawmien, il-Muntanja spiritwali. (2 sek pawsa)

Ġesù, Int ħadt miegħek lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni, u tellajthom fuq muntanja għolja, fejn hemm dewwaqthom il-glorja. Imqanqal minn dik l-esperjenza, Pietru stqarr: “Kemm hu sew li aħna qegħdin hawn”. (3 sek pawsa)

Illum, Int ġibtna hawn fil-Preżenza Divina Tiegħek, u għalkemm forsi ma esperjenzajnix dak li esperjenzaw it-tlett Appostlu fuq il-muntanja Tabor, imma bl-għajnejn tal-fidi, Int qiegħed tibdel lil kull wieħed u waħda minna fil-glorja tal-imħabba Ewkaristika Tiegħek.

Ħa ngħidu ma’ Pietru: “Kemm hu sew li aħna qegħdin hawn!” Neħħi minna kull qtigħ il-qalb, u ġedded fina, billi ġedded it-tama tagħna permezz tal-imħabba li tħaddan għalina fl-Ewkaristija.

“Kemm hu sew li qegħdin hawn”, fejn Inti qiegħed tagħtina twelid ġdid ta’ tama għall-wirt li ma jitħassarx, dak li niġu ngawduk fil-glorja tas-sema.  

Silenzju/ soft background music      3 min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa                                                 Lq 9:28b-36

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex.

U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm. Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu. Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Ma kienx jaf x’inhu jgħid.

Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”. Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.

Il-Kelma tal-Mulej    

Tifħir lilek Kristu

Silenzju    1min

Ftit tal-jiem qabel din ix-xena sabiħa li għandna kemm smajna, Int o Ġesù, kont ħabbart il-passjoni u l-mewt tiegħek lill-sħabek. Nimmaġina li bħala bniedem, dan il-ħsieb taqqal ukoll il-qalb tiegħek. U għalhekk ħadt miegħek lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu, u tlajtu fuq muntanja biex titolbu. Kien f’dan il-mument ta’ talb, li Int inbdilt quddiemhom, u dħalt fil-glorja tiegħek, li saħansittra wiċċek tbiddel, u lbiesek saru bjuda li tgħammex. U proprju f’dik il-glorja, li jisimgħu l-Kelma tal-Missier: “Dan huwa ibni l-maħtur”.        (3 sek pawsa)

Din kienet kelma ta’ kuraġġ għall-appostli, illi kienu mtaqqlin bil-ħsieb tal-passjoni tiegħek; għax ma fehmux kif il-fidwa kellha sseħħ permezz tal-passjoni u tal-mewt tiegħek. Imma fuq it-Tabor, iduqu minn qabel, il-glorja li kellek tidħol fiha Int. Hemm jagħrfu tajjeb, li kull tbatija m’hijiex għalxejn, imma t-tbatija tiegħek, u anke t-tbatija tagħhom bħala dixxipli tiegħek, neċċessarjament kellha twassal għall-glorja.                                                                                                                      (2 sek pawsa)

Dan jgħodd għalina wkoll, għaliex m’hemm l-ebda mument tad-dlam fil-ħajja tagħna, li ma jistax isir tieqa fuq is-sbuħija ta’ Alla, u fil-ħniena tiegħu.

Silenzju            3 min

Għall-ewwel, Pietru u sħabu ġew megħluba mill-irqad; probabilment kienu dgħajfa u mħassbin bil-kundizzjoni umana tagħhom, milli kienu b’attenzjoni għall-vjaġġ importanti li kienu mistiedna li jagħmlu mal-Mulej Ġesù.

Aħna wkoll, faċli nkunu aljenati minn ħafna ħsibijiet, mill-problemi li jtaqqlu l-qalb tagħna; bil-ġiri l’hawn u l’hinn tal-ħajja, li xi kultant jaqtalna nifisna; u bħal Pietu u sħabu, nispiċċaw nidħlu f’nagħsa, fiż-żmien li għandna bżonn inkunu l-aktar attenti għall-Imgħallem tagħna.

Il-Missier tas-sema qed jagħtina parir: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!” Qiegħed jgħidilna, Imxu warajh, intelqu kompletament fil-proġett li jiena fassalt għalih. Ejjew inħallu l-Kelma ta’ Ġesù, titfa’ d-dawl fuq ħajjitna u tgħinna nagħmlu għażliet tajba.                                                                                                              (3 sek pawsa)

Jalla l-glorja tat-Tabor iddawwar il-ħajja tagħna, b’mod partikolari fil-mumenti ta’ tbatija, ta’ sagrifiċċju, fil-mumenti imdemma ta’ ġrajjitna. Ħalli nemmnu li kull tbatija, magħquda mas-Salib, neċċessarjament twassalna fil-glorja, bħal dik tat-Tabor.

Silenzju/ soft background music                 3 min    

Kant: ________________

Salm Responsorjali                                                                 Salm 26

Il-Mulej, dawl u salvazzjoni tagħna, jieqaf magħna u jeħlisna minn kull hemm, u għad iwassalna biex naraw id-dehra tiegħu fil-glorja tas-sema. Ngħidu flimkien:

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi,
minn min għandi nibża’?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi,
quddiem min għandi nitwerwer? Ngħidu flimkien.

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

Isma’, Mulej, leħen l-għajta tiegħi,
Ħenn għalija u weġibni.
“Ejja”, għedt f’qalbi, “fittex ‘il wiċċu!”.
Jien wiċċek infittex, Mulej. Ngħidu flimkien.

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

La taħbix wiċċek minni,
la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.
Int l-għajnuna tiegħi,
tħallinix u titlaqnix,
Alla tas-salvazzjoni tiegħi. Ngħidu flimkien.

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej
f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek,
Ittama fil-Mulej. Ngħidu flimkien.

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading