Omelija fit-Tifkira Devozzjonali ta’ Marija Addolorata
Il-Ġimgħa 11 ta’ April 2025
Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex
WIEQFA TAĦT IS-SALIB
F’kull pajjiż li tmur u kultura li tkun taf, kull bniedem fit-tbatija tiġih spontanja li jgħajjat lil ommu. Fil-kulturi u fil-lingwi kollha l-espressjonijiet tal-persuna fit-tbatija, li ħafna drabi lanqas biss tibqa’ tirraġuna imma sempliċiment tħoss u tara quddiemha baħar infinit, tara quddiemha nuqqas ta’ soluzzjoni, tara quddiemha d-dlam, jew ma tara xejn, tkun is-sejħa lill-omm. Din hija l-esperjenza ta’ ħafna minna. Forsi mhux kulħadd meta kien żgħir kellu x-xorti illi jħares lejn għajnejn ommu meta jkun għaddej mill-mard u mit-tbatija, anki sempliċi tbatija żgħira, ta’ tfal li nkunu. Għall-persuna, għall-bniedem, għat-tifla, għat-tifla, fiċ-ċkunija tagħhom, kull tbatija hija l-aħħar tad-dinja, kull tbatija m’għandhiex soluzzjoni; imma meta t-tifel jew it-tifla jħarsu fl-għajnejn tal-omm u jaraw is-sikurezza, it-tama, il-pożittività, it-tbissima u l-ħlewwa, dik it-tbatija tinbidel fi tbatija bit-tama,li tinstab soluzzjoni għaliha, fejn ikun hemm il-fejqan.
Kemm hi importanti l-preżenza tal-omm fil-ħajja tat-tfal! Daqshekk ieħor hija importanti l-preżenza tal-omm li hija Marija fil-preżenza tagħna meta nkunu qegħdin inbatu. Il-Vanġelu li għadna kemm smajna (Ġw 19:25-27) qalilna b’mod ċar, anzi jibda proprju b’dawn il-kelmiet hekk sbieħ: “Kien hemm!”. Marija kienet preżenti, kienet hemm, kienet wieqfa taħt is-salib ta’ Ġesù.
Il-preżenza
“Kien hemm!”… Forsi din hija l-preżenza meħtieġa, din hija l-unika ħaġa li aħna nistgħu nagħmlu mal-persuni li jinsabu fit-tbatija: li nkunu hemm! In-natura tagħna ma tagħtiniex li nkunu hemm. Il-bniedem minnu nnifsu, spontanjament, impulsivament, jixtieq jaħrab mit-tbatija, ma jixtieqx jara uġigħ, għax kull uġigħ li jara barra minnu nnifsu jfakkru fl-uġigħ tiegħu, kull diffikultà li jara barra minnu nnifsu tfakkru fil-problema tiegħu, kif jiġri lilna. It-tbatija minnha nfisha tgerrex lill-bniedem!
Imma llum Marija tgħallimna li fit-tbatija għandna nkunu hemm, preżenti; li l-aħjar u l-iktar mod Kristjan kif ikunu d-dixxipli ta’ Ġesù fit-tbatija hu li nkunu hemm: il-preżenza! U allura Marija lilna lkoll qiegħda tistedinna biex inkunu preżenti, ma naħarbux mit-tbatija. Ma taħrabx mit-tbatija ta’ ommok, ta’ missierek anzjan; ma taħrabx mit-tbatija ta’ ibnek jew bintek fil-mard; ma taħrabx fit-tbatija ta’ ibnek jew bintek fit-tbatija u fid-diffikultà li għandhom fil-familja; ma taħrabx mit-tbatija ta’ ibnek jew bintek fil-problemi u diffikultajiet li għandhom biex jitgħallmu, kull tip ta’ diżabbiltà li llum immissu u naraw madwarna. Li nkunu hemm, preżenti b’għajnejn mimlija tama. “Wieqfa”, jgħidilna l-Vanġelu. Marija kienet wieqfa taħt is-salib. U dik il-kelma ma turix sempliċiment il-pożizzjoni bħalma qiegħed jien illejla, imma turi wisq iktar. Wieqfa għax mimlija bil-fiduċja f’Alla li mhux se jidħak biha, f’Alla li huwa fidil lejn il-kelma tiegħu, li jżomm kelmtu u jibqa’ jsostni lill-bniedem fit-tbatija tiegħu, sal-aħħar!
It-tentazzjoni li naħarbu mit-tbatija
Imma t-tentazzjoni tkun li naħarbu, nitbiegħdu u nitilqu mit-tbatija. Kultant, ngħiduha kif inhi, kultant kemm insibuha bi tqila li mmorru naraw lil xi ħadd li nafuh, forsi ħabib tagħna, l-isptar, jew id-dar, fil-mard! Allura jiġrilna li nippruvaw nevitaw, insibu kull tip ta’ skuża biex nevitaw li niġu wiċċ imb wiċċ mat-tbatija. Dak hu l-ewwel mod ta’ kif aħna nippruvaw nevitaw it-tbatija.
Imma hemm mod ieħor iktar sottili, iktar perikoluż, mod ieħor li b’xorti ħażina forsi s-soċjetà tagħna, bil-mod il-mod, dieħla f’din it-tip ta’ mentalità. Mhux naħrab jien, imma neqred lill-persuna li qed tbati, neqred lill-batut bl-iskuża li nġib ħniena miegħu. U xi jkun qiegħed jiġri? Ikun qed jiġri li d-dinja, b’xorti ħażina, issir id-dinja tal-annimali, tkun inqas id-dinja tal-bnedmin.
Il-Papa Benedittu XVI għandu espressjoni tassew sabiħa. Jgħid li jekk aħna nippruvaw neliminaw it-tbatija mill-ħajja tagħna, jekk aħna nippruvaw neqirdu lill-persuni li qegħdin ibatu biex ma jfakkruniex fit-tbatija tagħna, għax insibuha bi tqila biex noqogħdu ħdejhom… u huma tant xebgħu f’din id-dinja, weħidhom bis-solitudni, għax aħna m’aħniex insostnuhom u nissapportjawhom, li huma stess jitolbu biex jinqerdu… l-umanità tkun qiegħda titlef parti essenzjali minnha nfisha, il-parti tal-limitu, tad-diffikultà, li lilna ħafna drabi tiġborna flimkien. Araw x’jiġri meta ngħixu diffikultà flimkien! Araw x’jiġri meta familja taffaċċja problema flimkien! Kemm tingħaqad, kemm tintrabat, kemm tinbet, titnissel, tikber, timmatura l-imħabba vera proprju fil-mument tat-tbatija! U allura Benedittu XVI jwissina u jgħidilna, u bir-raġun: ‘Oqogħdu attenti li, meta aħna nippruvaw neliminaw kull tip ta’ tbatija minn fuq wiċċ l-art, ma nitilfux din il-parti hekk importanti tal-ħajja umana’.
Barra minn hekk, din hija illużjoni. Il-festa tal-lejla, flimkien mal-Ġimgħa Mqaddsa, ifakkruna li t-tbatija tagħmel parti mhux biss mill-ħajja tal-bnedmin, imma mill-ħajja tal-Iben ta’ Alla. Il-festa tal-lum flimkien mal-Ġimgħa Mqaddsa lilna jridu jgħinuna biex nilqgħu l-limiti, id-dgħufijiet, il-mard, l-inkomprensjonijiet, id-diffikultajiet, is-swied ta’ qalb tagħna, bħala parti minn ħajjitna, bħala parti mill-esperjenza umana. Inkella nkunu nsiru artifiċjali, mekkaniċi, tekniċi biss… għax nitilfu l-iktar sentimenti umani. U d-dinja miexja lejn it-teknika.
Aħna preżenti?
U hawnhekk ippermettuli li nistieden mhux biss lilna individwalment, imma anki lilna bħala poplu Għawdxi. Jien kultant nistaqsi: x’sensibbiltà għandna aħna biex inkunu hemm, preżenti, ngħidu aħna ma’ dawk il-familji li għandhom tfal b’diżabbiltà, li biex jgħaddu b’pushchair jew b’wheelchair għandhom problema fit-toroq, fuq il-bankini tagħna, fil-knejjes, fl-uffiċċji tagħna u fiċ-ċentri parrokkjali tagħna? X’sensibbiltà għandna ma’ dawn il-persuni meta fit-tbatija tagħhom aħna ma nkunux hemm? U ma nkunux hemm mhux għax intenzjonalment niddeċiedu li ma nkunux hemm, imma b’dik li jgħidulha ‘negliġenza’ – ma nagħtux kas, ma tmissx lili, mhix problema tiegħi u allura mhi problema ta’ ħadd, mhix affari tiegħi.
Kemm inkunu hemm preżenti ma’ dawk il-familji li għandhom it-tfal li ma jistgħux jikkontrollawhom bħalma normalment il-familja tikkontrolla tifel u tifla fil-mod ta’ kif jesprimu ruħhom, ta’ kif jaġixxu, fil-mod ta’ kif jgħajtu jew ma jgħajtux fil-knisja? Kemm inkunu hemm aħna, kemm inberrqu lura jew ’il quddiem meta nisimgħu ħoss li mingħalina mhux suppost ikun hemm?
Kemm inkunu hemm bħal Marija, fid-diffikultajiet, fil-problemi ta’ Ġesù llum? Ma ninsewx dak il-Vanġelu ta’ Mattew 25:40 li jgħidilna li dak li għamilna mal-iżgħar wieħed, ma’ dak li għaddej minn diffikultà, għamilnieh miegħu. Dak hu Ġesù! Ġesù mhux dak li hu faċli ssibu fl-Ewkaristija, fil-quddiesa, fis-sagramenti, fl-istatwi! Imma Ġesù hu dak li jien niltaqa’ miegħu fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum, fl-istatwi ħajjin tad-demm u l-laħam.
Għażliet importanti
Jien nemmen li qegħdin noqorbu lejn għażliet importanti fil-ħajja tan-nazzjon tagħna. Aħna nieħdu gost – u hi xi ħaġa sabiħa – li ngħixu dawn il-ġranet b’kull mod: il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, suldati, qassisin il-kbar, il-profeti, il-persunaġġi kollha tal-purċissjonijiet. Inkunu hemmhekk ma’ Ġesù fit-tbatija tiegħu, nikkontemplaw dawk l-istatwi sbieħ li narawhom għaddejjin mit-toroq tagħna. Nitkellmu b’mod sabiħ fuq l-artist, is-sbuħija, u l-mod ta’ kif timxi u ma timxix il-purċissjoni. Nirriflettu wkoll fuq dak li għadda minnu Ġesù fit-tbatija tagħna! Minn hawn u ftit ieħor kważi Għawdex kollu jinġabar fil-knejjes fil-Ġimgħa l-Kbira, ħdejn Ġesù li qed imut, u se niġu mistiedna biex nagħmlu għażliet favur il-ħajja jew favur il-mewt. Aħna x’se nagħżlu?
Jien naħseb li rridu nippruvaw inkunu ftit koerenti u konsistenti, u jekk jien mort fil-Ġimgħa l-Kbira nqim is-salib ta’ Ġesù, jekk mort ninżel għarkupptejja u nħaddan is-salib, kif se nagħmlu fl-Adorazzjoni tas-Salib nhar il-Ġimgħa, bħal-lum tmint ijiem, allura ma nistax jien is-salib ta’ ommi, ta’ nannti, ta’ binti, ta’ marti, nipprova neliminah jew naħrab minnu. Ma nkunx koerenti, ma nkunx raġel, ma nkunx mara ta’ veru!
Meta aħna nkunu koerenti, meta aħna nħobbu, nilqgħu, naċċettaw lill-persuna li qiegħda tbati, aħna bħala bnedmin nilħqu l-milja tagħna. U dan għandkom esperjenza tiegħu intom. Meta rnexxielna noqogħdu ftit ma’ persuna li qiegħda tbati, din timliena bl-imħabba, bil-ferħ li ma jitfissirx, li ma tesprimihx bil-birra, bid-droga, bil-whiskey, bid-divertiment, għax huwa ferħ li ma jeħodhulek ħadd. Qiegħed hemm ġewwa fil-fond ta’ qalbek! Ejjew ma nitilfuhx dan; hija esperjenza tagħna lkoll, kull meta qgħadna ftit ma’ persuni fit-tbatija, għax mingħajr ma nafu, qgħadna ma’ Ġesù, u għamilna bħal Marija, li kienet hemm “wieqfa” taħt is-salib.