Il-Papa Ljun XIV talab fuq il-qabar tal-Papa Franġisku

Il-Papa Ljun XIV mar iżur Santwarju Marjan barra Ruma u wara mar ukoll jitlob fuq il-qabar tal-mibki Papa Franġisku f’Santa Maria Maggiore.

Ftit inqas minn 48 siegħa wara li ġie elett Papa, l-Papa Ljun XIV għamel l-ewwel żjara privata tiegħu barra l-Vatikan, fejn mar iżur is-Santwarju tal-Omm tal-Parir it-Tajjeb, f’Genazzano, ftit il-barra minn Ruma.

Dan is-Santwarju għandu xbieha antika tal-Verġni Marija, li ġejja minn Shkodër (l-Albanija), u kienet maħbuba ħafna mill-Papa Ljun XIII. Il-Papa Ljun wasal f’multivan Volkswagen, bilqiegħda fuq quddiem; fejn kien milqugħ minn folla ferrieħa ta’ mijiet ta’ nies miġbura fil-pjazza, kif ukoll diversi nies iħarsu ‘l barra mit-twieqi u l-gallariji.

Meta daħal fis-Santwarju, huwa sellem lir-reliġjużi Agostinjani, u mbagħad waqaf jitlob quddiem l-artal, u mbagħad quddiem ix-xbieha tal-Verġni Marija. Flimkien ma’ dawk li kienu preżenti, l-Papa reċita t-talba tal-Papa Ġwanni Pawlu II lill-Omm tal-Parir it-Tajjeb. Fl-aħħar, wara li qal Sliema u Qaddisa u kanta s-Salve Regina, l-Papa indirizza lil dawk li kienu preżenti fil-Knisja u dawk miġura barra fil-pjazza: “Xtaqt ħafna li niġi hawn f’dawn l-ewwel jiem tal-Ministeru l-ġdid tiegħi… li l-Knisja fdat lili”.

Huwa fakkar fiż-żjara li kien għamel fis-Santwarju dakinhar li kien inħatar Prijur Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin, u fl-għażla tiegħu li “noffri ħajti lill-Knisja”. Il-Papa Ljun XIV tenna “l-fiduċja tiegħu fl-Omm tal-Parir it-Tajjeb” u kkwota l-kliem indirizzat minn Marija lill-qaddejja fit-Tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”. Imbagħad il-Papa kellu laqgħa privata mal-komunità Agostinjana.

Fit-triqtu lura lejn il-Vatikan, il-Papa Ljun XIV waqaf f’Santa Maria Maggiore, fejn talab quddiem il-qabar tal-Papa Franġisku, u l-ikona tal-Verġni, Salus Populi Romani, kif ukoll quddiem l-istatwa Regina Pacis.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2025-05/pope-leo-xiv-prays-mary-and-before-francis-santa-maria-maggiore.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading