Bijografija tal-Papa Ljun XIV, imwieled Robert Francis Prevost

L-ewwel Papa Agostinjan, Ljun XIV hu t-tieni Papa – wara l-Papa Franġisku – mill-kontinent Amerikan. Imma b’differenza minn Jorge Mario Bergoglio, Robert Francis Prevost, li għandu 69 sena, ġej mill-parti tat-tramuntana tal-Amerika, għalkemm hu qatta’ ħafna snin bħala missjunarju fil-Perù qabel ġie elett kap tal-Agostinjani għal żewġ mandati konsekuttivi.

L-ewwel snin

L-Isqof ġdid ta’ Ruma twieled fl-14 ta’ Settembru 1955, f’Chicago, Illinois, bin Louis Marius Prevost, ta’ dixxendenza Franċiża u Taljana, u Mildred Martínez, ta’ dixxendenza Spanjola. Għandu żewġ ħutu, Louis Martín u John Joseph.

Qatta’ tfulitu u l-adolexxenza mal-familja tiegħu u studja l-ewwel fis-Seminarju Minuri tal-Patrijiet Agostinjani u mbagħad fl-Università ta’ Villanova f’Pennsylvania, fejn fl-1977 iggradwa fil-Matematika u studja wkoll il-Filosofija.

Fl-1 ta’ Settembru tal-istess sena, Prevost daħal fin-novizzjat tal-Ordni ta’ Santu Wistin (OSA) f’Saint Louis, fil-Provinċja tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb ta’ Chicago, u għamel l-ewwel professjoni tiegħu fit-2 ta’ Settembru 1978. Fid-29 ta’ Awwissu 1981 għamel il-voti solenni tiegħu.

Huwa rċieva l-edukazzjoni teoloġika tiegħu fl-Unjoni Teoloġika Kattolika f’Chicago. Fl-età ta’ 27 sena, ġie mibgħut Ruma mis-superjuri tiegħu biex jistudja l-Liġi Kanonika fl-Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Aquino (Angelicum).

F’Ruma, ġie ordnat saċerdot fid-19 ta’ Ġunju 1982, fil-Kulleġġ Agostinjan ta’ Santa Monika, mill-Arċisqof Jean Jadot, dak iż-żmien Pro-President tas-Segretarjat għan-Non-Kristjani, li aktar tard sar il-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Interreliġjuż u mbagħad id-Dikasteru għad-Djalogu Interreliġjuż.

Prevost kiseb il-liċenzjat tiegħu fl-1984 u s-sena ta’ wara, huwa u jħejji t-teżi dottorali tiegħu, ġie mibgħut fil-missjoni Agostinjana f’Chulucanas, Piura, il-Perù (1985-1986). Fl-1987, iddefenda t-teżi dottorali tiegħu fuq “Ir-Rwol tal-Prijur Lokali fl-Ordni ta’ Santu Wistin”, u ġie maħtur Direttur għall-Vokazzjonijiet u Direttur għall-Missjonijiet tal-Provinċja Agostinjana ta’ Omm il-Parir it-Tajjeb, f’Olympia Fields, Illinois (l-Istati Uniti).

Il-missjoni fil-Perù

Is-sena ta’ wara, hu mar fil-missjoni ta’ Trujillo, fil-Perù wkoll, bħala Direttur ta’ proġett konġunt ta’ formazzjoni għall-kandidati Agostinjani mill-Vigarjati ta’ Chulucanas, Iquitos, u Apurímac.

Matul il-medda ta’ ħdax-il sena, hu serva bħala Prijur tal-komunità (1988-1992), Direttur tal-formazzjoni (1988-1998), u Professur tal-Liġi Kanonika, il-Patristika, u t-Teoloġija Morali fis-Seminarju Maġġuri San Carlos y San Marcelo. Fl-istess żmien, ġie fdat ukoll bil-kura pastorali tal-Knisja ta’ Marija Omm il-Knisja, iktar tard imwaqqfa bħala l-Parroċċa ta’ Santa Rita (1988-1999), f’subborg fqir barra mill-belt, u kien Amministratur parrokkjali ta’ Sidtna Marija ta’ Monserrat (1992-1999).

Fl-1999, ġie elett bħala Prijur Provinċjali tal-Provinċja Agostinjana ta’ Omm il-Parir it-Tajjeb f’Chicago, u sentejn u nofs wara, il-Kapitlu Ġenerali Ordinarju tal-Ordni ta’ Santu Wistin eleġġieh Prijur Ġenerali, u kkonfermah fl-2007 għat-tieni mandat.

F’Ottubru 2013, irritorna fil-Provinċja Agostinjana tiegħu ta’ Chicago, biex serva bħala Direttur tal-formazzjoni fil-Kunvent ta’ Santu Wistin, l-Ewwel Kunsillier, u Vigarju Provinċjali – rwoli li żamm sakemm il-Papa Franġisku fit-3 ta’ Novembru 2014 ħatru Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi Peruvjana ta’ Chiclayo, u għollieh għad-dinjità episkopali bħala Isqof Titulari ta’ Sufar.

Ħa pussess tad-Djoċesi fis-7 ta’ Novembru, fil-preżenza tan-Nunzju Appostoliku James Patrick Green, li ordnah Isqof ftit aktar minn xahar wara, fit-12 ta’ Diċembru, Festa ta’ Sidtna Marija ta’ Guadalupe, fil-Katidral ta’ Santa Marija.

Il-motto episkopali tiegħu hu “In Illo uno unum” – kelmiet imlissna minn Santu Wistin f’omelija dwar is-Salm 127 biex ifisser li “għalkemm aħna l-Insara aħna ħafna, fi Kristu li hu wieħed aħna ħaġa waħda”.

Isqof ta’ Chiclayo, il-Perù, mill-2015 sal-2023

Fis-26 ta’ Settembru 2015, ġie maħtur Isqof ta’ Chiclayo mill-Papa Franġisku. F’Marzu 2018 ġie elett it-tieni Viċi-President tal-Konferenza Episkopali Peruvjana, fejn serva wkoll bħala membru tal-Kunsill Ekonomiku u President tal-Kummissjoni għall-Kultura u l-Edukazzjoni.

Fl-2019, il-Papa Franġisku ħatru membru tal-Kongregazzjoni għal-Kleru (13 ta’ Lulju 2019), u fl-2020, membru tal-Kongregazzjoni għall-Isqfijiet (21 ta’ Novembru). Sadanittant, fil-15 ta’ April 2020 ġie maħtur ukoll Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi Peruvjana ta’ Callao.

Prefett tad-Dikasteru għall-Isqfijiet

Fit-30 ta’ Jannar 2023, il-Papa sejjaħlu Ruma bħala Prefett tad-Dikasteru għall-Isqfijiet u President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika Latina, u ppromovieh għat-titlu ta’ Arċisqof.

Ikkreat Kardinal fl-2023

Il-Papa Franġisku kkreah Kardinal fil-Konċistorju tat-30 ta’ Settembru 2023 u tah id-Djakonija ta’ Santa Monika. Ħa pussess uffiċjali tagħha fit-28 ta’ Jannar 2024.

Bħala kap tad-Dikasteru, ħa sehem fil-Vjaġġi Appostoliċi l-aktar riċenti tal-Papa u fiż-żewġ sessjonijiet tal-16-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar is-sinodalità, li nżammu Ruma bejn l-4 u d-29 ta’ Ottubru 2023, u bejn it-2 u s-27 ta’ Ottubru 2024, rispettivament.

Sadanittant, fl-4 ta’ Ottubru 2023, il-Papa Franġisku ħatru membru tad-Dikasteri għall-Evanġelizzazzjoni (Sezzjoni tal-Ewwel Evanġelizzazzjoni u Knejjes Ġodda Partikulari), għad-Duttrina tal-Fidi, għall-Knejjes Orjentali, għall-Kleru, għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, għall-Kultura u l-Edukazzjoni, għat-Testi Leġislattivi, u tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

Fl-aħħar, fis-6 ta’ Frar 2025, il-Papa Arġentin ippromovieh għall-Ordni tal-Isqfijiet, u tah it-titlu tal-Knisja Suburbikarjana ta’ Albano.

Tlitt ijiem wara, fid-9 ta’ Frar, hu ċċelebra l-quddiesa ppreseduta mill-Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru għall-Ġublew tal-Forzi Armati, it-tieni l-akbar avveniment tas-Sena Mqaddsa tat-Tama.

Matul l-aħħar perjodu tal-predeċessur tiegħu fl-Isptar Gemelli, Prevost mexxa r-Rużarju b’talb għas-saħħa tal-Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru, fit-3 ta’ Marzu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading