Kemm hu sabiħ Mulej, li nqattgħu ftit tal-ħin miegħek. (5 sek pawsa)
Grazzi, o Ġesù, talli tinsab hawn, preżenti fostna. (3 sek pawsa)
Int, ma tieqaf qatt turina li “Alla hu Mħabba”. (3 sek pawsa) U dan jidher fid-don tal-Ewkaristija, li huwa d-don totali tiegħek innifsek, li tana l-Missier fil-ħniena tenera tiegħu; “biex idawwal lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, u ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem”. (5 sek pawsa)
M’hemm ebda sinjal ikbar tal-imħabba tal-Missier, u ta’ kemm jimpurtah minna, milli jkompli jagħtina lilek, o Ġesù, fl-Ewkaristija Mqaddsa; biex tfejjaq lil dawk ta’ qalbhom maqsuma, permezz tal-imħabba u ta’ fejqan f’dan is-Sagrament Imqaddes.
Żommna qribek Mulej; fejjaq il-ġrieħi tagħna, u mliena bl-imħabba tiegħek, ħalli nkunu nistgħu verament inħobbu lil xulxin mingħajr kundizzjoni.
Silenzju 1min
Agħmel, o Ġesù, lil qalb tiegħi tkun imwaħħda ma’ tiegħek, biex nasal inħobb lill-oħrajn kif ħabbejtni Int. (3 sek pawsa)
Bil-qawwa tal-Qalb Ewkaristika tiegħek, agħmel li aħna nkunu lkoll ħaġa waħda fl-imħabba tiegħek, ħalli permezz ta’ kull wieħed u kull waħda minna, Int tiġbed l-bnedmin kollha lejk. (5 sek pawsa)
Silenzju/background music 3 min
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann Ġw 13:31-35
Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
It-tifħir lilek Kristu
Silenzju/ soft background music 1min
Din is-silta li għadna kemm smajna, seħħet matul l-aħħar ikla li Ġesù kellu mad-dixxipli tiegħu. Kien il-mument meta Ġuda l-Iskarjota, dak li kellu jbiegħ lil Ġesù, ħareġ il-barra; kif ukoll il-mument drammatiku, illi fih Ġesù jirrifletti li l-passjoni tiegħu kellha tkun il-mument tal-glorja tiegħu. (3 sek pawsa)
Mulej, f’dan il-mument hekk iebes ta’ tradiment, Int ma titkellimx bi kliem qares jew bi kliem ta’ vendetta, jew ta’ mibegħda; imma tinqeda kważi kważi bit-tradiment ta’ Ġuda, biex tfakkar fl-importanza tremenda tal-imħabba fil-ħajja tad-dixxipli tiegħek.
U jien, x’nagħmel meta xi ħadd iweġġgħani? Meta xi ħadd jitradini, ikissirni, x’se tkun ir-reazzjoni tiegħi? (10 sek pawsa)
F’dawn il-mumenti ibsin u qarsa tal-ħajja, agħtina l-grazzja, o Ġesù, li ma nħallux is-sentimenti tat-tpattija, ta’ vendetta u ta’ mibegħda jirbħu; imma li bħalek, aħna naħfru u nħobbu bla limitu. Għinna nagħrfu, li l-mumenti ta’ tbatija f’ħajjitna, huma l-mumenti ta’ grazzja, għax meta norbtuhom miegħek, hemm tidher il-glorja tiegħek.
Silenzju biss 3 min
Kien f’dak il-ħin ta’ tradiment, O Mulej, li Inti tajtna kmadament ġdid: dak li nħobbu lil xulxin. U wrejtna b’liema marka aħna l-insara rridu ningħarfu: li mill-imħabba ta’ bejnietna, ħaddieħor jinduna li aħna tiegħek. (3 sek pawsa)
Kien ftit siegħat wara li tajtna dan il-kmandament tal-imħabba, meta Int, o Ġesù, tajtna l-prova tal-imħabba estrema li biha Int ħabbejtna; fejn tajt ħajtek għalina sa fuq il-għuda tas-Salib. (10 sek pawsa)
L-imħabba ta’ Ġesù, tixprunana biex naħdmu għall-għaqda fl-imħabba. Ġesù jfakkarna, li kull xhieda li nistgħu nagħtu ta’ Ġesù, kull evanġelizzazzjoni, kull xandira tal-Bxara t-Tajba lil ħutna, neċċessarjament trid tkun imsejsa fuq l-għaqda ta’ bejnietna.
Ejjew nitolbu l-ispirtu tal-imħabba, biex fil-familji tagħna, fil-komunitajiet parrokkjali tagħna, fil-gruppi tagħna, nagħtu xhieda tal-għaqda fl-imħabba. Hija l-ikbar xhieda tal-preżenza ta’ Ġesù Irxoxt u ħaj, fil-ħajja tal-bniedem tal-lum.
Silenzju/ soft background music 3 min
Kant: ________________
Talb tal-Komunità.
Waqt li nirringrazzjaw lill-Mulej tad-don tal-ħajja, ejjew nirringrazzjawh ukoll tad-don tal-fidwa, ta’ dan il-kmandament straordinarju tal-imħabba li bih jixtieq iġedded lilna u lid-dinja.
Nitolbu għall-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV, biex ikun imqawwi mill-Ispirtu ta’ Alla huwa u jibda l-ministeru tiegħu bħala s-suċċessur ta’ San Pietru. Nitolbu.
Nitolbu għal dawk, li minħabba nuqqas ta’ mħabba tagħna, jħossuhom esklużi mill-Knisja, jew iġġudikati, imwarrba, disprezzati: biex l-ewwelnett Mulej, tħenn għalina, tikkonvertilna qalbna, u fl-istess ħin lil dawn ħutna mweġġgħin tagħtihom il-faraġ u dawl. Nitolbu.
Nitolbu għad-dinja kollha, biex il-bnedmin jaħdmu ħalli jkollna smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom issaltan il-ġustizzja. Nitolbu.
Nitolbu għal min ma jafx iħobb, għax forsi qatt ma sab min iħobbu; għat-tfal li huma neqsin mill-imħabba u l-affett. Nitolbu.
Nitolbu għalina lkoll, biex nuru li aħna nsara, billi nħobbu lil ħutna kif nemmnu li jħobbna Kristu. Nitolbu.
Fis-skiet nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Dal Misteru