KEMM NIXTIEQ INSIR SMARTPHONE!

Minn Edwaerd Tagliaferro

Darba waħda, għalliema ta’ tfal ta’ għaxar snin, talbithom biex għax-xogħol tad-dar jiktbu komponiment bit-titlu: “X’inhi l-ikbar xewqa ta’ ħajti.”   L-għada, it-tfal kollha ġabu l-pitazzi b’dan il-komponiment.  L-għalliema ġabrithom u poġġiethom fil-basket.  Kompliet bil-lezzjonijiet tas-soltu, u meta sar il-ħin marret id-dar.

Wara li ħadet ftit kafe’, ħarġet il-pitazzi tat-tfal u bdiet tikkoreġihom.  Bdiet taqra li wieħed xtaq isir bdot, ieħor supereroj; oħrajn inġinier, pittur, astronawta, u l-bqija.  Imma wieħed tifel spikka aktar mill-oħrajn.  Ħareġ b’ideja li l-għalliema qatt ma kienet qed tistenna.   Dan stqarr li x-xewqa kbira tiegħu hi li jsir smartphone.   Qabel ma kompliet taqra, laħaq ġie r-raġel tagħha mix-xogħol.  Dan għamel naqra te’, u mar jistrieħ fuq petruna.

L-għalliema kompliet taqra: “Il-ġenituri tiegħi jħobbu l-ismartphone aktar minni. Jieħdu ħsiebu aktar milli jieħdu ħsiebi.  Meta missieri jiġi mix-xogħol għajjien, jaqbad l-ismartphone u jitkellem fih, u lili  mank jgħidli kelma waħda biss.  Jekk jaqta’ ftit u jċempillu, jirrispondih mill-ewwel wara ċempila waħda biss.  Meta jien  ngħajjatlu jew insaqsieh xi ħaġa ma jagħtiex kasi, anki jekk inkun qed nibki.  Ommi u missieri l-ħin kollu jilagħbu logħob li jsibu fih, imma ma jsibux imqar naqra ħin biex jilagħbu miegħi.  Jitkellmu fuqu dejjem mal-oħrajn, imma miegħi qatt, anki meta jkolli xi ħaġa mportanti ħafna x’ngħidilhom.   Għalhekk nixtieq ħafna li jiġi xi saħħar u jibdilni fi smartħhone, forsi l-ġenituri jibdew jagħtu kasi.”

L-għalliema qabżilha d-dmugħ u r-raġel tagħha nduna.  “Għaliex qed tibki?” staqsieha.  Weġbitu billi qaltlu x’kien hemm miktub.  “U min kitbu dan il-komponoment?”   Hawn l-għalliema nfexxet tibki u tolfoq, fil-waqt li qaltlu: “It-tifel tagħna!”

Il-gadgets li għandha tajbin biex jagħmlu l-ħajja tagħna aktar faċli,   Imma ma nistgħux inħalluhom jiddominawna u jmexxulna ħajjitna.  Jeħtieġ li niddeċiedu minn qabel meta u kemm ħin se nallokaw għalieh, bla ma ninsew x’ħin għandna bżonn għad-doveri tagħna, speċjalment jekk aħna ġenituri.  It-tfal ta’ kull eta’ jafu sew x’inhu jiġri madwarhom.  Dawn jagħmlu mpressjoni kbira u ċara f’moħħhom.  Matul il-ġurnata ta’ skola,  kull tifel jiltaqa’ ma’ diversi sitwazzjonijiet, xi wħud tajbin, imma xi wħud negattivi.  Kif jasal id-dar, dan it-tifel ikun irid jiftaħ qalbu mat-tnejn min-nies l-aktar li jħobbuh.  Jekk il-ġenituri ma jkunux lesti biex jisimgħuh, u joqogħdu jagħlqulu ħalqu u jgħidulu “Mhux issa!” dan it-tifel se jżomm kollox f’qalbu.  Dan jista’ jkun ta’ ħsara kbira għalih  u jikber bl-impressjoni li ħadd ma jħobbu u ħadd ma jagħti kasu. 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading