INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
LILL-OPRI MISSJUNARJI PONTIFIĊJIl
Il-Ħamis, 22 ta’ Mejju, 2025.
Eminenza, Eċċellenzi,
Segretarji Ġenerali, Diretturi Nazzjonali u Ħaddiema
tal-Opri Missjunarji Pontifiċji,
Għeżież ħuti,

Nagħti merħba minn qalbi lilkom ilkoll li nġabrtu hawn minn aktar minn mija u għoxrin pajjiż biex tieħdu sehem fl-Assemblea Ġenerali Annwali tal-Opri Missjunarji Pontifiċji. Nixtieq nibda billi nesprimi l-gratitudni tiegħi lilkom u lil kull min hu assoċjat magħkom għad-dedikazzjoni fis-servizz li tagħtu, servizz indispensabbli għall-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja, kif nista’ nixhed jien stess mill-esperjenza pastorali tul is-snin tal-ministeru tiegħi fil-Peru.
L-Opri Missjunarji Pontifiċji effettivament huma “l-mezz primarju” li bih tisseddaq ir-responsabbiltà missjunarja fost l-imgħammdin kollha u tkun sapport għall-komuntiajiet ekkleżjali f’postijiet fejn il-Knisja hi żgħażugħa (cf Digriet Ad Gentes, 38). Naraw dan fl-Opra għall-Propagazzjoni tal-Fidi, li tipprovdi għajnuna għall-programmi pastorali u kateketiċi, għall-bini ta’ knejjes ġodda, fil-qasam tas-saħħa u l-ħtiġijiet edukattivi fit-territorji missjunarji. L-Opra tas-Santa Infanzja wkoll tipprovdi sapport għall-formazzjoni nisranija tat-tfal, minbarra li tieħu ħsieb il-ħtiġijiet bażiċi u l-ħarsien tagħhom. L-istess l-Opra ta’ San Pietru Appostlu tgħin biex trawwem vokazzjonijiet missjunarji, reliġjużi u sekulari, filwaqt li l-Opra Missjunarja hi impejnata fil-formazzjoni tas-saċerdoti, tar-reliġjużi rġiel u nisa, u tal-poplu t’Alla kollu fl-attività missjunarja tal-Knisja.
Il-promozzjoni taż-żelu appostoliku fost il-Poplu t’Alla jibqa’ jkun aspett essenzjali għat-tiġdid tal-Knisja skont il-viżjoni tal-Konċilju Vatikan II, u huwa ferm aktar urġenti fi żmienna. Id-dinja tagħna, miġrugħa bil-gwerra, bil-vjolenza u bl-inġustizzja għandha bżonn tisma’ l-messaġġ tal-Evanġelju tal-imħabba t’Alla biex iġġarrab il-qawwa rikonċiljatttiva tal-grazzja ta’ Kristu. F’das-sens, il-Knisja nfisha, fil-membri kollha tagħha, għandha sejħa ma taqta’ xejn biex tkun “Knisja missjunarja li tiftaħ dirgħajha għad-dinja, ixxandar il-kelma… u ssir ħmira ta’ armonija għall-umanità” (Omilija waqt il-Quddiesa tal-Bidu tal-Pontifikat, 18 ta’ Mejju, 2025). Aħna għandna nwasslu lill-popli kollha, fil-fatt lill-ħlejjaq kollha, il-wegħda evanġelika ta’ paċi vera u dejjiema, li hi possibbli għax fi kliem il-Papa Franġisku, “il-Mulej rebaħ id-dinja u l-kunflitti bla temma tagħha billi ġab il-paċi permezz tad-demm tas-salib tiegħu” (Evangelii Gaudium, 229).
Għalhekk nifhmu kemm hu importanti li nippromwovu spirtu ta’ dixxipulat missjunarju fl-imgħammdin kollha u sens ta’ urġenza biex inwasslu lil Kristu lill-bnedmin kollha. Rigward dan, nixtieq irrodd ħajr lilkom u lill-assoċjati tagħkom għall-impennn biex ta’ kull sena torganizzazw Il-Jum Dinji tal-Missjoni fil-Ħadd ta’ qabel tal-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru, okkażjoni ta’ għajnuna kbira għalija minħabba l-attenzjoni li rrid nagħti lill-Knejjes li jaqgħu taħt id-Dikasteru tal-Evanġelizzazzjoni.
Illum, bħal fil-jiem tal-Pentekoste, il-Knisja mmexxijja mill-Ispirtu s-Santu, tkompli l-mixja tagħha tul l-istorja bil-fiduċja, bil-ferħ u l-kuraġġ hi u tħabbar isem Ġesù u s-salvazzjoni li jiġu mill-fiduċja fil-verità salvifika tal-Evanġelju. L-Opri Missjunarji Pontifiċji huma parti importanti f’dil-ħidma kbira. Fil-ħidma tagħhom li jikkordinaw il-formazzjoni missjunarja u janimaw l-ispirtu missjunarju fil-livell lokali, nistieden lid-Diretturi Nazzjonali biex jagħtu prijorità liż-żjarat tad-djoċesijiet, tal-parroċċi u l-komunitajiet, biex hekk jgħinu lill-fidili jagħrfu l-importanza fundamentali tal-missjonijiet u s-sapport li jeħtieġu ħutna f’dawk l-inħawi tad-dinja tagħna fejn il-Knisja hi żgħażugħa u qed tikber.
Qabel ma ntemm il-laqgħa magħkom dalgħodu, nixtieq nirrifletti magħkom dwar żewġ elementi distintivi tal-identità tagħkom bħala Opri Missjunarji Pontifiċji. Nistgħu niddeskrivuhom hekk: komunjoni u universalità. Bħala Għaqdiet impenjati biex jixxerjaw il-mandat missjunarju tal-Papa u tal-Kulleġġ tal-Isqfijiet, intom imsejħin biex tikkultivaw u tmexxu ‘l quddiem fost il-membri tagħkom il-viżjoni tal-Knisja bħala komunità ta’ persuni li jemmnu, imdawlin mill-Ispirtu s-Santu li permezz tiegħu għandna sehem mill-komunjoni perfetta u armonjuża tat-Trinità Qaddisa. Fil-verità kollox isib l-għaqda fit-Trinità. Din id-dimensjoni tal-ħajja nisranija u l-missjoni, hi qrib qalbi u ssib eku fi kliem Santu Wistin, li jien għażilt għas-serizz episkopali tiegħi u li issa huma wkoll lil-motto tal-ministeru petrin tiegħi: In Illo uno unum. Kristu hu s-Salvatur tagħna u fih aħna lkoll ħaġa waħda, familja ta’ Alla, lil hin mill-varjetà għanja tal-lingwi, kulturi u esperjenzi.
L-apprezzament tal-fatt li aħna komunjoni għax membri tal-Ġisem ta’ Kristu jiftaħna għad-dimensjoni universali tal-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja, u jispirana biex immorru ‘l hinn mill-konfini tal-parroċċi individwali tagħna, tad-djoċesijiet u tan-nazzjonijiet sabiex nixxerjaw ma’ kull nazzjon u ma’ kull poplu l-qligħ kbir li hemm illi nagħrfu lil Ġesù Kristu (cf Fil 3,8).
Viżjoni mġedda bir-reqqa tal-għaqda u l-universalità tal-Knisja, taqbel preċiżament mal-kariżma tal-Opri Missjunarji Pontifiċji. Bħala fatt din għandha tispira l-proċess ta’ tiġdid tal-istatuti, ħaġa li intom bdejtu. Rigward dan, nesprimi l-fiduċja tiegħi li dal-proċess jikkonferma l-membri tal-Opri Missjunarji madwar id-dinja kollha fil-vokazzjoni li għandhom li jkunu ħmira ta’ żelu missjunarju fi ħdan il-Poplu t’Alla.
Għeżież ħbieb, iċ-ċelebrazzjoni tas-Sena Mqaddsa tisfidana lkoll biex inkunu “pellegrini tat-tama”. Mill-kliem li l-Papa Franġisku għażel bħala tema għall-Jum Dinji tal-Missjoni għal dis-sena, intemm billi ninkoraġġikom tkomplu tkunu “missjunarji tat-tama fost il-popli”. Waqt li nirrikmanda lilkom u lill-benefatturi tagħkom u lil kull min hu magħqud magħkom f’dil-ħidma importanti, lill-interċessjoni ta’ Marija, Omm il-Knisja, minn qalbi ntikom il-Barka Appostolika tiegħi bħala pleġġ ta’ hena u paċi dejjiema fil-Mulej.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber