Amoris Laetitia – Il-Ferħ tal-Imħabba (1)

Ħsibijiet dwar l-eżortazzjoni AMORIS LAETITIA, tal-Papa Franġisku.

L-ewwl filmat: ĦARSA ĠENERALI

Nhar id-19 ta’ Marzu tal-2016, il-Papa Franġisku ta rigal lill-Knisja u lid-dinja: l-eżortazzjoni   (ittra) appostolika bl-isem ta’ Amoris Laetitia, (Il-Ferħ tal-Imħabba). Inkitbet kollha mill-Papa nnifsu wara t-temmija taż-żewġ sessjonijiet tas-sinodu dwar il-familja li sar fl-2015.

Ara minn hawn il-verżjoni powerpoint …

Tikkumplimenta Il-Misericordiae Vultus, (Il-Wiċċ tal-Ħniena) li l-Papa Franġisku kiteb fl-2015 li fiha elementi qawwija ta’ ħniena u ta’ maħfra. F’Il–Ferħ tal-Imħabba l-Papa juri li l-Knisja hi omm, li tagħder, tifhem, tissaporti u hi lesta b’idejha miftuħa, biex tħaddan fiha lill-familji kollha, għax il-ferħ u l-paċi huma possibbli.

L-eżortazzjoni tibda hekk: “Il-ferħ tal-imħabba, li tingħax fil-familja, hu wkoll il-ferħ tal-Knisja.” Fiha l-Papa jifhem is-sitwazzjoni attwali tal-familja, u dan jagħmlu b’saqajh mal-art, għaliex jaf bid-diffikultajiet u l-isfidi li tiffaċċja l-familja.

Huwa jħares b’ottimiżmu lejn dak li l-Knisja tista’ toffri lill-familji. Jaf li ħafna nies ma jilħqux il-livell ideali u ħafna huma dawk li mhumiex jgħixu kif il-Knisja tistenna miż-żwieġ.

Għalhekk jgħidilna li l-attitudni tal-Knisja trid tkun bħal ta’ “sptar fi gwerra, disinjata biex iddewwi lill-feruti”. Il-Papa jgħid li kuħadd għandu jħossu parti mill-Knisja u għalhekk, anke min ilu mbiegħed mis-Sagramenti, għandu jiġi nkuraġġit biex gradwalment jerġa’ jkun sehem fil-komunita’ nisranija.”

It-ton tal-Papa f’Il-Ferħ tal-Imħabba hu wieħed ta’ tenerezza, tant li din il-kelma nsibuha tnejn u għoxrin darba fl-eżortazzjoni. Il-Papa jkellimna b’mod familjari, bħal wieħed li jinsab viċin tan-nies u jagħmel mistoqsijiet tipiċi tal-ħlewwa tiegħu. Fl-istess waqt jurina d-dmirijiet tagħna lejna nfusna u fl-imħabba lejn l-oħrajn. 

Din l-eżortazzjoni fiha 325 paragrafu li fihom il-Papa Franġisku jidħol ħafna fil-fond dwar suġġetti marbutin mal-familja, mar-relazzjoni bejn il-koppja, iż-żwieġ, is-sesswalità, it-trobbija u l-edukazzjoni tat-tfal.

Matul din l-eżortazzjoni, il-Papa jerġa’ jippreżentalna l-wiċċ ta’ Alla, li ma jikkundannax imma li jrid jiġi “fuq il-mejda magħna” biex bi djalogu jagħmel eħfef il-mixja tagħna lejh, kuljum u dejjem aħjar.

Iħeġġiġna ħalli nsibu ħin biex naqraw l-eżortazzjoni Il-Ferħ tal-Imħabba, u naqrawha skont is-sitwazzjoni partikulari li ninsabu fiha, ta’ koppji, ta’ persuni mhux miżżewġa jew ta’ nies fil-pastorali u jqiegħed il-familja u l-imħabba fiċ-ċentru tal-Knisja, li hi “l-familja tal-familji”.

Ara minn hawn il-verżjoni powerpoint …

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading