B’effett immedjat mil-lum, it-Tlieta 10 ta’ Ġunju 2025, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma qed jaħtar lil Dun Daniel Sultana, mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra, u li sal-lum kien Segretarju Pastorali tad-Djoċesi, bħala Arċipriet tal-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra.Huwa se jkun is-17-il Ragħaj Spiritwali ta’ din il-komunità minn kemm ilha mwaqqfa bħala Parroċċa fl-1688.
Dun Daniel Sultana twieled ix-Xagħra fil-5 ta’ Ottubru 1988, u ġie ordnat saċerdot fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, nhar it-30 ta’ Mejju 2014. Matul l-ewwel snin tas-saċerdozju kien Kollaboratur Parrokkjali fil-Parroċċa San Gabrijel tal-Addolorata, Ruma, waqt li segwa l-kors fil-Komunikazzjoni Soċjali Istituzzjonali fi ħdan l-Università Pontifiċja Santa Croce fl-istess belt. Lura fid-Djoċesi ta’ Għawdex fl-2018, huwa nħatar Segretarju Pastorali tad-Djoċesi, kif ukoll Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa tal-Katidral tal-Assunta.
