Il-Papa Ljun XIV fil-festa tal-Verġni Marija Omm Alla.

ĠUBLEW TAS-SANTA SEDE
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
Il-Verġni Mqaddsa Marija Omm il-Knisja
It-Tnejn 9 ta’ Ġunju 2025

Għeżież ħuti,

Illum għandna l-ferħ u l-grazzja li qed niċċelebraw il-ġublew tas-Santa Sede fit-Tifkira liturġika ta’ Marija Omm il-Knisja. Din il-koinċidenza hienja hi għajn ta’ dawl u ta’ ispirazzjoni interjuri fl-Ispirtu s-Santu, li lbieraħ, Għid il-Ħamsin, issawwab bil-kotra fuq il-poplu ta’ Alla. U f’din il-klima spiritwali llum aħna qed ingawdu jum speċjali, l-ewwel bil-meditazzjoni li smajna u issa, hawn, mal-Mejda tal-Kelma u tal-Ewkaristija.

Il-Kelma ta’ Alla f’din iċ-ċelebrazzjoni tgħinna nifhmu l-misteru tal-Knisja, u fih dak tas-Santa Sede, fid-dawl taż-żewġ ikoni bibliċi miktuba mill-Ispirtu s-Santu fil-paġna tal-Atti tal-Appostli (1:12-14) u f’dik tal-Vanġelu ta’ Ġwanni (19:25-34).

Nitilqu minn dik fundamentali, li hi r-rakkont tal-mewt ta’ Ġesù. Ġwanni, l-uniku wieħed mit-Tnax li kien preżenti fuq il-Kalvarju, ra u xehed li taħt is-salib, flimkien man-nisa l-oħra, kien hemm omm Ġesù (v. 25). U sema’ b’widnejh stess l-aħħar kelmiet tal-Imgħallem, li fosthom kien hemm dawn: “Mara, hawn hu ibnek!”, u mbagħad, dawk li ntqalu lilu: “Hawn hi ommok!” (v. 26-27).

Il-maternità ta’ Marija permezz tal-misteru tas-Salib għamlet qabża ġdida għalkollox: l-omm ta’ Ġesù saret Eva l-ġdida, għax l-Iben seħibha fil-mewt feddejja tiegħu, għajn ta’ ħajja ġdida u eterna għal kull bniedem li jiġi f’din id-dinja. It-tema tal-fekondità hija preżenti sew f’din il-liturġija. It-Talba tal-“Kolletta” minnufih xeħtet dawl fuqha billi poġġiet fuq fommna t-talba lill-Missier biex il-Knisja, imwieżna mill-imħabba ta’ Kristu, “tkun dejjem iżjed għammiela fl-Ispirtu”.

Il-fekondità tal-Knisja hija l-istess fekondità ta’ Marija; u titwettaq fil-ħajja tal-membri tagħha skont kemm huma jerġgħu jgħixu, “fiċ-ċokon”, dak li għexet Marija, jiġifieri jħobbu skont l-imħabba ta’ Ġesù. Il-frott kollu tal-Knisja u tas-Santa Sede jiddependi mis-Salib ta’ Kristu. Inkella tkun apparenza, jekk mhux agħar. Teologu kbir ta’ żmienna kiteb hekk: “Jekk il-Knisja hija s-siġra li kibret miż-żerriegħa ċkejkna tal-mustarda tas-salib, din is-siġra hi ddestinata li min-naħa tagħha tipproduċi żerrigħat ċkejkna tal-mustarda, u allura frott li jirrepeti l-forma tas-salib, għax huwa proprju lis-salib li jaf l-eżistenza tiegħu” (H.U. von Balthasar, Cordula ovverosia il caso serio, Brescia 1969, 45-46).

Fil-Kolletta tlabna wkoll li l-Knisja “tifraħ bil-qdusija ta’ wliedha”. Fil-fatt, din il-fekondità ta’ Marija u tal-Knisja hi marbuta b’mod inseparabbli mal-qdusija tagħha, jiġifieri mat-twaħħid tagħha ma’ Kristu. Is-Santa Sede hi qaddisa kif inhi l-Knisja, fil-qalba orġinali tagħha, fit-tessut li bih hi minsuġa. Hekk is-Sede Appostolika tħares il-qdusija tal-għeruq tagħha waqt li hi mħarsa minnha. Imma mhux b’inqas minnu li hi tgħix ukoll fil-qdusija ta’ kull wieħed u waħda mill-membri tagħha. Għalhekk l-aħjar mod kif naqdu lis-Santa Sede hu li nfittxu kif inkunu qaddisin, kull wieħed u waħda minna skont l-istat ta’ ħajtu u l-ħidma li biha ġie fdat.

Ngħidu aħna, qassis li personalment qed iġorr is-salib tqil minħabba l-ministeru tiegħu, u madankollu ta’ kuljum imur l-uffiċċju u jfittex li jagħmel mill-aħjar ix-xogħol tiegħu bi mħabba u b’fidi, dan il-qassis qed jipparteċipa u jikkontribwixxi fil-fekondità tal-Knisja. U hekk missier jew omm ta’ familja, li d-dar jgħix sitwazzjoni diffiċli, ta’ iben li jħassbu, jew ta’ ġenitur marid, u xorta jibqa’ għaddej b’impenn fil-ħidma tiegħu, dak ir-raġel jew dik il-mara huma għammiela bil-fekondità ta’ Marija u tal-Knisja.

Niġu issa għat-tieni ikona, dik miktuba minn San Luqa fil-bidu tal-Atti tal-Appostli, li turina l-omm ta’ Ġesù flimkien mal-Appostli u d-dixxipli fiċ-Ċenaklu (1:12-14). Turina l-maternità ta’ Marija lejn il-Knisja li għadha qed titwieled, maternità “arċitipika”, li tibqa’ attwali f’kull żmien u post. U fuq kollox hi dejjem frott tal-Misteru tal-Għid, tad-don tal-Mulej mislub u rxuxtat.

L-Ispirtu s-Santu, li jinżel bil-qawwa fuq l-ewwel komunità, huwa l-istess li Ġesù ta mal-aħħar nifs tiegħu (ara Ġw 19:30). Din l-ikona biblika ma tistax tifridha mill-ewwel waħda: il-frott li tagħti l-Knisja hu dejjem marbut mal-Grazzja li gelglet mill-Qalb minfuda ta’ Ġesù flimkien mad-demm u mal-ilma, simbolu tas-Sagramenti (ara Ġw 19:34).

Marija, fiċ-Ċenaklu, grazzi għall-missjoni materna li rċiviet f’riġlejn is-salib, qiegħda għas-servizz tal-komunità li kienet għadha titwieled: hija l-memorja ħajja ta’ Ġesù, u bħala tali hi, biex ngħidu hekk, dik l-attrazzjoni li tarmonizza d-differenzi u tagħmel li t-talb tad-dixxipli jkun fehma u qalb waħda.

L-Appostli, anki f’dan it-test, huma msemmija b’isimhom, u bħal dejjem l-ewwel wieħed huwa Pietru (ara v. 13). Imma hu stess, anzi, hu l-ewwel li hu mwieżen minn Marija fil-ministeru tiegħu. Bl-istess mod il-Knisja Omm twieżen il-ministeru tas-suċċessuri ta’ Pietru bil-kariżma Marjana. Is-Santa Sede tgħix b’mod għalkollox partikulari l-preżenza flimkien taż-żewġ itruf, dak Marjan fuq naħa u dak Petrin fuq l-oħra. U huwa dak Marjan li jiżgura l-fekondità u l-qdusija ta’ dak Petrin, bil-maternità tiegħu, don ta’ Kristu u tal-Ispirtu.

Għeżież, infaħħru lil Alla għall-Kelma tiegħu, musbieħ li jdawwal il-passi tagħna, anki l-ħajja tagħna ta’ kuljum għall-qadi tas-Santa Sede. U, imdawlin minn din il-Kelma, inġeddu t-talba tagħna: “Agħtina, Missier, li l-Knisja tiegħek, bl-għajnuna tal-imħabba ta’ Kristu, tkun dejjem iżjed għammiela fl-Ispirtu, tifraħ bil-qdusija ta’ wliedha u tiġbor dejjem fi ħdanha l-familji kollha tal-ġnus” (Talba tal-Kolletta fil-Missal Taljan). Amen.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading