Is-Sibt, 14 ta’ Ġunju 2025: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fir-Rit tat-Tberik tat-Trabi fil-Ġuf. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
1,700 sena ilu bħal dan iż-żmien – jiġifieri mhux ilbieraħ! – iltaqgħu l-ewwel isqfijiet. Dak kien fis-sena 325 sena wk. L-isqfijiet u l-għorrief tal-Knisja ltaqgħu f’Nicea biex jiddiskutu dwar dan il-Vanġelu (Ġw 16:12-15) u anġeli oħra bħalu. Huwa Vanġelu diffiċli li jitkellem dwar Alla l-Missier. Imbagħad jitkellem fuq Ġesù li jgħid illi dak li għandu Alla l-Missier huwa tiegħu u dak li hu tiegħu huwa ta’ Alla l-Missier. Jitkellem ukoll fuq figura oħra, l-Ispirtu s-Santu, illi se jkompli jgħallem dak li l-Iben ikun għadu ma qalx lill-bnedmin.
Quddiem dan il-Vanġelu u siltiet bħal dan nitħawdu aħna… immaġinaw dawk tal-bidu kif tħawdu u tgerfxu! Meta qraw dawn is-siltiet ħarġu b’dak li ngħidulu l-Misteru tat-Trinità: Alla l-Missier, Alla l-Iben, u Alla l-Ispirtu s-Santu, illi huma Tliet Persuni imma Alla Wieħed. Jiġifieri ma kinitx konklużjoni jew invenzjoni tal-Knisja din, imma kien wara diskussjonijiet u anki uġigħ kbir, għax kien hemm min fehemha mod ieħor u allura nqata’ mill-Knisja, wara problemi u kunflitti kbar li ngħidulhom ereżiji, nies li ħarġu b’ideat oħrajn differenti. Imma mbagħad ftiehmu li dan Alla tagħna hu familja, hu relazzjonijiet.
Din tagħmel ħafna sens, għax jekk Alla huwa kollox, aħna, jekk qegħdin hawn, għax hemm Hu. U jekk Alla hu relazzjoni, allura l-aktar ħaġa importanti fid-dinja (aħna nafuha mill-esperjenza tagħna) huma r-relazzjonijiet. Jista’ jkollok ħafna flus… jekk tkun waħdek, tgħix iddisprat. Tista’ tkun sinjur, għaref kbir… jekk ma jkollokx relazzjonijiet tkun maqtugħ mill-art, stordut, kif ngħidu, tgħix fis-sħab. Ir-relazzjonijiet!
Ma ninsewx illi intom bħalissa qegħdin f’relazzjoni fiżika, li forsi mhux il-ħin kollu tkunu konxji minnha, imma f’relazzjoni ma’ persuna oħra. Din hija xi ħaġa kbira u misteru. Hu parti mill-misteru li aħna ngħixu fih: il-misteru ta’ Alla. Alla huwa relazzjoni, u meta ħalaq il-bniedem, Alla qal: “Ħa nagħmlu l-bniedem bħalna, fuq ix-xbeha tagħna”, ritratt tagħna, jiġifieri relazzjoni (ara Ġen 1:26). Fil-fatt, ikompli l-Ktieb tal-Ġenesi: “U għamilhom raġel u mara” (v. 27), relazzjoni. Mhux għamel raġel, lanqas għamel mara, imma għamel raġel u mara, jiġifieri relazzjoni.
Issa din ir-relazzjoni tagħkom mat-tarbija li hemm ġo fikom kif inhi bħalissa? Żgur li l-ewwel nett hi relazzjoni ta’ stennija, u din diġà hija xi ħaġa diffiċli. Li tistenna llum saret xi ħaġa rari ħafna, għax illum kollox bil-push button, għandna kollox fil-but mal-mobile. Il-mobile jiġbor fih kollox: il-persuni kollha li taf, il-kontijiet li għandek il-bank, l-impenji li għandek, il-korrispondenza, ix-xogħol; jiġbor fih ħajtek kollha. Imma din hi illużjoni!
Din l-esperjenza li qed tgħixu tal-istennija, tat-tqala, tlaqqagħana mar-realtà proprju f’dinja li m’għadhiex tistenna. Imma li tistenna hija realtà, hija verità. U din l-istennija tidħol l-iktar fejn jidħlu l-persuni. Trid tistenna billi tieħu paċenzja bir-raġel tiegħek: mhux push button ir-raġel tiegħek, mil-lum għal għada ser jinbidel minn nervuż għal kalm! Trid tistenna lill-mara tiegħek: mhix push button il-mara tiegħek, minn waħda li tieħu għaliha fuq ix-xejn se trabbi l-kallu mil-lum għal għada! Tridu tistennew lit-tfal tagħkom, kemm dawk li għandkom, kemm dawk li għad irid ikollkom: mhumiex push button it-tfal! Irridu nistennew!
L-istennija, ħafna drabi, tqabbiżhielna, tagħmlilna n-nervi, tagħmlilna r-rabja, toħolqilna tensjoni. Allura rridu nagħrfu ngħixu din it-tensjoni u din ir-rabja. Minn fejn tiġi din ir-rabja tal-istennija? Tiġi mill-fatt illi ma jistax ikollna kollox taħt kontroll, u din tqajmilna rabja fina. Meta jien naħseb jew nimmaġina li jista’ jkolli kollox taħt kontroll, ifisser – mingħajr ma ninduna u mingħajr xi intenzjoni ħażina – li nimmaġina li jien alla tiegħi nnifsi, li jien nista’ mmexxi ħajti kif jidhirli jien u kif irrid jien.
Imma żmien it-tqala jgħallem li mhux kollox jiddependi minna, li ma nistgħux nikkontrollaw kollox. Din mhix marbuta biss ma’ perjodu, imma marbuta ma’ ħajjitna kollha. B’xorti ħażina, fil-bqija ta’ ħajjitna kollha ngħixu fl-illużjoni li aħna nistgħu nikkontrollaw kollox. Allura, dan iż-żmien tat-tqala, minkejja l-ansjetà li jġib miegħu, li hija ħafna normali, minkejja t-tensjoni li jġib miegħu, minkejja l-esperjenza tal-istennija ta’ dak li ma tafux, illi ġġib ftit jew ħafna biża’ fina, huwa żmien importanti u pprivileġġjat, għax huwa żmien li jlaqqgħana mal-verità tal-bniedem.
Din hi l-verità tagħna, il-bqija illużjoni. Il-bqija, aħna ngħixu fil-fantasija. Allura dan iż-żmien ta’ dak li ma nafux, dan iż-żmien ta’ stennija, dan iż-żmien fejn m’aħniex totalment f’kontroll, dan iż-żmien ta’ biża’, lilna jpoġġina f’sitwazzjoni fejn niltaqgħu aktar mas-sors tal-ħajja, ma’ Alla, kif għamiltu intom illejla u ġejtu hawn. Imma din hija verità li mhix marbuta biss maż-żmien ta’ tensjoni jew tat-tqala, imma li aħna rridu norbtu mal-ħajja kollha. Nixtieq li tiftakru fiha matul ħajjitkom kollha: aħna kontinwament niddependu minn Alla. Kontinwament huwa dak li għandu kontroll tal-ħajja tagħna, tal-esperjenzi li ngħaddu minnhom. Sintendi, il-parti tal-libertà tagħna ma tonqosx, imma l-libertà tagħna nistgħu nħaddmuha meta aħna nisimgħu lil Alla jkellimna u nippruvaw inpoġġu dik il-Kelma fil-prattika tagħna ta’ kuljum.
L-esperjenza tat-tqala hija ‘Vanġelu’ għalikom, hija tagħlima, aħbar sabiħa u tajba. Aħbar tajba mhux biss minħabba l-frott, minħabba t-twelid tat-tarbija li qegħdin tistennew, imma aħbar tajba għax qiegħda tgħidilkom il-verità tagħkom, li aħna m’aħniex f’kontroll tagħna nfusna, li aħna niddependu minn Alla, mhux illum biss imma ħajjitna kollha, li rċevejna ħafna doni u grazzji mingħandu.
Il-Mulej jagħtikom il-grazzja li tgħixu din ir-realtà ta’ stennija ta’ Alla, ta’ stennija tal-ferħ. Bil-Malti l-kelma ‘ferħ’ tista’ tfisser, jew happiness jew inkella ż-żgħir ta’ annimal, iż-żgħir tal-bniedem. Fl-għaqal tal-kultura, tal-istorja, tas-semantika tagħna, din il-kelma derivata għalina tista’ tfisser ħafna!
Ejjew nitolbu lill-Mulej illejla biex nemmnu tassew li l-ferħ tagħna ma jiddependix biss minna, bħalma l-ferħ li għandkom fikom ma jiddependix biss minkom. Il-ferħ tagħna jiddependi ħafna minn kemm għandna relazzjoni tajba ma’ Alla u minn kemm inħallu lilu jidħol f’relazzjoni magħna, mhux illum biss imma matul il-ħajja kollha tagħna.
Intervent tal-Isqof qabel il-Missierna
Ejjew niftakru li Alla huwa Missier. Għada Jum il-Missier. Awguri mill-qalb lill-missirijiet.
Illum jitkellmu ħafna fuq diffikultà fl-identità maskili, fl-identità tar-raġel, forsi wkoll konfużjoni fl-identifikazzjoni sesswali. Inħeġġiġkom biex qatt ma tieqfu titgħallmu. Aħna, b’xorti ħażina, nieqfu nitgħallmu, imma naħdmu nkomplu. Naħseb li dawn iridu jmorru ħafna flimkien. Li taħdem u li titgħallem iridu jmorru ħafna flimkien. Fittxu okkażjonijiet fejn tistgħu titgħallmu.
L-identifikazzjoni sesswali ma ssirx kemm tfaqqa’ subgħajk. U lanqas issir biss għax dak li jkun jitwieled hekk. Inneħħuha minn moħħna li għax dak li jkun twieled hekk. Le, dak li jkun twieled bi predispożizzjonijiet li mbagħad jiġu magħġuna fir-relazzjonijiet. Allura liema relazzjonijiet huma l-aħjar biex it-tifel jikber raġel u t-tifla tikber mara? Ma nistgħux inħallu għall-ispontanjetà, tiġi kif tiġi. Aħna għandna s-sehem tagħna, iktar u iktar illum li intom tafu li r-relazzjonijiet iħallu effett fuq jekk tifel iħossux raġel u jekk tifla tħosshiex mara. Allura ma nistgħux aħna ngħidu: ‘Issa tiġi kif tiġi’, jew inkella nwaħħlu li twieled hekk. Mhux biżżejjed.
Dan ma jfissirx li ma nirrispettawx, ma naċċettawx, ma nħobbux, ma nqisux tal-istess valur lil kull persuna, hi liema hi l-identifikazzjoni sesswali tagħha, anki jekk mhix kapaċi tagħrafha. Illum b’xorti ħażina għandna sitwazzjonijiet fejn dak li jkun jgħid: ‘Jien ma nafx iniex raġel jew mara’. Ma jfissirx li ma nirrispettawx u ma nħobbux, u ma jfissirx li ma nilqgħux. Imma fl-istess ħin hemm responsabbiltà li bħala ġenituri intom tridu tgħixuha. Għalhekk mhux biżżejjed tkomplu taħdmu, imma wkoll tridu tkomplu titgħallmu, b’mod speċjali fid-dinja li qed ngħixu fiha llum.
Intervent tal-Isqof fi tmiem il-Quddiesa
Nawguralkom minn qalbi, verament, lil kull familja. Naf li kull familja tkun qed tgħix dan il-mument minn naħa b’ħafna ferħ, minn naħa b’ħafna biża’ u tensjonijiet. Żgur illi tkunu fit-talb tiegħi. Tittraskurawx dak li għidtilkom dwar it-tagħlim. Komplu tgħallmu, kemm dwar ir-relazzjoni ta’ bejnietkom, kemm dwar il-parenting. Issa intom m’intomx partners biss, imma wkoll parents. Allura hemm bżonn ta’ għodod oħrajn fejn jidħol il-parenting. Nawguralkom mill-qalb li ssibu modi kif tibqgħu titgħallmu dejjem. (Min ikun irid ifittex, fuq il-Facebook tad-Djoċesi ta’ Għawdex ikun hemm il-possibbiltajiet ta’ tagħlim, anki dwar parenting, li intom tkunu tistgħu tattendu u tkomplu tiffurmaw ruħkom fuqhom).