Il-Papa Franġislu fuq San Pietru u San Pawl

Riflessjonijiet tal-Papa Franġisku li għamel nhar l-Imnarja fuq San Pietru u San Pawl matul il-Pontifikat tiegħu.
13/3/2013 — 21/4/2025

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Ta’ kull sena fid-29 ta’ Ġunju l-Papa Franġisku iċċelebra quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru u wara għamel diskors qabel l-Angelus.

1 • Il-bidla u l-provi li għaddew minnhom

Il-Papa Franġisku enfasizza l-laqgħa li San Pietru u San Pawl kellhom ma’ Kristu, li ħelsithom mill-passat tagħhom u tathom il-qawwa li jsiru Appostli (Angelus 29/6/2021).Irrifletta fuq il-vjaġġi interjuri ta’ dawn l-Appostli mid-dnub għall-qdusija.  Permezz tal-ħniena ta’ Alla ċ-ċaħda ta’ San Pietru kif ukoll il-persekuzzjoni ta’ San Pawl biddluhom għall-aħjar. Il-Papa inkuraġixxa lill-insara kollha biex bħall-Appostli jiġu trasformati mill-ħniena ta’ Alla u hekk ibiddlu l-aktar mumenti koroħ f’mumenti ta’ grazzja (Angelus 29/6/2014) Franġisku jgħidilna li saru l-fundament tal-Knisja bikrija u li fihom saret bidla permezz tal-grazzja ta’ Alla. Pietru li ċaħad lil Kristu u Pawlu li kien persekutur saru pilastri tal-Knisja billi ltaqgħu b’mod profond mal-imħabba ta’ Kristu (Angelus 29/6/2013).

Il-Papa tkellem fuq l-imħabba li San Pietru u San Pawl kellhom għall-Verġni Marija u kif ir-relazzjoni tagħhom magħha għenuhom biex jifhmu aħjar lil Kristu (Angelus 29/6/2015).

San Pietru u San Pawl iffaċjaw provi fil-ħajja, filwaqt li l-fidi tagħhom tqawwiet mit-tbatija li għaddew minnha f’ħajjithom (Angelus 29/6/2024). Huma għamlu sagrifiċċji personali u kienu dejjem leali lejn Kristu (Angelus 29/6/2023). San Pietru u San Pawl kienu kuraġġjużi waqt il-persekuzzjoni (Priedka fid-29/6/2019). Għaddew minn provi filwaqt li enfasizza li l-fidi tagħhom ġiet imqawwija mill-kuntrarju li ltaqgħu miegħu. Tenna wkoll lill-fidili li Alla huwa preżenti fi żminijiet diffiċli filwaqt li joffrilna ħelsien mid-dnub u l-ħażen (Angelus 29/6/2017). Irrifletta fuq is-sagrifiċċji personali ta’ dawn l-Appostli u r-rabta tagħhom ma’ Kristu li ma tinħallx (Angelus 29/6/2023).

2• Ħabbara ta’ Kristu sal-martirju

Il-Papa Franġisku saħaq fuq iż-żelu missjunarju tagħhom u d-disponibbiltà li jħallu kollox warajhom biex jimxu wara Kristu. Tkellem fuq l-importanza tal-evanġelizzazzjoni u li mmorru fil-periferiji. Ħeġġeġ lill-insara biex ikunu xhieda kuraġġjuża tal-Evanġelju, ispirati mill-eżempju tal-Appostli (Priedka 29/6/2016).

Dan il-Papa saħaq fuq iż-żelu missjunarju ta’ San Pietru u San Pawl li minkejja d-differenzi tagħhom kienu magħquda fit-tixrid tal-Evanġelju. Kienu lesti li jħallu lill-art twelidhom u jsofru l-persekuzzjoni f’Ruma u b’hekk isiru eżempju ta’ kuraġġ u dedikazzjoni. Il-wirt tagħhom jisfida lill-insara ta’ żmienna biex inkunu xhieda ferrieħija tal-fidi (Angelus 29/6/2016).

Fl-Angelus tad-29 ta’ Ġunju 2020 Papa Franġsiku tkellem fuq il-martirju ta’ San Pietru u jgħid li qegħdin qrib il-post fejn San Pietru sofra l-martirju. Jitkellem kif l-ewwel darba ġie meħlus mill-ħabs iżda t-tieni darba ta ħajtu għal Kristu. Il-Papa jtenni li San Pietru sar eroj mhux għax inħeles mill-ħabs iżda talli ta ħajtu fil-martirju. Saħaq ukoll li l-aktar ħaġa importanti f’ħajjitna hija li nagħtuha bħala rigal lil ħaddieħor.

Dan il-Papa għandu din ir-riflessjoni sabiħa dwar San Pawl bħala mudell ta’ Evanġelizzazzjoni: “San Pawl jagħtina din it-tweġiba għal din il-mistoqsija –‘Min huwa Kristu għalina’ mhix xi mħabba li tħallina fil-kwiet meta nxandru l-Evanġelju lill-oħrajn. L-Appostlu jgħallimna li aħna nikbru fil-fidi u fl-għarfien tal-misteru ta’ Kristu meta nipprietkawh u nagħtu xhieda tiegħu quddiem l-oħrajn. Dan jiġri dejjem. Meta aħna nevanġelizzaw aħna niġu evanġelizzati” (29/6/2022).

3• It-tagħlim u l-wirt li ħallewlna dawn l-Appostli

Il-Papa Franġisku tkellem fuq il-wirt kbir li ħallewlna San Pietru u San Pawl, filwaqt li ħeġeġġ lill-Knisja biex timxi fuq il-kuraġġ u l-fidi tagħhom. Huwa saħaq fuq l-unità fid-diversità u inkuraġġixxa lill-insara biex jaħdmu ma’ xulxin minkejja ambjenti u perspettivi differenti (Angelus 29/6/2022).

Proprju dan kien is-suġġett tal-ewwel priedka fil-Pontifikat tiegħu nhar il-festa ta’ San Pietru u San Pawl. Huwa enfasizza l-unità u d-diversità fil-Knisja kif il-missjonijiet ta’ dawn iż-żewġ Appostli kienu distinti. Saħaq fuq il-missjoni ta’ San Pietru li jsaħħaħ il-fidi fil-komunità u dik ta’ San Pawl li jipprietka lill-ġnus. (29/6/2013).

Il-Papa Franġisku qalilna kemm it-tagħlim ta’ dawn iż-żewġ qaddisin għadu relevanti għad-dinja ta’ żmienna. Ħeġġeġ lill-Knisja biex tieħu mill-għerf tagħhom meta tiffaċċja l-inġustizzji soċjali, is-sekulariżmu u l-bżonn tad-djalogu (Priedka  29/6/2024).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading