SOLENNITÀ TAT-TRINITÀ QADDISA
ĠUBLEW TAL-ISPORT
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ħadd 15 ta’ Ġunju 2025
Għeżież ħuti,
Fl-Ewwel Qari smajna dawn il-kelmiet: “Dan jgħid il-Għerf ta’ Alla: ‘Il-Mulej kellu lili sa mill-bidu ta’ għemilu, sa minn qabel l-eqdem għemejjel tiegħu. […] Meta ħejja s-smewwiet jien kont hemm, […] jien kont maġenbu bħala tfajjel, l-għaxqa tiegħu, jum wara ieħor, nitliegħeb il-ħin kollu quddiemu; nitliegħeb fuq l-art imħejjija għall-bnedmin, nitgħaxxaq b’ulied il-bnedmin’” (Prov 8:22,27,30-31). Għal Santu Wistin, it-Trinità u l-għerf huma marbuta bil-kbir ma’ xulxin. L-għerf divin hu rivelat fit-Trinità Qaddisa, u l-għerf iwassalna dejjem għall-verità.
U llum, aħna u niċċelebraw is-Solennità tat-Trinità Qaddisa, qed ngħixu l-jiem tal-Ġublew tal-Isport. Il-binomju Trinità-sport mhuwiex eżattament fl-użu komuni, imma t-tlaqqigħ tagħhom mhuwiex barra minn loku. Fil-fatt, kull attività umana fiha rifless tal-ġmiel ta’ Alla, u ċertament l-isport hu wieħed minn dawn. Mill-bqija, Alla mhuwiex statiku, mhuwiex magħluq fih innifsu. Huwa komunjoni, relazzjoni ħajja bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, li jinfetaħ għall-umanità u għad-dinja. It-teoloġija ssejjaħ din ir-realtà pericoresi, jiġifieri “żifna”: żifna ta’ mħabba reċiproka.
Huwa minn dan id-dinamiżmu divin li toħroġ il-ħajja. Aħna ġejna maħluqa minn Alla li jieħu gost u jifraħ jagħti ħajtu lill-ħlejjaq tiegħu, li “jitliegħeb”, kif fakkarna l-Ewwel Qari (ara Prov 8:30-31). Xi Missirijiet tal-Knisja sħanasitra għandhom l-ardir jitkellmu fuq Deus ludens, Alla li jiddeverti (ara San Salonju ta’ Ginevra, In Parabolas Salomonis expositio mystica; San Girgor Nazjanzenu, Carmina, I, 2, 589). Għalhekk l-isport jista’ jgħinna niltaqgħu ma’ Alla Trinità: għax jitlob moviment tal-jien lejn l-ieħor, ċertament esterjuri, imma anki u fuq kollox interjuri. Mingħajr dan, jirriduċi ruħu għal kompetizzjoni sterili ta’ egoiżmi.
Ejjew naħsbu f’espressjoni li, fil-lingwa Latina, tintuża komunement biex tinċita lill-atleti waqt il-kompetizzjonijiet: l-ispettaturi jgħajtu: “Dai!”. Forsi ma nagħtux każ, imma dan hu imperattiv mill-isbaħ: huwa l-imperattiv tal-verb “tagħti”. U dan jista’ jgħinna nirriflettu: hawn wieħed mhux biss qed jagħti prestazzjoni fiżika, forsi straordinarja, imma qed jagħti lilu nnifsu, “jilgħab lilu nnifsu”. Ifisser li wieħed jingħata għall-oħrajn – biex jikber hu, dawk li jsostnuh, l-għeżież tiegħu, dawk li jħarrġuh, il-kollaboraturi, il-pubbliku, imqar l-avversarji – u, jekk aħna tassew sportivi, dan għandu siwi lil hemm mir-riżultat. San Ġwanni Pawlu II – li kif nafu, kien sportiv – hekk kien jitkellem dwar dan: “L-isport huwa ferħ tal-ħajja, logħob, festa, u bħala tali għandu jiġi vvalorizzat […] billi nirkupraw il-gratwità tiegħu, il-kapaċità tiegħu li joħloq rabtiet ta’ ħbiberija, li jiffavorixxi d-djalogu u l-ftuħ lejn xulxin, […] ’il fuq mil-liġijiet ibsin tal-produzzjoni u tal-konsum u ta’ kull kunsiderazzjoni oħra purament utilitaristika u edonistika tal-ħajja” (Omelija għall-Ġublew tal-isportivi, 12 ta’ April 1984).
F’din l-ottika naċċennaw allura, b’mod partikulari, għal tliet aspetti li lill-isport, illum, jagħmluh mezz prezzjuż ta’ formazzjoni umana u Nisranija.
L-ewwel nett, f’soċjetà mmarkata mis-solitudni, fejn l-individwaliżmu tal-biża’ mexxa l-bariċentru mill-“aħna” għall-“jien”, u spiċċajna ninjoraw lill-ieħor, l-isport – speċjalment meta jkun f’tim – jgħallem il-valur tal-kollaborazzjoni, li nimxu flimkien, dak il-qsim flimkien li, kif għidna, hu fil-qalba nfisha tal-ħajja ta’ Alla (ara Ġw 16:14-15). Hekk jista’ jsir strument importanti ta’ rikompożizzjoni u ta’ laqgħa: bejn il-popli, fil-komunitajiet, fl-ambjenti skolastiċi u tax-xogħol, fil-familji!
It-tieni, f’soċjetà dejjem iżjed diġitali, fejn it-teknoloġiji, imqar jekk iqarrbu persuni mbiegħda, spiss ibiegħdu lil min jinsab qrib, l-isport jivvalorizza l-konkretezza ta’ li noqogħdu flimkien, is-sens tal-ġisem, tal-ispazju, tat-taħbit, tal-ħin reali. Hekk, kontra t-tentazzjoni li naħarbu f’dinjiet virtwali, hu jgħinna nżommu kuntatt san man-natura u mal-ħajja konkreta, post li fih inħaddmu biss l-imħabba (ara 1 Ġw 3:18).
It-tielet, f’soċjetà kompetittiva, fejn donnhom dawk li huma b’saħħithom u rebbieħa biss jixirqilhom jgħixu, l-isport jgħallimna wkoll nitilfu, u jqiegħed lill-bniedem f’konfront, fl-arti tat-telfa, ma’ waħda mill-veritajiet l-aktar profondi tal-qagħda tiegħu: id-dgħufija, il-limitu, l-imperfezzjoni. Dan hu importanti, għax hu mill-esperjenza ta’ din id-dgħufija li ninfetħu għat-tama. L-atleta li ma jiżbalja qatt, li ma jitlef qatt, ma jeżistix. Il-kampjuni ma humiex magni infallibbli, imma rġiel u nisa li, anki meta jaqgħu, isibu l-kuraġġ li jerġgħu jqumu. Dwar dan, niftakru għal darb’oħra fil-kelmiet ta’ San Ġwanni Pawlu II, li qal li Ġesù huwa “l-veru atleta ta’ Alla”, għax rebaħ lid-dinja mhux bil-qawwa, imma bil-fedeltà tal-imħabba (ara Omelija fil-Quddiesa għall-Ġublew tal-isportivi, 29 ta’ Ottubru 2000).
Mhux ta’ b’xejn li, fil-ħajja ta’ ħafna qaddisin ta’ żmienna, l-isport kellu rwol sinifikattiv, kemm bħala prattika personali u kemm bħala triq ta’ evanġelizzazzjoni. Ejjew naħsbu fil-Beatu Pier Giorgio Frassati, Patrun tal-isportivi, li se jiġi pproklamat qaddis fis-7 ta’ Settembru li ġej. Il-ħajja tiegħu, sempliċi u mdawla, tfakkarna li, kif ħadd ma jmut kampjun, hekk ħadd ma jitwieled qaddis. Huwa t-taħriġ ta’ kuljum tal-imħabba li jqarribna lejn ir-rebħa defenittiva (ara Rum 5:3-5) u li jagħmilna kapaċi naħdmu għall-bini ta’ dinja ġdida. Dan affermah ukoll San Pawlu VI, għoxrin sena wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, huwa u jfakkar lill-membri ta’ assoċjazzjoni sportiva Kattolika kemm l-isport kien ikkontribwixxa biex ireġġa’ l-paċi u t-tama f’soċjetà mħarbta mill-konsegwenzi tal-gwerra (ara Diskors lill-membri tal-C.S.I., 20 ta’ Marzu 1965). Qal: “Hija l-formazzjoni ta’ soċjetà ġdida li lejha huma indirizzati l-isforzi tagħkom: […] fl-għarfien li l-isport, fl-elementi sani ta’ formazzjoni li lilhom jagħti valur, jista’ jkun strument utli ħafna għall-irfigħ spiritwali tal-persuna umana, l-ewwel kundizzjoni indispensabbli għal soċjetà ordnata, serena, kostruttiva” (ibid.).
Għeżież sportivi, il-Knisja qed tafdalkom missjoni mill-isbaħ: li, fl-attivitajiet tagħkom, tkunu mera tal-imħabba ta’ Alla Trinità għall-ġid tagħkom u ta’ ħutkom. Idħlu f’din il-missjoni, b’ħeġġa: bħala atleti, bħala formaturi, bħala soċjetà, bħala gruppi, bħala familji. Il-Papa Franġisku kien iħobb jisħaq li Marija, fil-Vanġelu, dehret attiva, f’moviment, saħansitra “tħaffef” (ara Lq 1:39), lesta, kif jafu jagħmlu l-ommijiet, biex malli jgħidilha Alla titlaq ħa tmur tgħin lil uliedha (ara Diskors lill-Voluntiera tal-JDŻ, 6 ta’ Awwissu 2023). Nitolbu lilha ssieħeb it-taħbit u l-ħeġġa tagħna, u torjentahom dejjem għall-aħjar, sal-ikbar rebħa: dik tal-eternità, il-“grawnd defenittiv” fejn il-logħba ma tintemmx aktar u l-ferħ ikun sħiħ (ara 1 Kor 9:24-25; 2 Tim 4:7-8).
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard