Il-Papa Ljun XIV dwar  il-mara li tbati bit-tnixxija tad-demm u bint Ġajru.

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 25 ta’ Ġunju 2025

Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. II. Il-ħajja ta’ Ġesù. Il-mirakli ta’ fejqan. 11. Il-mara li kienet tbati bit-tnixxija tad-demm u bint Ġajru. “Tibżax, biss inti emmen!” (Mk 5:36)

Għeżież ħuti,

Illum ukoll nimmeditaw fuq il-mirakli ta’ fejqan ta’ Ġesù bħala sinjal ta’ tama. Fih hemm qawwa li aħna wkoll nistgħu nħossu meta nidħlu f’relazzjoni mal-Persuna tiegħu.

Marda mifruxa ħafna fi żmienna hi t-taħbit u l-għeja tal-ħajja: ir-realtà tidher quddiemna wisq kumplessa, peżanti, diffiċli li naffrontawha. U allura nħossuna nintfew, norqdu, fl-illużjoni li meta nerġgħu nqumu l-affarijiet se jkunu differenti. Imma r-realtà għandna naffrontawha, u flimkien ma’ Ġesù dan nistgħu nagħmluh b’mod tajjeb. Xi drabi mbagħad inħossuna mwaħħlin mill-ġudizzju ta’ dawk li jippretendu li jistgħu jpoġġu tikketti fuq l-oħrajn.

Jidhirli li dawn is-sitwazzjonijiet nistgħu nsibu bħalhom f’silta tal-Vanġelu ta’ Marku, fejn jintisġu flimkien żewġ ġrajjiet: dik ta’ tfajla ta’ tnax-il sena, li tinsab marida fis-sodda u waslet biex tmut; u dik ta’ mara, li, proprju ilha tnax-il sena titlef id-demm u qed tfittex lil Ġesù għall-fejqan tagħha (ara Mk 5:21-43).

Bejn dawn iż-żewġ figuri femminili, l-Evanġelista jqiegħed il-persunaġġ ta’ missier it-tfajla: dan ma jibqax id-dar igerger minħabba l-marda ta’ bintu, imma joħroġ u jitlob l-għajnuna. Imqar jekk hu l-kap tas-sinagoga, ma jippretendi xejn minħabba l-pożizzjoni soċjali tiegħu. Meta jkollu jistenna, ma jitlifx sabru imma jistenna. U meta jiġu jgħidulu li bintu mietet u għalxejn idejjaq lill-Imgħallem, hu jibqa’ jemmen u jittama.

Id-djalogu ta’ dan il-missier ma’ Ġesù jiġi interrott mill-mara li tbati mit-tnixxija tad-demm, li jirnexxilha tersaq lejn Ġesù u tmiss il-mantar tiegħu (v. 27). Din il-mara b’kuraġġ kbir tieħu d-deċiżjoni li tibdlilha ħajjitha: kulħadd baqa’ jgħidilha żżomm ’il bogħod, ma titperriċx. Kienu kkundannawha biex tibqa’ moħbija u iżolata. Xi drabi aħna wkoll nistgħu nkunu vittmi tal-ġudizzju tal-oħrajn, li jippretendu li jpoġġulna fuqna libsa li mhijiex tagħna. U allura nħossuna ħażin u ma jirnexxilniex noħorġu minnha.

Dik il-mara tidħol fit-triq tas-salvazzjoni meta twarrad fiha l-fidi li Ġesù jista’ jfejjaqha: hawn hi ssib il-qawwa li toħroġ u li tmur tfittxu. Trid tasal biex tmiss tal-inqas il-libsa tiegħu.

Madwar Ġesù kien hemm folla kbira, u allura tant persuni kienu qed imissuh, imma dawn ma jiġrilhom xejn. Imma meta din il-mara tmiss lil Ġesù, tiġi mfejqa. Fejn qiegħda d-differenza? Meta jikkummenta din il-parti tat-test, Santu Wistin jgħid – f’isem Ġesù –: “Il-folla qiegħda tagħfas fuqi, imma hija l-fidi li tmissni” (Diskors 243, 2, 2). Hekk hu: kull darba li nagħmlu att ta’ fidi indirizzat lil Ġesù, jinħoloq kuntatt miegħu u minnufih toħroġ minnu l-grazzja tiegħu. Xi drabi aħna ma nintebħux, imma b’mod moħbi u reali l-grazzja tilħaqna u minn ġewwa ftit ftit tibdel il-ħajja.

Forsi llum ukoll tant persuni jersqu lejn Ġesù b’mod superfiċjali, bla ma jemmnu tassew fil-qawwa tiegħu. L-għatba tal-knisja nikluha, imma forsi l-qalb tagħna hi band’oħra! Din il-mara, siekta u anonima, tegħleb il-biżgħat tagħha, tmiss il-qalb ta’ Ġesù bl-idejn tagħha meqjusa mniġġsa minħabba l-mard. U ara kif minnufih tħossha mfejqa. Ġesù jgħidilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem” (Mk 5:34).

Sadattant, lill-missier tasallu l-aħbar li bintu mietet. Ġesù jgħidlu: “Tibżax, biss inti emmen!” (v. 36). Imbagħad imur id-dar tagħha, u meta jara lil kulħadd jibki u jixher, jgħidilhom: “It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda” (v. 39). Allura jidħol fil-kamra fejn kien hemm mimduda t-tifla, jaqbdilha idha u jgħidilha: “Talità kum”, “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!”. It-tifla tqum fuq saqajha u tibda miexja (ara vv. 41-42). Dak il-ġest ta’ Ġesù jurina li hu mhux biss ifejjaq minn kull marda, imma jqajjem ukoll mill-mewt. Għal Alla, li hu Ħajja ta’ dejjem, il-mewt tal-ġisem hi bħal raqda. Il-mewt vera hi dik tar-ruħ: minn din għandna nibżgħu!

Dettall tal-aħħar: Ġesù, wara li qajjem mill-mewt lit-tifla, jgħid lill-ġenituri jagħtuha x’tiekol (ara v. 43). Dan hu sinjal konkret ħafna tal-qrubija ta’ Ġesù lejn l-umanità tagħna. Imma dan nistgħu nifhmuh ukoll f’sens iktar profond u nistaqsu lilna nfusna: meta t-tfal tagħna jkunu fi kriżi u jiġu bżonn ta’ nutriment spiritwali, nafu nagħtuhulhom? U kif nistgħu, jekk aħna stess ma nitmantnewx bil-Vanġelu?

Għeżież ħuti, fil-ħajja hemm mumenti ta’ delużjoni u ta’ qtigħ il-qalb, u hemm anki l-esperjenza tal-mewt. Nitgħallmu minn din il-mara, minn dan il-missier: immorru għand Ġesù: hu jista’ jfejjaqna, biex iwellidna mill-ġdid. Ġesù huwa t-tama tagħna!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading