Il-Papa Ljun XIV fl-Angelus tal-14-il Ħadd matul is-Sena.

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
IL-Ħadd, 6 ta’ Lulju, 2025

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (Lq 10,1-12.17-20) iffakkarna fl-importanza tal-missjoni, li lkoll kemm aħna msejħin għaliha, kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu/tagħha u fis-sitwazzjonijiet konkreti fejn il-Mulej għoġbu jqegħedna.

Ġesù jibgħat tnejnusebgħin dixxipli (v. 1).  Dan in-numru simboliku juri li t-tama tal-Evanġelju hi destinata għall-popli kollha: propju dan hu l-kobor tal-qalb ta’ Alla, il-ħsad tiegħu abbundanti, jiġifieri l-opra tiegħu fid-dinja biex uliedu kollha taslilhom imħabbtu u jsalvaw.  Fl-istess ħin Ġesù jgħid: “Il-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema huma ftit!  Itolbu għalhekk lil-Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu!” (v. 2).

Min-naħa, Alla, bħal bidwi li jiżra’, ħareġ fid-dinja bil-ġenerożità biex jiżra’ fil-qalb tal-bniedem u tal-istorja x-xewqa tal-infinit, tal-milja tal-ħajja, tas-salvazzjoni li teħilsu.  Għalhekk, il-ħsad hu kbir, is-Saltna t’Alla, bħaż-żerriegħa, tinbet mill-art u n-nisa u l-irġiel tal-lum, anki jekk donnhom maħkumin għal kollox minn bosta hwejjeġ oħra, jistennew verità akbar, ifittxu tifsira aktar sħiħa għal ħajjithom, jixtiequ l-ġustizzja, ġo fihom iġorru x-xenqa tal-ħajja ta’ dejjem.

Min-naħa l-oħra, però, ftit huma l-ħaddiema li jmorru jaħdmu fl-għalqa miżrugħa mill-Mulej u ftit huma dawk li għandhom ħila jagħrfu, bl-għajnejn ta’ Ġesù, iż-żerriegħa t-tajba lesta għall-ħsad (cfrĠw 4,35-38). Hemm xi ħaġa kbira li l-Mulej irid iwettaq f’ħajjitna u fl-istorja tal-umanità, imma ftit huma dawk li jintebħu b’dan, ftit jieqfu biex jilqgħu d-don, iħabbruh u jwassluh lill-oħrajn.

Għeżież ħuti, il-Knisja u d-dinja m’għandhomx bżonn nies li jagħmlu d-dmiritjiet reliġjużi tagħhom qiesu li l-fidi hi xi tikketta għad-dehra; minflok, għandhom bżonn ħaddiema bix-xewqa li jaħdmu fil-kamp tal-missjoni, dixxipli innamrati li jagħtu xhieda tas-Saltna t’Alla kull fejn ikunu.  Forsi m’aħniex neqsin minn insara “tal-okkażjoni” li kultant juru xi sentiment reliġjuż jew xi kultant jieħdu sehem f’xi okkażjoni; iżda huma ftit dawk lesti jaħdmu ta’  kuljum fl-għalqa ta’ Alla, jikkultivaw fi qlubhom iż-żerriegħa tal-Evanġelju biex issir parti mill-ħajja ta’ kuljum tagħhom, fil-familja, fil-postijiet tax-xogħol jew tal-istudju, fl-ambjenti soċjali differenti jew għal min isib ruħu fil-bżonn.

Biex dan iseħħ mhemmx bżonn ta’ ħafna ideat teoriċi dwar kunċetti pastorali; fuq kollox meħtieġ talb lil Sid il-ħsad.  Ifisser li fl-ewwel post hemm ir-relazzjoni mal-Mulej, li nikkultivaw id-djalogu miegħu.  Imbagħad Hu jagħmilna ħaddiema tiegħu u jibgħatna fl-għalqa tad-dinja bħala xhieda tas-Saltna tiegħu.

Nitolbu lill-Verġni Marija, li bil-ġenerożità offriet “’l hawn jien” tagħha u saret sehem fl-opra tas-salvazzjoni, biex tinterċedi għalina u takkumpanjana fil-mixja wara l-Mulej, biex aħna wkoll inkunu nistgħu nsiru ħaddiema ferħana tas-Saltna t’Alla.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

b’għożża nsellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini mill-Italja u minn pajjiżi oħra tad-dinja.  Fis-sħana qawwija ta’ dal-ġranet, il-mixja biex tgħaddu mill-‘Porte Sante’ hi aktar kuraġġuża u ta’ min jammiraha!

Insellem b’mod partikolari lis-Sorijiet Franġiskani Missjunarji tal-Qalb Imqaddsa; lill-istudenti u lill-ġenituri tal-iskola minn Strzyzow u lill-fidili minn Legnica, fil-Polonja; lill-grupp greco-kattoliku mill-Ukrajna.

Insellem ukoll lill-pellegrini minn Romano di Lombardia, Melìa (Reggio Calabria), Sassari u lill-komunità latinoamerikana mid-djoċeesi ta’ Firenze.

Insellem lill-pellegrini tal-lingwa Ingliża.  Nixtieq nesprimi kondoljanzi sinċieri lill-familji kollha li tilfu l-għeżież tagħhom, partikolarment uliedhom bniet, li kienu fil-kamp tas-sajf, minħabba d-diżatru tal-għarar meta faret ix-xmara Guadalupe f’Texas fl-Istati Uniti.  Nitolbu għalihom.

Għeżież, il-paċi hi x-xewqa tal-popli kollha, u hi l-karba mnikkta ta’ dawk li huma mkissrin bil-gwerra.  Nitolbu l-Mulej imiss il-qlub u jdawwal l-imħuħ tal-governanti ħalli l-vjolenza tal-armi ċċedi postha lid-dajlogu.

Illum waranofsinhar se mmur Castel Gamdolfo, fejn fi ħsiebni nqatta’ perjodu qasir ta’ vaganzi.  Nawgura lilkom ilkoll li tieħdu xi ftit vaganzi biex tirriġeneraw ruħkom fil-ġisem u fl-ispirtu.

Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading