Daniel Borg dwar il-Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus
Fl-Angelus il-Papa jgħidilna li l-Vanġelu tal-lum (Lq 10,1-12.17-20) jitkellem mill-missjoni li lkoll msejħin għaliha, kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu u skont is-sitwazzjoni konkreta li l-Mulej ikun tefgħu fiha. Ġesu jibgħat 72 dixxiplu. Dan il-ġest juri l-abbundanza tal-imħabba ta’ Alla. Madanakollu “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit!” (v.2).
Il-Mulej huwa dak li jiżra’. Il-bniedem tal-lum għalkemm jidher mehdi f’ħafna affarijiet, huwa għatxan għall-verita’ u għall-ġustizzja għax f’kull bniedem il-Mulej żera’ iż-żerriegħa tal-eternita’. Madanakollu ħafna drabi ma nindunawx b’dan id-don kbir li l-Mulej żera’ f’qalbna. U la ma nindunawx, la nkunu kapaċi nħabbruh u lanqas inwassluh lill-oħrajn.
Il-Papa jgħidilna li hawn ħafna ‘insara tal-okkażżjoni’ li kulltant jieħdu sehem f’xi festa jew okkażżjoni reliġjuża, u li kull tant jagħmlu xi ħaġa tajba. Imma kemm il-Knisja u kemm id-dinja għandha bżonn ta’ dixxipli mħeġġin u nnamrati mill-Kelma ta’ Alla, li jħaddnu f’qalbhom iż-żerriegħa tal-Vanġelu u li kapaċi jxerrduh fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, fil-post fejn jaħdmu, fil-familja, u lil kull min għandu bżonn. Għal dan ma għandniex bżonn ta’ ħafna teoriji u kunċetti pastorali. Għandna bżonn ta’ nies li jitolbu u jiddjalogaw ma’ Alla, li għandhom relazzjoni mal-persuna ta’ Ġesu’. Huwa dak il-ħin li verament insiru ħaddiema fl-għalqa tiegħU!
Tista’ tara wkoll dan il-ħsieb fuq din il-ħolqa ta’ facebook: https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid02J8RJnkdyCEe2YzrcYvr4tFaCiTkem9ctQfv5CaFyddKrgRr66nuSm9VsmsmmCMnGl