VIŻTA FIL-PARROĊĊA TAR-REĠINA
TAL-APPOSTLI F’MONTAGNOLA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 9 ta’ Diċembru 1984
Għeżież ħuti!
1. Ejjew nisimgħu dak li jgħidilna f’dan il-Ħadd il-Profeta Iżaija, ix-xhud il-kbir tal-ewwel Avvent, il-profeta ta’ Iżrael, tal-poplu li Alla għażel biex jirrivelalu lilu nnifsu, il-ġustizzja tiegħu u l-ħniena tiegħu. F’din ir-rivelazzjoni, li tmur lura għal dak il-bidu li d-dinja u l-bniedem għandhom f’Alla-Ħallieq, tiżvela ruħha il-grazzja tal-patt. L-Alla tal-patt jiltaqà mal-bniedem minkejja d-dnub u l-infedeltà, u f’dan il-patt li jikkonkludi mal-poplu magħżul huwa jħejji t-toroq tal-miġja għar-Redentur tad-dinja.
2. Hekk hu, Iżaija jgħajjat: “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi. / jgħid Alla tagħkom. / Kellmu lil qalb Ġerusalemm / u għidulha li ntemm il-jasar tagħha, / tħallset ħżunitha, / għax ħadet mingħand il-Mulej / darbtejn il-kastig għal dnubietha kollha” (Iż 40, 1-2).
L-Avvent ifisser mela “konsolazzjoni”. Id-dnub inissel d-dwejjaq. U l-legat tad-dnub huma d-dwejjaq u l-avviliment.
Il-profeta jindirizza lill-“qalb ta’ Ġerusalemm” billi jħabbar il-ħelsien mid-dnub. Alla huwa dak li jeħles: jeħles mid-dnub. Huwa r-Redentur. F’dak li se jiġi kull inikwità se tkun maħfura. Huwa jġib fih l-ġustifikazzjoni. Huwa l-Messija, jiġifieri l-Midluk ta’ kull ġustizzja.
Il-miġja tiegħu tfisser mela konsolazzjoni. Jiġi biex itellà lill-bniedem minn dak id-dwejjaq, li fih kien għarrqu id-dnub.
“Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi”!
3. Hawn hi issa l-kontinwazzjoni tal-messaġġ profetiku: “Leħen jgħajjat: / Fid-deżert ħejju t-triq għall-Mulej, / wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri. / Jintradam kull wied, / u jitniżżlu kull muntanja u l-għoljiet; / kull art imħabbta titwitta / kull art imħarbta ssir maqgħad” (Iż 40, 3-4).
L-Avvent ifisser il-miġja tal-Ġust u, konsegwentement, il-ferħ tal-ġustifikazzjoni, li tiġi mingħand Alla.
Kontemporanjament, l-Avvent ifisser it-“triq”.
Kemm Iżaija jitkellem b’mod suġġestiv dwar din it-triq! U mbagħad, meta diġa jkun qrib iż-żmien tat-twettieq tal-ewwel Avvent, għal kliemu jirreferi Ġwanni l-Battista, fil-Ġordan.
L-Avvent ifisser it-“triq”.
Hija it-triq li kull bniedem għandu jħejji fih innifsu: fi ħsibijietu, fi kliemu u fl-opri tiegħu, f’qalbu u fil-kuxjenza.
Mela meta fil-liturġija jippreżenta ruħu mill-ġdid l-Avvent – l-Avvent tas-sena tal-Mulej 1984 – imissna nistaqsu lilna nfusna u ninsistu fuq dawn it-toroq li mingħajrhom ma jistax ikun hawn dik il-miġja.
Mhumiex wisq it-toroq magħluqa?
Mhumiex wisq it-toroq imblokkati?
Triq tfisser: fetħa. Il-kelma triq tgħid li tistà twettaq mixja, li tistà tqarrab: mixja li tistà tqarrbek lejn Alla u li tippermetti laqgħa bejn l-aħwa.
Il-Knisja taż-żmien diffiċli tagħna tgħajjat li għalina t-triq hi miftuħa” imma tgħid ukoll li jekk Alla ma joqrobx lejna, nintilfu!
4. Il-profeta jirrendi xhieda lil Alla, għal din Alla, li jixtieq javviċina lejn il-bniedem, li fih dak kollu maħluq isib l-glorja tiegħu, u b’mod speċjali l-bniedem . . .
Hawn hu l-kliem ta’ Iżaija: “U allura tiġi l-glorja tal-Mulej / u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa, / għax fomm il-Mulej tkellem . . . / Itlà fuq muntanja għolja, / int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sion; / għolli leħnek bil-qawwa kollha, / int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm. / Għajjat, la tibżax: / għid lill-ibliet ta’ Ġuda: / “Hawn hu Alla tagħkom”” (Is 40, 5.9).
tfisser “fetħa”. Il-profeta jxandar tali “fetħa”, sabiex ikun jistà jirrivela “l-glorja tal-Mulej”. Darba waħda Ġwanni se jgħid fuq xatt il-Ġordan:
“Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidkom bl-Ispirtu Santu” (Mk 1, 7-8).
“Il-glorja tal-Mulej” kienet rivelata fil-miġja tal-Messija: fil-lej ta’ Betlem u fl-inħawi tal-Ġordan, u fuq il-Golgota, u fil-qawmien mill-qabar u fiċ-Ċenaklu tal-Pentekoste.
Alla għażel il-post u iż-żmien. Għażel il-poplu u l-bnedmin.
Aħna werrieta ta’ dan iż-żmien u ta’ dan il-post. Werrieta ta’ dan il-poplu u ta’ dawn il-bnedmin. Aħna l-poplu l-ġdid ta’ Alla.
Tagħna huwa t-tieni Avvent!
“Aħna nistennew (skont il-wegħda) smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom ikollha għamara stabbli l-ġustizzja” (2 Pt 3, 13).
“Quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed”. Dan huwa kliem l-Appostlu (2 Pt 3, 8).
5. Bdanakollu – flimkien mat-test tal-liturġija – ejjew nerġgħu lura għall-ewwel Avvent.
Iżaija jgħid: “Hawn hu Alla tagħkom! / Hawn Sidi l-Mulej li ġej bil-qawwa / u jaħkem bil-qawwa ta’driegħu. / Hawn hu bi ħlasu miegħu / u tr-rebħa tiegħu quddiemu. / Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu / u bi driegħu jiġmagħha; / il-ħrief fi ħdanu jerfagħhom / u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom” (Iż 40, 9-11).
Nisimgħu lil Iżaija! Ismà lil Iżaija, bniedem kontemporanju! Ismà dinja li tqarraq bik innifsek billi taħseb li “neħħejt” kull qawwa lil Alla, li ħalqek! Li “neħħejt” u li issa sirt int padrun tagħha.
Donnu li l-bniedem modern – u d-dinja kontemporanja – sar sovran u “qawwi” nvinċibli, madankollu fl-istess ħin nafu – kemm nafu sewwa – li huwa fraġli bħal ħaruf, li tant għandu bżonn ir-Ragħaj, li jerfgħu fi ħdanu u jipproteġih minn kull ħsara.
L-Avvent hu ż-żmien tar-riċċerka: Ir-Ragħaj etern joħroġ ifittex in-nagħaġ tiegħu. Ifittex lil kull bniedem. Ifittex lil kull wieħed u waħda minna.
6. Illum it-tieni Ħadd tal-Avvent immeditajna flimkien il-messaġġ tas-sagra liturġija: l-Isqof ta’ Ruma jinsab fil-parroċċa ddedikatata lis-Sultana tal-Appostli, li tappartieni lill-komunità tal-Knisja ta’ Ruma .
Insellem, flimkien mal-Kardinal Vigarju u l-Isqfijiet awżiljarji, lill-Kappillan tagħkom, Dun Quinto Butani, u l-grupp tal-viċi kappillani, kollha jappartienu lill-Pia Società San Paolo. Huma bi spirtu ta’ unjoni fraterna u kollaborazzjoni, billi jiffaċċjaw ukoll inkonvenjenzi, tipiċi, mill-bqija tal-opri ġovanili u tal-bidu, jiddedikaw ruħhom għalikom, Tislima wkoll lill-komunitajiet reliġjużi preżenti. Dawn huma t-tliet komunitajiet imwaqqfa minn Dun Alberione għall-apostolat tal- istampa u tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali: il-Pia Società San Paolo; il-Pia Società delle Figlie di San Paolo; il-Pie Discepole del divin Maestro. Tali komunitjiet isibu f’din il-bażilika bħal ċentru ispiratur tal-attività tagħhom fi ħdan il-Knisja u l-qalb tad-dedikazzjoni tagħhom għall-kawża t-tajba. Insellem ukoll lill-Ancelle francascane del Buon Pastore, li jagħtu għajnuna valida lill-parroċċa billi joffru għad-dispożizzjoni l-kappella tagħhom u l-postijiet għall-quddiesa festiva u għall-katekeżi.
Tislima partikolari lill-grupp sabiħ tal-adulti tal-Azzjoni Kattolika, magħqud mal-awgurju ta’ żvilupp dejjem iktar miftuħ b’mod effikaċi lejn il-familji l-ġodda tal-prroċċa. Hemm imbagħad il-grupp tal-għajnuna nisranija Fraterna. Hekk sewwa ddedikat għall-assistenza soċjali, lill-morda, b’kollaborazzjoni wkoll mal-Unitalsi, lill-familji u lill-persuni b’diżabiltà jew fil-bżonn ukoll biss ta’ assistenza għal prattiċi burokratiċi u servizzi soċjali oħra. Ma rridx ninsa ċ-Ċenttru anzjani “Don Alberone” (anzjani iva, jgħid il-kappillan tagħkom, imma żgħażagħ fl-ispirtu).
Inkuraġġimernt u fl-istess ħin tislima lill-grupp folt tal-katekisti, li jikkollaboraw għat-tħejjija tat-tfal u tal-ġuvnotti għas-sagramenti tal-ewwel Tqarbina u tal-Griżma tal-Isqof. Aħna rikonoxxenti lejkom għaliex intom regolari fix-xogħol tagħkom, u mħejjija b’attenzjoni, sistematikament, għas-servizz tagħkom. Innutajt bi pjaċir li nkludejtu fil-program tagħkom ta’ tħejjija, u bħala parti ntegrali tal-itinerarju kateketiku, is-sehem fil-liturġija tal-Ħadd, u tattendu intom stess liż-żgħażagħ li huma fdati lilkom biex tintroduċuhom fil-quddiesa tal-Ħadd u festiva.
Din hija inizjattiva mportanti, għaliex tgħinhom jifhmu li l-quddiesa festiva hija sejħa li Alla jindirizza lil kull persuna tal-poplu tiegħu. Mingħajr il-quddiesa l-ħajja nisranija tiftaqar, bogħod mil-laqgħa ma’ Kristu, minn kelmtu u mill-mejda ta’ ġismu; bla quddiesa nissugraw li nħassru s-sinjali tal-appartenenza lill-Knisja, u l-fidi nfisha titlef mill-identità u s-sinifikat. Insistu fuq il-valur tal-fedeltà kostanti għall-quddiesa tal-Ħadd, għaliex hawn titwettaq il-kontinwità tal-manteniment tal-fidi tal-poplu kollu ta’ Alla.
Magħkom katekisti nsellem u Nizzi ħajr ukoll il-gruppi l-oħra kollha ġovanili li, bħala komunitajiet żgħar vivaċi u prezzjużi għall-kontinwazzjoni tal-katekeżi, jimpenjaw ruħhom fil-parroċċa: animazzjoni liturġika, kant, logħob, azzjoni karitattiva. Naf li taħdmu biex tagħtu ħajja lill-Azzjoni kattolika tat-tfal u għall-attivitajiet rikrejattivi bl-entużjażmu li huwa konnaturali għalikom u li juri effett propju għaliex il-ġruppi tagħkom jiżdiedu u jirnexxilkom tiġbdu lejn il-parroċċa wkoll lill-adulti.
7. Hekk il-parroċċa hija parti ħajja tal-“poplu messjaniku” (Lumen Gentium, 9); permezz tagħha jiggwidawna “t-toroq tal-miġja tal-Mulej”. Dawn it-toroq iwasslu mingħand Kristu għall-bniedem, u fi Kristu mill-bnedmin għall-bnedmin.
Il-parroċċa hija komunita ta’ stennija u ta’ riċerka fl-apostolat.
Komunità ta’ stennija. Fl-istennija, qabel kollox, tar-rivelazzjoni sħiħa ta’ Sidha. Il-parroċċa tistenna f’komunjoni il-Miġja tal-Mulej, għaliex hija kollha kemm hi mitfugħa lejn it-twettiq taż-żminijiet futuri, hija stess, bħall-Knisja kollha, li tagħha hija parti, sagrament jew sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla (cf. Lumen Gentium, 1).
Il-parroċċa mbagħad hija komunità ta’riċerka fl-apostolat.
Komunità ta’ apostolat b’mod prominenti, għaliex irċeviet il-missjoni li tħabbar u tibni s-saltna ta’ Kristu u ta’ Alla għall-ġnus kollha, li f’nofshom topera l-ministeru tagħha. Il-parroċċa tagħkom tas-Sultana tal-Appostli tista toffri – kif jiena sinċerament nafda – “eżempju mdawwal ta’ apostolat komunitarju, billi tgħaqqad flimkien id-differenzi umani kollha li hemm fiha, u tinkludihom fl-universalità tal-Knisja” (Apostolicam Actuositatem, 10).
Komunità, ukoll, ta’riċerka, għaliex hija obligata li tiddjaloga mal-kulturi tal-bnedmin multipli u kontinġenti, biex issir post fejn kull bniedem, jiġi minn liema idea jiġi, ikun jistà jiddiskuti l-fidi u jsib, fil-meditazzjoni awtentika tas-sorsi nsara, dawl orjentattiv. Hekk il-parroċċa tkun miftuħa għal kulħadd biex tgħarraf lil Kristu lil kull bniedem li jfittxu, u twassal lil kulħadd fit-triq ta’ Alla, billi jagħrfu Avvent ta’ Ġesù perpetwu fil-kuxjenza, fil-qalb, fil-fidi ta’ kull persuna.
8. Jalla f’din il-parroċċa, iddedikata lis-Sultana tal-Appostli, jerġa jidwi mill-ġdid għal darb’oħra l-kliem ta’ dak li kien l-ewwel hawn l-appostlu, ir-ragħaj u l-isqof:
“Il-Mulej ma jiddawwarx li jtemm il-wegħdiet tiegħu . . . imma jistabar bina għaliex ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema” (2 Pt 3, 9).
Dan il-kliem kiteb Pietru. L-Appostlu ta’ Ġesù Kristu, l-ewwel Isqof ta’ Ruma. F’dan l-Avvent dan mill-ġdid jidwi biex jistedinna lkoll biex nimxu triq il-Mulej, biex inħabbrilna l-konsolazzjoni u l-paċi ta’ dak li ġej.
Ejja, Mulej Ġesùi. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb